L-impenn pubbliku dwar l-Istatistika Ewropea min-naħa tas-SEBĊ

Il-funzjoni tal-istatistika tas-SEBĊ hi msejsa fuq mandat legali għall-ġabra tad-dejta kollha meħtieġa u rilevanti biex tiġi prodotta u tixxandar statistika imparzjali, affidabbli, xierqa, f’waqtha, konsistenti u aċċessibbli fl-oqsma li jidħlu fir-responsabbiltà tas-SEBĊ. Fejn ikun il-każ, din l-istatistika għandha tkun konformi mal-istandards, il-linji gwida u l-prattika tajba miftiehma fil-livell Ewropew u internazzjonali. L-indipendenza mogħtija lis-SEBĊ skont l-Artikolu 130 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tinkludi, fost affarijiet oħra, li m’għandux ikun hemm indħil politiku fil-kompilazzjoni u x-xandir ta’ tagħrif statistiku.

Is-SEBĊ tisħaq bil-qawwa fuq il-kwalità tal-istatistika tagħha. Għalhekk tqis l-istandards tal-kwalità miftiehma fil-livell internazzjonali, bħalma huma dawk ifformulati fl-iSpecial Data Dissemination Standard tal-FMI u fid-Data Quality Assessment Framework, li huma msejsa fuq il-Fundamental Principles of Official Statistics tan-NU. Bla ħsara għall-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem imsemmi bħala “l-Istatut”), is-SEBĊ tikkollabora mas-Sistema tal-Istatistika Ewropea (ESS), li tiġbor fiha l-Eurostat (l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea), l-istituti nazzjonali tal-istatistika u awtoritajiet nazzjonali oħra tal-istatistika, u tqis il-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea għall-Awtoritajiet Nazzjonali u Komunitarji tal-Istatistika.

Is-SEBĊ tara li twettaq il-funzjoni tagħha dwar l-istatistika b’mod effettiv u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti meta tiġbor, tikkompila u xxandar l-istatistika. Skont id-dritt primarju u sekondarju tal-liġi tal-UE (l-Artikolu 130 tat-Trattat u l-Artikolu 5 tal-Istatut, u r-Regolament tal-Kunsill 2533/98 kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill 951/2009 rispettivament) l-għan hu li jinġabar it-tagħrif statistiku meħtieġ ta’ kwalità xierqa, waqt li l-piż tar-rappurtar fuq min jipprovdi l-istatistika jinżamm f’livell minimu biex hekk tiġi garantita l-privatezza tiegħu u tiġi mħarsa l-kunfidenzjalità tat-tagħrif provdut meta dan ma jkunx pubbliku. It-tagħrif statistiku kunfidenzjali provdut minn korrispondenti individwali lis-SEBĊ jista’ jerġa’ jintuża għal għanijiet amministrattivi, iżda dan l-użu hu limitat għal tagħrif dwar negozji li kien ikollhom jissottomettu l-istess tagħrif darbtejn lis-SEBĊ (e.g. għall-għanijiet tar-riżervi minimi) u għandu jiġi provdut bil-liġi. Barra dan, is-SEBĊ tiggarantixxi li t-tagħrif statistiku kunfidenzjali provdut minn awtorità tas-Sistema tal-Istatistika Ewropea (ESS) jintuża biss għall-għanijiet tal-istatistika.

Fit-twettiq tal-funzjoni tagħha dwar l-istatistika, is-SEBĊ hi impenjata li żżomm governanza tajba u l-ogħla standards etiċi, kif ukoll li twettaq dmirijietha fi spirtu ta’ kooperazzjoni u ħidma flimkien.
Fil-qosor u skont l-istqarrija dwar il-Missjoni tal-Eurosistema, l-istatistika tas-SEBĊ hi regolata minn sett ta’ prinċipji li jirreferu għall-ambjent istituzzjonali, għall-proċessi tal-istatistika u għall-produzzjoni tal-istatistika tas-SEBĊ.

