Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ġunju 2012

Is-sitwazzjoni ekonomika, monetarja u finanzjarja

Rapport dwar Kwistjonijiet Strutturali 2012

Fis-6 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv approva r-Rapport dwar Kwistjonijiet Strutturali 2012 li tħejja mill-Kumitat għall-Politika Monetarja (wieħed mill-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ). Ir-rapport bl-isem “ Euro area labour markets and the crisis” (“Is-swieq tax-xogħol fiż-żona tal-euro u l-kriżi”) jiddeskrivi l-eteroġeneità fl-aġġustament li ġiet osservata fis-swieq tax-xogħol taż-żona tal-euro u jidentifika s-sehem taċ-ċaqliq, tal-istituzzjonijiet tas-swieq tax-xogħol u tar-reazzjonijiet politiċi differenti waqt li janalizza l-konsegwenzi fi żmien medju ta’ dawn l-iżviluppi fis-swieq tax-xogħol. Ir-rapport se jintbagħat lill-Parlament Ewropew u wara għandu jixxandar fil-websajt tal-BĊE fis-Sensiela Dokumenti Okkażjonali.

Operazzjonijiet tas-suq

Dettalji tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament bejn il-11 ta’ Lulju 2012 u l-15 ta’ Jannar 2013

Fis-6 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv ħa bosta deċiżjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin u għal żmien itwal tal-Eurosistema u dwar il-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti użati għal dawn l-operazzjonijiet. Tagħrif iżjed dettaljat jinsab fi stqarrija għall-istampa li xxandret fil-websajt tal-BĊE fl-istess jum.

Miżuri biex tiżdied id-disponibbiltà ta’ garanziji għall-kontropartijiet

Fl-20 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv ħa deċiżjoni dwar miżuri supplimentari biex tiżdied id-disponibbiltà ta’ garanziji għall-kontropartijiet sabiex jitjieb l-aċċess tagħhom għall-operazzjonijiet tal-Eurosistema u jkompli jissaħħaħ il-provediment ta’ kreditu lill-individwi u l-korporazzjonijiet mhux finanzjarji. Tagħrif aktar dettaljat jinsab fi stqarrija għall-istampa li xxandret fil-websajt tal-BĊE fit-22 ta’ Ġunju 2012.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

Rapport Annwali TARGET 2011

Fl-24 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill Governattiv qies ir-Rapport Annwali TARGET 2011. Ir-rapport juri li l-programm TARGET2 għadu importanti għall-promozzjoni ta’ suq monetarju integrat fiż-żona tal-euro, li hu waħda mill-kundizzjonijiet ewlenin biex il-politika monetarja unika titħaddem b’mod effikaċi, u jgħin fl-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji tal-euro. Ir-rapport u stqarrija għall-istampa dwaru xxandru fil-websajt tal-BĊE fil-31 ta’ Mejju 2012.

Servizzi u sistemi tal-Eurosistema dwar il-ġestjoni tal-garanziji

Fil-15 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv ħabbar id-deċiżjoni li ma kienx se jkompli bit-tħejjijiet għall-proġett dwar il-ġestjoni tal-garanziji mill-banek ċentrali (CCBM2) fis-sura attwali tiegħu. Fil-fażi inizjali tal-proġett ġew identifikati għadd ta’ inċertezzi fil-qasam tal-armonizzazzjoni u l-Eurosistema ħadet id-deċiżjoni li l-ewwel twitti dawn il-problemi qabel tgħaddi għal pjattaforma teknika komuni. Sadattant se jibqa’ validu l-mudell attwali korrispondenti għall-banek ċentrali (CCBM) dwar il-ġestjoni transkonfinali tal-garanziji. Stqarrija għall-istampa dwar din id-deċiżjoni xxandret fil-websajt tal-BĊE fil-15 ta’ Ġunju 2012.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-limitazzjonijiet fuq il-pagamenti fi flus kontanti fid-Danimarka

Fl-10 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/37 wara talba tal-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Intern tad-Danimarka f’isem il-Ministeru tat-Tassazzjoni.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-sorveljanza ta’ servizzi u sistemi ta’ pagament bl-imnut fl-Italja 

Fil-21 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/38 wara talba tal-Banca d’Italia.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas ta’ rikapitalizzazzjoni u xoljiment għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Greċja

Fit-22 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/39 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Greċja.

