Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Marzu 2011

Politika monetarja

Il-konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet ta’ finanzjament monetarju u aċċess privileġġat

Fis-17 ta’ Marzu 2011, skond it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jagħti lill-BĊE l-kompitu li jissorvelja l-konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 123 u 124 tiegħu u r-Regolamenti relatati, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport li jkopri s-sena 2010. Iktar informazzjoni dwar dan se tingħata f'taqsima ddedikata tar-Rapport Annwali tal-BĊE 2010, li se jiġi ppubblikat fid-19 ta’ April 2011.

Komunikazzjoni esterna

Ir-Rapport Annwali tal-BĊE 2010

Fis-17 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv approva r-Rapport Annwali tal-BĊE 2010 li se jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u jkun disponibbli fil-websajt tal-BĊE f’21 lingwa uffiċjali tal-UE fid-19 ta’ April 2011.

Operazzjonijiet tas-suq

Aċċettazzjoni tal-għodda ta’ klassifikazzjoni Coface fir-rigward tal-qafas tal-Eurosistema għall-valutazzjoni tal-kreditu

Fit-18 ta’ Frar 2011 il-Kunsill Governattiv approva l-għodda ta’ klassifikazzjoni tal-Coface Serviços Portugal, S.A. biex tintuża fi ħdan il-qafas tal-Eurosistema għall-valutazzjoni tal-kreditu (ECAF). Il-lista sħiħa ta’ sistemi aċċettati mill-Eurosistema fir-rigward tal-ECAF tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema b’pagament sa Lulju 2011

Fit-3 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv ħa diversi deċiżjonijiet relatati mal-miżuri operazzjonali straordinarji tal-BĊE. Informazzjoni aktar dettaljata, b’mod partikolari dwar il-proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti fl-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema sat-12 ta’ Lulju 2011, ingħatat fi stqarrija għall-istampa li ġiet ippubblikata fl-istess jum.

Is-sistemi ta’ pagament u l-infrastruttura tas-suq

Linja ta’ Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew li temenda l-Linja ta’ Gwida BĊE/2007/2 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross Settlement Express Transfer (TARGET2)

Fis-17 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv adotta Linja ta’ Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew li temenda l-Linja ta’ Gwida BĊE/2007/2 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross Settlement Express Transfer (TARGET2) (BĊE/2011/2). Il-Linja ta’ Gwida se tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.

L-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni

Il-pożizzjoni tal-Eurosistema dwar il-proposta tal-IASB fir-rigward tal-kontabilità dwar l-attivitajiet protettivi

Fil-15 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv approva t-tweġiba tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika tal-Bord Internazzjonali dwar l-Istandards tal-Kontabilità (IASB) għall-proposti tiegħu fir-rigward tat-titjib tar-regoli eżistenti tal-kontabilità dwar l-attivitajiet protettivi. Meta jkunu ffinalizzati, ir-rekwiżiti l-ġodda tal-kontabilità dwar l-attivitajiet protettivi, li għandhom l-għan li jnaqqsu l-komplessità tar-regoli tal-kontabilità dwar l-attivitajiet protettivi u li jirriflettu aħjar is-sustanza ekonomika tal-istrateġiji attwali relatati mal-attivitajiet protettivi, se jkunu parti mill-istandard il-ġdid tal-kontabilità għall-istrumenti finanzjarji. It-tweġiba tal-Eurosistema se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-websajt tal-BĊE.

Ir-rapport tal-2011 tal-BĊE dwar l-“Integrazzjoni finanzjarja fl-Ewropa”

Fis-17 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv ħa nota li l-ħames edizzjoni tar-rapport tal-BĊE dwar l-“Integrazzjoni finanzjarja fl-Ewropa” kellha tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE f’Mejju 2011. Din l-edizzjoni tar-rapport tippreżenta l-qagħda tal-integrazzjoni finanzjarja fiż-żona tal-euro u l-attivitajiet tal-Eurosistema fir-rigward tal-integrazzjoni finanzjarja. Fiha wkoll tliet artikli speċjali dwar is-suġġetti li ġejjin: il-ġestjoni u s-soluzzjoni tal-kriżijiet mill-perspettiva tal-integrazzjoni finanzjarja; il-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjoni fiż-żona tal-euro; u l-iżviluppi fis-suq tal-bonds fiż-żona tal-euro waqt il-kriżi finanzjarja.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għal-leġiżlazzjoni dwar il-finalità tas-saldu u dwar arranġamenti ta’ garanzija finanzjarja fil-Litwanja

Fl-24 ta’ Frar 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Litwan (CON/2011/14).

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għal-leġiżlazzjoni dwar il-fond ta’ garanzija tad-depożiti fir-Rumanija

Fil-25 ta’ Frar 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Banca Naţională a României (CON/2011/15).

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta' inadempjenza tal-kreditu

Fit-3 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (CON/2011/17).

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Kunsill dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (Kodifikazzjoni)

Fl-4 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (CON/2011/18).

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riċirkolazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro fi Franza

Fis-7 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Gvernatur tal-Banque de France (CON/2011/19).

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu għall-Intrapriżi fil-Belġju

Fit-8 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, li kien qiegħed jaġixxi f’isem il-Ministeru tal-Finanzi Belġjan (CON/2011/20).

Opinjoni tal-BĊE dwar it-tisħiħ tas-sistema finanzjarja Spanjola

Fid-9 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tas-Segretarju tal-Istat Spanjol għall-Affarijiet Ekonomiċi (CON/2011/21).

Opinjoni tal-BĊE dwar rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għan-negozjar ta’ Ftehim Monetarju mar-Repubblika Franċiża, li qiegħda taġixxi għall-benefiċċju tal-kollettività barranija Franċiża ta’ Saint-Barthélemy

Fil-11 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (CON/2011/22).

Opinjoni tal-BĊE dwar servizzi ta’ ħlas fil-Polonja

Fil-15 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministru tal-Finanzi Pollakk (CON/2011/23).

Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabilità għal Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro

Fis-17 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-President tal-Kunsill Ewropew (CON/2011/24).

Statistika

Titjib fil-kwalità tal-istatistika dwar il-finanzi tal-gvernijiet

Fis-17 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv qies il-kwalità tal-istatistika dwar il-finanzi tal-gvernijiet u approva proposti biex din tkompli titjieb. B’mod partikolari, il-Kunsill Governattiv ta l-appoġġ tiegħu biex l-iskadenzi tar-rappurtar tal-kontijiet trimestrali tal-gvernijiet skond il-programm ta’ trażmissjoni tas-Sistema Ewropea tal-Kontabilità u tad-dejta relatata mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv jinġiebu ’l quddiem sa t+85 qabel l-2014, sa t+82 qabel l-2017, biex jingħata appoġġ għall-kompilazzjoni ta’ kontijiet trimestrali integrati kompleti għaż-żona tal-euro sa t+90.

Governanza korporattiva

Il-kontijiet annwali tal-BĊE 2010

Fit-3 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv approva l-kontijiet annwali vverifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2010. Il-kontijiet annwali, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, ġew ippubblikati fl-istess jum. Fid-19 ta’ April 2011 se jiġi ppubblikat rapport tal-amministrazzjoni għas-sena 2010 fir-Rapport Annwali tal-BĊE 2010.

Opinjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew

Fit-3 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-President tal-Kunsill Ewropew (CON/2011/16).

Kuntatti midja