STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jispjega l-Ftehim dwar l-Assi Finanzjarji Netti

5 ta' Frar 2016
  • Il-BĊE jippubblika l-assi finanzjarji netti aggregati tal-Eurosistema
  • Il-banek ċentrali nazzjonali se jippubblikaw dejta dwar l-assi finanzjarji netti nazzjonali rispettivi
  • Il-BĊE jippubblika mistoqsijiet u tweġibiet dettaljati dwar il-Ftehim fuq l-Assi Finanzjarji Netti (ANFA) u l-għan tiegħu, flimkien mal-ftehim innifsu.

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) qiegħed jippubblika l-assi finanzjarji netti aggregati tal-Eurosistema u jfisser x’inhu l-Ftehim dwar l-Assi Finanzjarji Netti (ANFA).

L-ANFA huwa ftehim bejn il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro u l-BĊE. Jistabbilixxi regoli u limiti għal investimenti li mhumiex marbuta mal-politika monetarja u li huma relatati mal-kompiti nazzjonali tal-banek ċentrali nazzjonali.

Il-BĊE qiegħed jippubblika l-assi finanzjarji netti aggregati tal-Eurosistema, u l-banek ċentrali nazzjonali se jippubblikaw l-assi finanzjarji netti rispettivi tagħhom kull sena (biex jaħbtu mal-pubblikazzjoni tal-kontijiet finanzjarji annwali). Fi tmiem l-2015 l-assi finanzjarji netti aggregati tal-Eurosistema kienu jgħoddu €490 biljun. L-assi finanzjarji netti żdiedu b’5% fis-sena bħala medja mill-introduzzjoni tal-karti tal-euro fl-2002. Din il-perċentwali hija inqas minn dik tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni, li żdiedu b’9% fis-sena bħala medja fl-istess perjodu.

Il-ftehim ANFA ntuża biex jillimita l-kapaċità tal-banek ċentrali nazzjonali sabiex joħolqu likwidità skont l-għanijiet tal-politika monetarja. Għalkemm il-ftehim ANFA qabel kien dokument kunfidenzjali, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema ħadu d-deċiżjoni unanima li, f’ġieħ it-trasparenza, ikun aħjar li jiġu ppubblikati t-test tal-ftehim flimkien ma’ dokument spjegattiv. Dan jaqbel mad-deċiżjoni tal-BĊE tal-2014 li jippubblika rapporti tal-laqgħat tal-politika monetarja u d-deċiżjoni tal-2015 li jippubblika l-kalendarji tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tiegħu.

Il-BĊE qiegħed joħroġ ukoll dokument b’mistoqsijiet u tweġibiet biex ifisser id-dettalji u l-għan tal-ftehim ANFA, flimkien mal-ftehim innifsu.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Stefan Ruhkamp (+49 69 1344 5057).

Kuntatti midja