Ambjent istituzzjonali

L-istruttura istituzzjonali fejn tiġi prodotta l-istatistika tħalli impatt sinifikanti fuq il-kwalità tagħha. L-ambjent istituzzjonali jolqot b’mod sinifikanti l-integrità u l-kredibbiltà tal-produzzjoni u x-xandir tal-istatistika. Il-prinċipji rilevanti li jgħoddu huma dawn:

Prinċipju 1: Indipendenza professjonali

L-“Indipendenza professjonali” għandha żewġ aspetti fil-kuntest tal-funzjoni tas-SEBĊ dwar l-istatistika. L-ewwel, l-indipendenza tas-SEBĊ hi garantita bl-Artikolu 130 tat-Trattat u l-Artikolu 7 tal-Istatut. Dan jgħodd għad-dmirijiet kollha mwettqa mis-SEBĊ u jfisser li m’għandu jkun hemm ebda ndħil politiku fit-twettiq tal-funzjoni tas-SEBĊ dwar l-istatistika. Skont l-Istatut, is-SEBĊ m’għandhiex “titlob jew tieħu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-UE, minn kwalunkwe gvern ta’ Stat Membru jew minn kwalunkwe korp ieħor”. It-tieni, il-produzzjoni tal-istatistika tas-SEBĊ trid tikkonforma mal-kriterju tal-indipendenza xjentifika, li jfisser li l-għażla tas-sorsi, definizzjonijiet, metodoloġiji u teknika tal-istatistika għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-istatistika tas-SEBĊ, kif ukoll id-deċiżjonijiet dwar l-għażla taż-żmien u l-kontenut tal-forom kollha tax-xandir, għandhom jimxu biss mal-kunsiderazzjonijiet tal-istatistika.

Indikaturi:

  1. L-indipendenza tal-funzjoni tas-SEBĊ dwar l-istatistika minn kull indħil estern sew politiku kif ukoll ta’ natura oħra fl-iżvilupp, il-produzzjoni u x-xandir tal-istatistika Ewropea hi garantita bil-liġi.
  2. Il-funzjoni tas-SEBĊ dwar l-istatistika hi responsabbli biex tiżgura li l-istatistika Ewropea tiġi żviluppata, prodotta u mxandra b’mod indipendenti.
  3. Il-funzjoni tas-SEBĊ dwar l-istatistika hi responsabbli unikament għal deċiżjonijiet dwar il-metodi, l-istandards u l-proċeduri tal-istatistika, kif ukoll dwar il-kontenut u l-għażla taż-żmien tal-ħruġ tal-istatistika.
  4. Il-programmi ta’ ħidma dwar l-istatistika jiġu pubblikati waqt li rapporti minn żmien għal żmien ifissru l-progress li jkun sar.
  5. L-istatistika li tinħareġ hi distinta sew u tinħareġ separatament minn stqarrijiet politiċi jew ta’ politika.
  6. Is-SEBĊ, meta jkun il-każ, tikkummenta pubblikament dwar kwistjonijiet marbuta mal-istatistika, fosthom il-kritika u l-użu ħażin tal-istatistika uffiċjali Ewropea.
 
Prinċipju 2: Mandat għall-ġbir ta’ dejta

Il-“Mandat għall-ġbir ta’ dejta” jfisser li s-SEBĊ irid ikollha mandat legali ċar biex tiġbor tagħrif għall-għanijiet marbuta mal-istatistika Ewropea. Barra dan, għandha s-setgħa timponi sanzjonijiet fuq dawk l-aġenti li jiġbru t-tagħrif li jonqsu li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom.

Indikaturi:

  1. Il-mandat tas-SEBĊ għall-ġbir ta’ tagħrif għall-produzzjoni u x-xandir tal-istatistika Ewropea hu speċifikat fil-liġi.
  2. Fuq il-bażi ta’ att legali, is-SEBĊ tista’ tobbliga l-parteċipazzjoni fl-istħarriġ dwar l-istatistika.
 
Prinċipju 3: Adegwatezza tar-riżorsi

L-“Adegwatezza tar-riżorsi” tfisser li r-riżorsi umani u finanzjarji, il-faċilitajiet u l-infrastruttura tat-tekonoloġija tal-informatika għandhom jintużaw b’mod kemm jista’ jkun effiċjenti u jkunu proporzjonati mal-programm ta’ ħidma dwar l-istatistika.

Indikaturi:

  1. Staff kompetenti u riżorsi finanzjarji u tal-informatika, it-tnejn adegwati fil-kwantità u fil-kwalità, ikunu disponibbli biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet attwali tal-istatistika Ewropea.
  2. L-ambitu, id-dettalji u n-nefqa għall-istatistika jkunu proporzjonati mal-ħtiġijiet.
  3. Ikunu jeżistu proċeduri biex jevalwaw u jiġġustifikaw it-talbiet għal statistika ġdida Ewropea skont in-nefqa tagħha.
  4. Ikunu jeżistu proċeduri biex tiġi evalwata l-ħtieġa li tkompli tinġabar l-istatistika Ewropea kollha, sabiex jitqies liema statistika tista’ tieqaf jew tonqos biex jittaffew ir-riżorsi.
 
Prinċipju 4: Impenn għall-kwalità

L-“Impenn għall-kwalità” tfisser li l-funzjoni tas-SEBĊ dwar l-istatistika jkollha impenn fiż-żamma tal-kwalità. Tidentifika sistematikament u regolarment il-preġji u n-nuqqasijiet biex tkompli ttejjeb il-kwalità tal-proċess u tal-prodott.

Indikaturi:

  1. Il-politika tal-kwalità hija definita u disponibbli għall-pubbliku.
  2. Jeżistu proċeduri għall-ippjanar u l-monitoraġġ tal-kwalità tal-proċess ta’ produzzjoni tal-istatistika.
  3. Il-kwalità tal-prodott tiġi monitorjata, evalwata u rappurtata regolarment skont il-kriterji ta’ kwalità tas-SEBĊ.
  4. Issir analiżi regolari u bir-reqqa tar-riżultati ewlenin tal-istatistika.
 
Prinċipju 5: Kunfidenzjalità tal-istatistika

Il-“Kunfidenzjalità tal-istatistika” tfisser il-ħarsien ta’ tagħrif kunfidenzjali dwar l-istatistika marbut ma’ unitajiet tal-istatistika li jinġabar minn membri tas-SEBĊ jew direttament mingħand l-aġenti li jiġbru t-tagħrif jew indirettament mill-awtoritajiet tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika jew minn entitajiet oħra nazzjonali jew internazzjonali. It-tagħrif kunfidenzjali dwar l-istatistika li jiġi trażmess bejn awtorità tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika u membru tas-SEBĊ m’għandux jintuża għal għanijiet li ma jkunux esklużivament dawk tal-istatistika, fosthom għanijiet amministrattivi jew tat-taxxa, proċeduri legali jew għall-verifika jew l-għoti ta’ sanzjonijiet skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill 2533/98. Tagħrif bħal dan għandu jkun aċċessibbli biss għall-membri tal-istaff li jwettqu dmirijiet tal-istatistika fi ħdan qasam speċifiku li miegħu jkollu x’jaqsam it-tagħrif. Barra dan, is-SEBĊ għandha tieħu l-miżuri kollha regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzattivi li jkunu meħtieġa biex tħares it-tagħrif kunfidenzjali dwar l-istatistika milli jixxerred jew jintuża illegalment.

Indikaturi:

  1. Il-kunfidenzjalità tal-istatistika hi garantita bil-liġi.
  2. Il-membri tal-istaff jiffirmaw impenji legali dwar il-kunfidenzjalità mal-ħatra tagħhom.
  3. Pieni huma previsti għal kwalunkwe ksur intenzjonat tal-kunfidenzjalità tal-istatistika.
  4. Il-membri tal-istaff jingħatawlhom linji gwida u struzzjonijiet dwar il-ħarsien tal-kunfidenzjalità tal-istatistika fil-proċessi ta’ produzzjoni u xandir. Il-politika tal-kunfidenzjalità tiġi mgħarrfa lill-pubbliku.
  5. Jeżistu dispożizzjonijiet fiżiċi, teknoloġiċi u organizzattivi biex iħarsu s-sigurtà u l-integrità tal-bażijiet tad-dejta dwar l-istatistika.
  6. Protokolli ibsin jgħoddu għall-utenti esterni li jkollhom aċċess għal dejta individwali tal-istatistika għall-finijiet ta’ riċerka.
  7. Għall-inqas darba fis-sena l-korpi deċiżjonali tal-BĊE jippubblikaw rapport dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-istatistika.
 
Prinċipju 6: Imparzjalità u oġġettività

L-“Imparzjalità” tfisser li l-istatistika tas-SEBĊ għandha tiġi żviluppata, prodotta u mxandra b'mod newtrali. Barra dan, trid tkun aċċessibbli bl-istess mod għall-utenti kollha biex tinżamm il-fiduċja tal-pubbliku fl-integrità tad-deċiżjonijiet tal-politika li huma bbażati fuq din l-istatistika.

L-“Oġġettività” tfisser li l-istatistika tas-SEBĊ trid tiġi żviluppata, prodotta u mxandra b’mod sistematiku, affidabbli u imparzjali. Dan ifisser konformità mal-istandards professjonali u etiċi u li l-politika u l-prattika mħaddma jkunu trasparenti għall-utenti u għal dawk li jiġbru t-tagħrif.

Indikaturi:

  1. L-istatistika tinġabar, tiġi kkompilata u tixxandar b’mod oġġettiv skont il-kunsiderazzjonijiet tal-istatistika.
  2. L-għażla tas-sorsi u tal-metodi tal-istatistika kif ukoll id-deċiżjonijiet dwar ix-xandir tal-istatistika huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-istatistika.
  3. L-iżbalji li jinstabu fl-istatistika pubblikata jissewwew mill-aktar fis u jiġu mgħarrfa lill-pubbliku.
  4. It-tagħrif dwar il-metodi u l-proċeduri li jintużaw ikun disponibbli għall-pubbliku.
  5. Id-data u l-ħin meta tinħareġ l-istatistika jitħabbru bil-quddiem.
  6. Jinħareġ avviż bil-quddiem dwar reviżjonijiet jew tibdil importanti fil-metodoloġiji, fid-dejta dwar is-sorsi u fit-teknika.
  7. L-istatistika Ewropea kollha tkun disponibbli għall-utenti kollha. Kull aċċess privileġġat għal tagħrif qabel ma jinħareġ ikun limitat, kontrollat u jiġi mgħarraf lill-pubbliku. Fil-każ li jinħareġ tagħrif li ma jkunx awtorizzat, id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess privileġġat jiġu riveduti biex tiġi żgurata l-imparzjalità.
  8. L-istatistika li tinħareġ u l-istqarrijiet dwarha li jsiru fil-konferenzi stampa jkunu oġġettivi u mhux partiġjani.
  9. Isiru laqgħat speċjali għall-istampa biex titħabbar u titfisser l-istatistika ġdida importanti li tinħareġ.
 

Proċessi tal-istatistika

Il-proċessi użati għall-iżvilupp, il-ġbir, l-ipproċessar u x-xandir tal-istatistika jikkostitwixxu l-qalba tas-sistemi kollha tal-istatistika. Dawn huma l-prinċipji rilevanti:

Prinċipju 7: Metodoloġija tajba

Il-“Metodoloġija tajba” tfisser li fl-iżvilupp u l-kompilazzjoni tal-istatistika s-SEBĊ għandha tuża metodoloġija solida għall-istatistika msejsa fuq il-leġiżlazzjoni u l-istandards tas-SEBĊ u tal-UE, u/jew fuq l-istandards, il-linji gwida jew il-prattika tajba li dwarhom hemm qbil fil-livell internazzjonali.

Indikaturi:

  1. Il-qafas ġenerali dwar il-metodoloġija użat għall-istatistika Ewropea jimxi mal-istandards, il-linji gwida u l-prattika tajba fil-livell Ewropew u internazzjonali. Iqis il-fehmiet tal-utenti tas-SEBĊ.
  2. Jeżistu proċeduri li jiżguraw li l-kunċetti, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet standard jgħoddu b’mod konsistenti għall-istatistika Ewropea.
  3. Is-sistemi tal-ġbir tad-dejta tas-SEBĊ jiġu evalwati u aġġustati regolarment jekk ikun meħtieġ biex jiġi żgurat livell għoli fil-kwalità.
  4. Jiġu reklutati gradwati fid-dixxiplini akkademiċi rilevanti.
  5. Tiġi implimentata politika ta’ taħriġ vokazzjonali kontinwu għall-membri tal-istaff.
  6. Il-kooperazzjoni mal-komunità xjentifika tiġi organizzata b’mod li ttejjeb il-metodoloġija u l-effikaċja tal-metodi implimentati kif ukoll biex tippromwovi l-aħjar għodod meta jkun possibbli.
 
Prinċipju 8: Proċeduri xierqa tal-istatistika

Il-“Proċeduri xierqa tal-istatistika” tfisser li jiġu implimentati proċeduri tal-istatistika li jkunu effettivi u effiċjenti fil-katina tal-produzzjoni tal-istatistika kollha kemm hi.

Indikaturi:

  1. Meta l-istatistika Ewropea tissejjes fuq dejta amministrattiva, id-definizzjonijiet u l-kunċetti użati għall-għanijiet amministrattivi għandhom ikunu jixbhu lil dawk meħtieġa għall-għanijiet tal-istatistika.
  2. Fil-każ tal-istħarriġ tal-istatistika, il-kwestjonarji jiġu pruvati sistematikament qabel ma tinġabar id-dejta.
  3. It-tfassil tal-istħarriġ, l-għażla tal-kampjuni u l-metodi tal-kalkolu jkollhom bażi tajba u jiġu analizzati u riveduti skont il-ħtieġa.
  4. Il-proċessi użati għall-iżvilupp, il-ġbir, il-kompilazzjoni u l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea jkunu dokumentati tajjeb u jiġu analizzati regolarment biex tiġi evalwata l-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom. Jippermettu li d-dejta pubblikata tibqa’ marbuta ma’ dejta li ma tkunx ġiet analizzata, u li l-aġġustament għall-kwalità u kalkoli oħra tal-istatistika li jsiru matul il-proċess ta’ produzzjoni jistgħu jinġibdu mit-tagħrif maħżun.
  5. Is-sistemi tat-tagħrif dedikati għall-istatistika jiġu provduti bl-għodod xierqa għall-attivitajiet kollha dwar l-istatistika.
  6. Ir-reviżjonijiet jimxu ma’ proċeduri standard li jkunu stabbiliti sew u trasparenti.
  7. Is-SEBĊ tkun imdaħħla fit-tfassil tad-dejta amministrattiva biex din tkun taqbel aktar mal-għanijiet tal-istatistika.
  8. Isir ftehim mas-sidien tad-dejta amministrattiva li jistipula l-impenn komuni tagħhom għall-użu ta’ din id-dejta għall-għanijiet tal-istatistika.
  9. Is-SEBĊ tikkoopera mas-sidien tad-dejta amministrattiva biex tiġi żgurata l-kwalità tad-dejta.
 
Prinċipju 9: Tnaqqis tal-piż fuq min jiġbor it-tagħrif

It-“Tnaqqis tal-piż fuq min jiġbor it-tagħrif” tfisser li s-SEBĊ għandha tistabbilixxi proċeduri xierqa biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-utenti waqt li jitnaqqas il-piż fuq l-aġenti li jiġbru t-tagħrif mingħajr ma tiddgħajjef il-kwalità tal-istatistika tas-SEBĊ.

Indikaturi:

  1. Jitnaqqas il-piż fuq min jiġbor it-tagħrif għall-finijiet tal-istatistika Ewropea.
  2. Issir analiżi dwar il-meriti u l-ispejjeż qabel ma tibda l-produzzjoni regolari ta’ statistika ġdida jew statistika mtejba b’mod sostanzjali.
  3. It-tagħrif min-naħa tan-negozji, safejn hu possibbli, ikun disponibbli minnufih mill-kontijiet tagħhom u jintużaw mezzi elettroniċi biex jitħaffef ir-ritorn ta’ dan it-tagħrif, fejn ikun possibbli.
  4. Jintużaw sorsi amministrattivi fejn ikun possibbli biex jiġi evitat li t-tagħrif jintalab aktar minn darba.
  5. Jiġi ġeneralizzat il-qsim tad-dejta biex ma jsirx stħarriġ ripetut.
  6. Jiġu promossi miżuri li jippermettu li jingħaqdu s-sorsi tad-dejta biex jitnaqqas il-piż fuq min jiġbor it-tagħrif.
 
Prinċipju 10: Effikaċja fin-nefqa

L-“Effikaċja fin-nefqa” tfisser li l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-istatistika tas-SEBĊ għandhom ikunu proporzjonati mal-merti tagħha u li r-riżorsi għandhom jintużaw bl-aħjar mod. Fejn ikun xieraq, it-tagħrif li jrid jinġabar għandu jittieħed minn rekords jew sorsi disponibbli.