Opinjoni tal-BĊE dwar arranġamenti fuq id-dejn għal individwi midjunin iżżejjed fil-Greċja

Fit-22 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/40 wara talba tal-Ministeru tax-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali tal-Greċja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-introduzzjoni tal-qafas legali għall-operat ta’ kontropartijiet ċentrali fil-Polonja

Fit-22 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/41 wara talba tal-President tas-Sejm, il-Parlament tal-Polonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-Liġi dwar il-Magyar Nemzeti Bank

Fil-31 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/43 wara talba tal-Ministeru għall-Ekonomija Nazzjonali tal-Ungerija.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-Liġi dwar Česká národní banka

Fil-31 ta’ Mejju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/44 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika Ċeka.

Opinjoni tal-BĊE dwar iż-żieda tal-kwota tal-Ungerija mal-Fond Monetarju Internazzjonali

Fl-1 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/45 wara talba tal-Ministeru għall-Ekonomija Nazzjonali tal-Ungerija.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riorganizzazzjoni u l-bejgħ ta’ assi ta’ propjetà immobbli fis-settur finanzjarju Spanjol 

Fil-5 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/46 wara talba tal-Banco de España.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-prevenzjoni tal-ħlasijiet tardivi fis-Slovenja

Fit-18 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/47 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea

Il-ħdax-il rapport annwali dwar “Is-sehem internazzjonali tal-euro”

Fl-20 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tal-ħdax-il rapport annwali dwar “Is-sehem internazzjonali tal-euro”. Ir-rapport, li jiġbor fih l-iżviluppi li kien hemm fl-2011, jeżamina s-sehem tal-euro fis-swieq dinjin u f’pajjiżi barra ż-żona tal-euro u għandu l-għan li jtejjeb l-għarfien tal-qagħda attwali dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-euro billi jidentifika l-iżviluppi ewlenin u x-xejriet bażiċi. Ir-rapport u stqarrija għall-istampa dwaru se jixxandru fil-websajt tal-BĊE fid-9 ta’ Lulju 2012.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Banka Slovenije

Fl-1 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2012/9 lill-Kunsill dwar l-awdituri esterni ta’ Banka Slovenije. Ir-Rakkomandazzjoni xxandret fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Presidenza tal-Kumitat għall-Kontroll (COMCO)

Fis-6 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Pentti Hakkarainen, Deputat Gvernatur ta’ Suomen Pankki – Finlands Bank, bħala President tal-COMCO (wieħed mill-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ) b’seħħ immedjat. Il-mandat tiegħu jintemm fil-31 ta’ Awwissu 2013, l-istess bħall-mandati tal-presidenti tal-kumitati kollha tal-Eurosistema/SEBĊ li nħatru (mill-ġdid) mill-Kunsill Governattiv fit-22 ta’ Lulju 2010.

Reviżjoni tal-Prattika Tajba għall-għażla u l-mandat ta’ Awdituri Esterni skont l-Artikolu 27.1 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE

Fl-14 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv approva l-verżjoni riveduta tal-“Prattika Tajba għall-għażla u l-mandat ta’ Awdituri Esterni skont l-Artikolu 27.1 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE” li ġiet adottata għall-ewwel darba f’Ottubru 2008. Il-Prattika Tajba, li xxandret fil-websajt tal-BĊE fit-22 ta’ Ġunju 2012, tgħin lill-Kunsill Governattiv jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħatra tal-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) ikunu msejsa fuq kriterji tal-għażla xierqa u armonizzati.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja