Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Frar 2014

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tal-21 ta’ Frar 2014

Is-sitwazzjoni ekonomika, monetarja u finanzjarja

Perjodu ta’ pubblikazzjoni itwal għall-eżerċizzju tat-tbassir makroekonomiku tal-esperti tal-BĊE

Fil-5 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jtawwal il-perjodu ta’ pubblikazzjoni tat-tbassir makroekonomiku tal-esperti tal-BĊE għal tliet snin, mill-eżerċizzju ta’ tbassir makroekonomiku ta’ Marzu 2014.

Komunikazzjoni esterna

Proċeduri li jirregolaw il-provediment ta’ assistenza ta’ likwidità f’emerġenza

Fid-19 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv approva l-kjarifiki tekniċi għat-test tal-proċeduri li jsejsu s-sehem tal-Kunsill Governattiv, skont l-Artikolu 14.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, fir-rigward tal-provediment ta’ assistenza ta’ likwidità f’emerġenza (ELA) lil istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali. Dawn il-proċeduri jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

Forum dwar is-SecuRe Pay – gwida għall-evalwazzjoni tas-sigurtà tal-pagamenti fl-internet

Fit-30 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill Governattiv approva l-gwida għall-evalwazzjoni tas-sigurtà tal-pagamenti fl-internet. Il-gwida għandha l-għan li tiffaċilita evalwazzjonijiet armonizzati, effiċjenti u komparabbli li jsiru mill-awtoritajiet superviżorji jew ta’ sorveljanza rilevanti fi ħdan l-Unjoni Ewropea u ż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-gwida, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarha, ixxandret fil-websajt tal-BĊE fl-4 ta’ Frar 2014.

Rapport dwar l-evalwazzjoni ta’ sistemi ta’ saldu ta’ titoli, links diretti u links indiretti

Fit-13 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv approva rapport dwar l-evalwazzjoni tas-sistemi kollha ta’ saldu ta’ titoli (SSS) u l-links li bħalissa qegħdin jintużaw biex jikkollateralizzaw l-operazzjonijiet tal-kreditu tal-Eurosistema. Il-lista sħiħa tas-sistemi ta’ saldu ta’ titoli u tal-links kollha eliġibbli tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Evalwazzjoni ad hoc ta’ link diretta u ta’ links indiretti ġodda mal-istandards għall-użu ta’ sistemi ta’ saldu ta’ titoli fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema

Fit-13 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv approva l-eliġibbiltà ta’ links ġodda biex jintużaw fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema: (a) link diretta minn Euroclear Bank għal Centralna klirinško depotna družba (KDD) u (b) żewġ links indiretti, minn Euroclear France via Euroclear Bank għall-Bank of Greece Securities Settlement System (BOGS) u Oesterreichische Kontrollbank (OeKB). Il-lista sħiħa tal-links kollha eliġibbli tinsab fil-websajt tal-BĊE.

It-tielet rapport dwar il-falsifikazzjoni tal-kards

Fit-13 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv ħa nota tat-tielet rapport dwar il-falsifikazzjoni tal-kards imħejji mill-Kumitat għas-Sistemi ta’ Pagament u Saldu, u ta l-awtorizzazzjoni tiegħu biex jixxandar fil-websajt tal-BĊE. Ir-rapport, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwaru, ma jdumx ma jixxandar fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar it-tqarrib tal-ħlasijiet iddenominati f’euro fil-Belġju

Fit-23 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/6 wara talba minn Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique f’isem il-Ministru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rimunerazzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi matul perjodi ta’ assenza minħabba mard fl-Irlanda 

Fit-28 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/7 wara talba tal-Ministru tan-Nefqa Pubblika u r-Riformi tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-Magyar Nemzeti Bank

Fil-31 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/8 wara talba mill-Ministeru tal-Ekonomija Nazzjonali tal-Ungerija.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2013/36/UE u 2009/110/KE u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE

Fil-5 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/9 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-Opinjoni xxandret fil-websajt tal-BĊE u se tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament ibbażati fuq kard

Fil-5 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/10 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-Opinjoni xxandret fil-websajt tal-BĊE u se tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-trażmissjoni tad-dejta meħtieġa sabiex tiddefinixxi l-politika monetarja fil-Polonja 

Fis-7 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/11 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Polonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-tnaqqis ta’ rimunerazzjoni statutarja għall-uffiċjali anzjani fis-settur pubbliku u semipubbliku fl-Olanda 

Fl-10 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/12 wara talba mill-Ministeru tal-Intern u tar-Relazzjonijiet tar-Renju tal-Olanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-kontijiet tat-titoli dematerjalizzati denominati f’munita barranija fil-Belġju

Fit-12 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/13 wara talba minn Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique f’isem il-Ministru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-introduzzjoni tal-euro fil-Litwanja

Fit-12 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/14 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Litwanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-mandat u l-istrumenti makroprudenzjali tal-NBB

Fit-13 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/16 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-istatus u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Belġju

Fl-14 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/17 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fil-Polonja 

Fit-18 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/18 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Polonja.

Statistika

Rakkomandazzjoni tal-BĊE li temenda r-Rakkomandazzjoni BĊE/2011/24 dwar ir-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna

Fit-23 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2014/2 dwar ir-rekwiżiti tar-rappurtar tal-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna. Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika fl-Irlanda, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika f’Malta, Statistics Finland fil-Finlandja u lil awtoritajiet kompetenti oħrajn li minn żmien għal żmien jiġu fdati bil-ġbir u/jew bil-kompilazzjoni ta’ statistika esterna fl-Istati Membri. Ir-Rakkomandazzjoni tal-BĊE se tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija għat-Teknoloġija tal-Informatika tal-Eurosistema (EISC)

Fil-5 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Vítor Constâncio, Viċi President tal-BĊE, President tal-Kumitat ta’ Tmexxija għat-Teknoloġija tal-Informatika tal-Eurosistema (EISC) b’seħħ immedjat.

Il-Kontijiet Annwali tal-BĊE 2013

Fid-19 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv approva l-Kontijiet Annwali vverifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2013. Il-Kontijiet Annwali, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarhom, ixxandru fil-websajt tal-BĊE fl-20 ta’ Frar 2014. Ir-rapport amministrattiv għas-sena 2013 se jixxandar fir-Rapport Annwali tal-BĊE 2013.

Superviżjoni bankarja

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro

Fil-31 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/5 dwar il-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ Stati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro. Din id-Deċiżjoni tispeċifika: (a) il-proċedura li għandhom jimxu magħha l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro fir-rigward tad-dħul f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE; (b) kif il-BĊE jevalwa dawn it-talbiet; u (c) kif se jittieħdu d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu kooperazzjoni mill-qrib ma’ Stati Membri speċifiċi. Id-Deċiżjoni tispeċifika wkoll il-proċedura għas-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-kooperazzjoni mill-qrib.

Tiftaħ il-konsultazzjoni pubblika fuq l-abbozz tar-Regolament Qafas tal-BĊE dwar il-MSU

Fit-3 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv approva l-abbozz tar-Regolament tal-BĊE li jistabbilixxi l-qafas għall-kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ir-Regolament Qafas dwar il-MSU), li jispeċifika d-dispożizzjonijiet prattiċi għall-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni fi ħdan il-MSU. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jiftaħ konsultazzjoni pubblika ta’ xahar fuq l-abbozz tar-Regolament Qafas dwar il-MSU. L-abbozz tar-Regolament Qafas dwar il-MSU, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwaru, ixxandar fil-websajt tal-BĊE fis-7 ta’ Frar 2014. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu sa nofsillejl tas-7 ta’ Marzu 2014, id-data tal-għeluq tal-perjodu ta’ konsultazzjoni.

Deċiżjoni tal-BĊE li tidentifika l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma suġġetti għall-evalwazzjoni komprensiva

Fl-4 ta’ Frar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/3 li tidentifika l-entitajiet li se jkunu suġġetti għall-evalwazzjoni komprensiva tal-BĊE, li għandha titlesta sat-3 ta’ Novembru 2014.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja