Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Diċembru 2013

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tal-20 ta’ Diċembru 2013

Operazzjonijiet tas-suq

Linja Gwida dwar il-ġestjoni tal-assi tar-riżervi barranin tal-Bank Ċentrali Ewropew

Fit-28 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2013/45 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2008/5 dwar l-immaniġġjar tal-assi barranin ta’ riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi. Il-Linja Gwida emendata issa tipprevedi li bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro jista’ jitlob lill-Bank Ċentrali Ewropew jew lil xi bank jew banek ċentrali nazzjonali oħra taż-żona tal-euro biex jassumu ċerti kompiti f’ismu fir-rigward tal-ġestjoni operattiva tal-assi f’riżervi barranin trasferiti lill-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Linji Gwida se tixxandar f ’Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Reviżjoni annwali tal-lista ta’ swieq u emittenti mhux regolati aċċettabbli klassifikati bħala aġenziji

Fit-12 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-reviżjoni annwali tal-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettabbli għal assi eliġibbli bħala kollateral għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, li ma kien fiha ebda tibdil mir-reviżjoni ta’ qabilha. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv approva l-klassifikazzjoni tal- Agence centrale des organismes de sécurité sociale (ACOSS), l- Union nationale interprofessionnelle pour l'emploi dans l'industrie et le commerce (UNEDIC) u s- Société de financement de l'économie française (SFEF) bħala aġenziji. L-istrumenti ta’ dejn maħruġa minn dawn it-tliet emittenti għalhekk se jidħlu fil-Kategorija II tal- haircuts għall-assi li huma eliġibbli bħala kollateral għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Il-lista aġġornata tas-swieq mhux regolati aċċettati mill-Bank Ċentrali Ewropew u tal-emittenti klassifikati mill-BĊE bħala aġenziji tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

Isir il-Bord dwar il-Pagamenti bl-Imnut bl-Euro

Fit-18 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv approva l-ħolqien tal-Bord dwar il-Pagamenti bl-Imnut bl-Euro ( Euro Retail Payments Board ‒ ERPB). Din l-entità ġdida, li ħadet post il-Kunsill taż-Żona Unika tal-Pagamenti bl-Euro (SEPA) għandha tgħin biex tkattar l-iżvilupp ta’ suq integrat, innovattiv u kompetittiv għall-pagamenti bl-imnut li jsiru bl-euro fl-Unjoni Ewropea. Il-Bord dwar il-Pagamenti bl-Imnut bl-Euro se jkun magħmul minn rappreżentanti min-naħa tad-domanda u tal-provvista tas-suq Ewropew għas-servizzi ta’ pagamenti bl-imnut u se jkun ippresedut mill-Bank Ċentrali Ewropew. Il-mandat tal-Bord dwar il-Pagamenti bl-Imnut bl-Euro, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwar dan, jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar bidliet fis-setgħat dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet fis-Central Bank of Cyprus  

Fit-22 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/78 wara talba tal-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti tar-Repubblika ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti ta’ riżervi għal istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Litwanja

Fit-22 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/79 wara talba minn Lietuvos bankas.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni u l-Fond ta’ Garanzija tad-Depożiti fir-Rumanija

Fil-25 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/80 wara talba minn Banca Naţională a României.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-liċenzjar, ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu kooperattivi f’Ċipru 

Fis-26 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/81 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fil-Finlandja

Fit-2 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/82 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Finlandja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-governanza tal-Awtorità Superviżorja Finanzjarja tad-Danimarka

Fil-5 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/83 wara talba mill-Awtorità Superviżorja Finanzjarja tad-Danimarka.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-mezzi ta’ ħlas u s-sistemi ta’ ħlas fi Franza

Fil-5 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/84 wara talba mill-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzi ta’ Franza.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-istatus legali tal-assi ta’ Lietuvos bankas u l-iskop tal-verifika pubblika tiegħu

Fil-5 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/85 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Litwanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Portugall

Fis-6 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/87 wara talba tal-Ministru tal-Istat u tal-Finanzi tal-Portugall.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri biex isaħħu l-istabbiltà tal-banek fis-Slovenja 

Fid-9 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/86 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-obbligi ta’ rappurtar dwar dejta b’appoġġ għad-dmirijiet superviżorji ta’ Magyar Nemzeti Bank  

Fid-9 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/88 wara talba minn Magyar Nemzeti Bank.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-karti tal-flus, u l-protezzjoni tagħhom kontra l-falsifikazzjoni fl-Ungerija.

Fis-17 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/89 wara talba mill-Magyar Nemzeti Bank.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-finanzi pubbliċi fil-Lussemburgu

Fit-18 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/90 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Lussemburgu.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-finanzi pubbliċi fl-Estonja

Fit-18 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/91 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Estonja

Statistika

Atti legali tal-BĊE dwar l-istatistika dwar il-pagamenti

Fit-28 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2013/43 dwar l-istatistika dwar il-pagamenti u r-Rakkomandazzjoni BĊE/2013/44 dwar l-istatistika dwar il-pagamenti. Ir-Regolament jiddefinixxi r-rekwiżiti ta’ rappurtar dwar l-istatistika u jibdel parti sostanzjali mir-rekwiżiti ta’ qabel fir-rigward tal-aħħar pass lejn iż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) li se jseħħ fi Frar 2014. Ir-Regolament huwa maħsub għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagament, l-emittenti tal-flus elettroniċi u/jew l-operaturi tas-sistemi ta’ pagament li huma residenti fl-Istati Membri taż-żona tal-euro. Ir-Rakkomandazzjoni hija maħsuba għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro biex ikunu jistgħu jibagħtu l-istess tip ta’ dejta. Iż-żewġ atti legali huma disponibbli fil-websajt tal-BĊE u se jixxandru f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea

Programm ta’ kooperazzjoni teknika tal-Eurosistema mal-banek ċentrali tal-Balkani tal-Punent

Fis-26 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-iffirmar ta’ kuntratt mal-Kummissjoni Ewropea għal programm ta’ kooperazzjoni teknika tal-Eurosistema kkoordinat mill-Bank Ċentrali Ewropew mal-banek ċentrali tal-Balkani tal-Punent. Il-Bank Ċentrali Ewropew u ħdax-il bank ċentrali nazzjonali se jieħdu sehem f’dan il-programm ta’ kooperazzjoni ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. L-għan huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali tal-banek ċentrali bi tħejjija għad-dħul tagħhom fis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, li tiġbor fiha l-banek ċentrali nazzjonali kollha tal-Unjoni Ewropea. Aktar tagħrif għandu jidher fil-websajt tal-BĊE iżjed ’il quddiem.

Governanza korporattiva

Karta tal-Verifika tal-Eurosistema/SEBĊ

Fis-27 ta’ Novembru 2013 il-Kunsill Governattiv approva l-Karta tal-Verifika tal-Eurosistema u s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, li se tieħu post il-Politika ta’ Verifika tas-SEBĊ li kienet approvata fl-1998. Il-Karta timxi fuq l-aqwa prattiki fil-professjoni tal-verifika interna u fl-istess ħin tqis kif jixraq l-ispeċifiċitajiet tal-Eurosistema u s-SEBĊ. Il-Karta se tibda tiġi riveduta għall-inqas darba kull tliet snin u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banque centrale du Luxembourg

Fis-17 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2013/51 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banque centrale du Lussembourg. Ir-Rakkomandazzjoni se tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Ħruġ ta’ karti tal-flus u muniti / Karti tal-flus

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-volum tal-ħruġ ta’ muniti fl-2014

Fis-6 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2013/46 dwar l-approvazzjoni tal-volum tal-ħruġ ta’ muniti fl-2014. Id-Deċiżjoni se tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Linja Gwida tal-BĊE dwar l-akkwist ta’ karti tal-flus tal-euro

Fit-18 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2013/49 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2004/18 dwar l-akkwist ta’ karti tal-flus tal-euro. Il-Linja Gwida emendatorja tipposponi l-proċedura unika tal-Eurosistema għas-sejħiet bl-offerti li oriġinarjament kienet stabbilita għall-1 ta’ Jannar 2014 għal data oħra li l-Kunsill Governattiv għad irid jieħu deċiżjoni dwarha. Il-Linja Gwida se tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Kuntatti midja