Kunsill Ġenerali
Il-Kunsill Ġenerali huwa magħmul
- mill-President tal-BĊE;
- mill-Viċi President tal-BĊE;
- mill-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tas-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
Fi kliem ieħor, il-Kunsill Ġenerali jiġbor fih ir-rappreżentanti tad-19-il pajjiż taż-żona tal-euro u tat-tmien pajjiżi li għadhom ma daħlux fiż-żona tal-euro.
Il-membri l-oħrajn tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, il-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u membru tal-Kummissjoni Ewropea jistgħu jattendu għal-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali iżda m'għandhomx dritt għall-vot.

Kunsill Ġenerali
(sa Ġunju 2018)
Responsabbiltajiet
Il-Kunsill Ġenerali jista’ jitqies bħala korp tranżitorju. Għandu d-dmirijiet li wiret mingħand l-Istitut Monetarju Ewropew u li l-BĊE jrid iwettaq fit-Tielet Fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja minħabba li s’issa mhux l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea adottaw l-euro.
Il-Kunsill Ġenerali jagħti l-kontribut tiegħu wkoll biex:
- jitwettqu l-funzjonijiet konsultattivi tal-BĊE;
- jinġabar tagħrif dwar l-istatistika;
- jitħejja r-rapport annwali tal-BĊE;
- jiġu deċiżi r-regoli meħtieġa għall-istandardizzazzjoni tal-kontabilità u għar-rappurtar tal-operazzjonijiet li jsiru mill-banek ċentrali nazzjonali;
- jiġu adottati miżuri li għandhom x’jaqsmu mal-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE u li mhumiex stabbiliti fit-Trattat;
- jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-istaff tal-BĊE;
- isiru t-tħejjijiet meħtieġa ħalli tiġi stabbilita b'mod irrevokabbli mal-euro r-rata tal-kambju tal-muniti tal-"Istati Membri tal-Unjoni Ewropea b'deroga".
Skont l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Ġenerali jiġi xolt meta l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea jkunu daħħlu l-munita unika.