Indikaturi:

  1. Miżuri interni u miżuri esterni indipendenti jimmonitorjaw l-użu tar-riżorsi.
  2. Jiġu introdotti innovazzjonijiet importanti fil-proċessi tal-istatistika jew fit-teknoloġija tal-informatika fil-fażijiet kollha tal-produzzjoni u tax-xandir tal-istatistika.
  3. Isiru sforzi proattivi biex jitjieb il-potenzjal tal-istatistika tad-dejta amministrattiva u biex jiġi limitat ir-rikors għal stħarriġ dirett.
  4. Is-SEBĊ tippromwovi u timplimenta soluzzjonijiet standardizzati li jżidu l-effikaċja u l-effiċjenza.
 

Kwalità fir-riżultati

Il-“Kwalità fir-riżultati” tiġbor fiha l-ħames prinċipji li ġejjin:

Prinċipju 11: Rilevanza

Ir-“Rilevanza” tfisser li l-istatistika tas-SEBĊ għandha tilħaq il-ħtiġijiet dikjarati jew suġġeriti tal-utenti. Dawn il-ħtiġijiet jistgħu jinbidlu maż-żmien minħabba t-tibdil fl-ambjent ekonomiku.

Indikaturi:

  1. Jeżistu proċessi għall-konsultazzjoni tal-utenti, għall-monitoraġġ tar-rilevanza u l-utilità tal-istatistika eżistenti biex jintlaħqu l-ħtiġjiet tagħhom u biex jitqiesu l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet ġodda tagħhom.
  2. Il-ħtiġijiet tal-utenti jiġu prijorizzati u riflessi fil-programm ta’ ħidma.
  3. Is-sodisfazzjon tal-utenti jiġi monitorjat regolarment.
 
Prinċipju 12: Eżattezza u affidabbiltà (inkluża l-istabbiltà)

L-“Eżattezza u affidabbiltà (inkluża l-istabbiltà)” tfisser li l-istatistika tas-SEBĊ għandha tipprovdi tagħrif eżatt u affidabbli dwar il-fenomenu li hi maħsuba li tkejjel. L-“eżattezza” tista’ tiġi definita bħala kemm ir-riżultati tal-istatistika jkunu qrib il-valur veru (mhux magħruf) tal-fattur varjabbli li jkun qiegħed jitkejjel, waqt li l-“affidabbiltà” tirreferi għal kemm il-kalkoli riveduti ta’ statistika speċifika jkunu qrib il-valur inizjali pubblikat.

Indikaturi:

  1. Id-dejta dwar is-sorsi, ir-riżultati intermedji u r-riżultai tal-istatistika jiġu evalwati u validati regolarment.
  2. Is-SEBĊ tapplika sistemi solidi għall-ġbir tad-dejta, il-proċeduri ta’ kompilazzjoni u l-metodi tal-kalkolu.
  3. Ir-reviżjonijiet jiġu analizzati regolarment biex tiġi evalwata l-istabbiltà tad-dejta u biex jitjiebu l-proċessi tal-istatistika.
  4. Meta xi ġrajja jew ġrajjiet ikollhom impatt sostanzjali fuq ir-riżultati tal-istatistika, ir-raġunijiet għall-preżenza ta’ dawn il-ġrajjiet jitfissru, sakemm dan ma jkunx jista’ jsir minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ kunfidenzjalità.
  5. Is-SEBĊ tfisser ir-raġunijiet għal reviżjonijiet imdaqqsa.
 
Prinċipju 13: Ħruġ fil-ħin (inkluża l-puntwalità)

Il-“Ħruġ fil-ħin (inkluża l-puntwalità)” tfisser li l-istatistika tas-SEBĊ għandha tinħareġ fil-ħin u tkun puntwali, fejn il-“ħruġ fil-ħin” tirreferi għad-differenza fil-ħin bejn id-disponibbiltà tat-tagħrif u l-ġrajja jew il-fenomenu li għalih jirreferi u l-“puntwalità” tirreferi għad-differenza fil-ħin bejn id-data attwali tal-ħruġ tad-dejta u d-data sa meta d-dejta kellha tinħareġ.

Indikaturi:

  1. Bħala minimu, il-ħruġ fil-ħin jilħaq l-istandards ta’ ħruġ Ewropej u internazzjonali.
  2. Il-ħin standard tal-jum li fih tinħareġ l-istatistika Ewropea jiġi mgħarraf lill-pubbliku.
  3. Il-frekwenza tal-istatistika Ewropea tqis il-ħtiġijiet tal-utenti kemm jista’ jkun.
  4. Id-diverġenzi mill-iskeda tal-ħin għax-xandir jiġu mgħarrfa lill-pubbliku bil-quddiem u jitfissru u tiġi stabbilita data ġdida tal-ħruġ.
 
Prinċipju 14: Konsistenza u komparabbiltà

Il-“Konsistenza u komparabbiltà” tfisser li l-istatistika tas-SEBĊ trid tkun konsistenti: (1) maż-żmien; (2) fi ħdan is-sett ta’ dejta pubblikat f’daqqa; (3) fis-settijiet kollha tad-dejta; u (4) fid-diversi frekwenzi għall-istess sett ta’ dejta, u li, fejn ikun xieraq, l-istatistika għandha tkun (5) komparabbli mal-istatistika ta’ reġjuni u pajjiżi oħra. F'dan il-kuntest, il-koerenza tat-tagħrif statistiku tirreferi għal kemm jista’ jiġi kombinat b’suċċess ma’ tagħrif statistiku ieħor fi ħdan qafas analitiku wiesa’ u maż-żmien. L-istatistika konsistenti tiffaċilita wkoll it-tqabbil fil-livell internazzjonali. L-użu ta’ kunċetti, klassifikazzjonijiet u popolazzjonijiet magħżula li jkunu standard iħeġġeġ il-koerenza, kif jagħmel ukoll l-użu ta’ metodoloġija komuni fl-istħarriġ kollu.

Indikaturi:

  1. L-istatistika tkun koerenti u konsistenti internament (i.e. jiġu osservati l-identitajiet aritmetiċi u tal-kontabilità). Il-flussi u t-tibdil fl-istokks ikunu rikonċiljabbli.
  2. L-istatistika tkun konsistenti jew rikonċiljabbli matul perjodu raġonevoli ta’ żmien.
  3. L-istatistika tiġi kompilata fuq il-bażi ta’ standards komuni fejn jidħlu l-ambitu, id-definizzjonijiet, l-unitajiet u l-klassifikazzjonijiet fl-istħarriġ u s-sorsi differenti.
  4. L-istatistika minn sorsi differenti u ta’ frekwenza differenti tkun tista’ titqabbel u tiġi rikonċiljata.
  5. L-istatistika tkun ibbażata fuq kunċetti u definizzjonijiet li jkun sar qbil dwarhom fil-livell internazzjonali, sakemm ikunu rilevanti, biex ikun jista’ jsir tqabbil fil-livell internazzjonali. Id-differenzi kunċettwali, jekk ikun hemm, jiġu mgħarrfa lill-pubbliku.
 
Prinċipju 15: Aċċessibbiltà u ċarezza

L-“Aċċessibbiltà u ċarezza” tfisser li t-tagħrif dwar id-dejta u l-metadejta għandu jiġi preżentat b’mod ċar u li jinftiehem, u li jkun disponibbli faċilment u fil-pront għall-utenti kollha.

Indikaturi:

  1. L-istatistika u l-metadejta korrispondenti tiġi preżentata f’sura li tiffaċilita l-interpretazzjoni xierqa u t-tqabbil bis-sens.
  2. Is-servizzi tax-xandir jużaw teknoloġija tal-informatika u tal-komunikazzjoni moderna. L-istatistika ewlenija tinħareġ permezz ta’ stqarrija għall-istampa.
  3. Jiġi permess l-aċċess għad-dejta individwali għall-għanijiet ta’ riċerka sakemm ikun suġġett għal regoli jew protokolli speċifiċi.
  4. Il-metadejta tiġi dokumentata skont sistemi standardizzati tal-metadejta.
  5. L-utenti jinżammu mgħarrfa dwar il-metodoloġija tal-proċessi tal-istatsitika, inkluż l-użu tad-dejta amministrattiva.
  6. L-utenti jinżammu mgħarrfa dwar il-kwalità tar-riżultati tal-istatistika, kif definita f’dawn il-kriterji ta’ kwalità tas-SEBĊ.
  7. Il-funzjoni tas-SEBĊ dwar l-istatistika tipprovdi assistenza lill-utenti biex ikollhom aċċess għad-dejta u jifhmuha.