European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jħabbar programm estiż ta’ xiri ta’ assi

22 ta' Jannar 2015
  • Il-BĊE jestendi x-xiri biex jinkludi bonds maħruġin minn gvernijiet ċentrali, aġenziji u istituzzjonijiet Ewropej fiż-żona tal-euro
  • It-total tax-xiri ta’ assi kull xahar jammonta għal €60 biljun
  • Ix-xiri huwa maħsub li se jibqa’ jsir mill-inqas sa Settembru 2016
  • Il-programm tfassal biex jissodisfa l-mandat tal-istabbiltà tal-prezzijiet

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ħabbar programm estiż ta’ xiri ta’ assi. Dan il-programm għandu l-għan li jissodisfa l-mandat tal-BĊE dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, u permezz tiegħu l-BĊE se jżid ix-xiri ta’ bonds sovrani mal-programmi eżistenti tiegħu ta’ xiri ta’ assi tas-settur privat sabiex jindirizza r-riskji ta’ perjodu estensiv iżżejjed ta’ inflazzjoni baxxa.

Il-Kunsill Governattiv ħa din id-deċiżjoni f’sitwazzjoni fejn il-biċċa l-kbira tal-indikaturi attwali u mistennija għall-inflazzjoni fiż-żona tal-euro mxew lejn il-livelli l-aktar baxxi tal-istorja tagħhom. Billi l-effetti sussegwenti potenzjali fuq il-pagi u l-iffissar tal-prezzijiet bdew jheddu li jolqtu b’mod negattiv l-iżviluppi fil-prezzijiet fi żmien medju, din is-sitwazzjoni kienet teħtieġ reazzjoni qawwija min-naħa tal-politika monetarja.

Ix-xiri tal-assi jipprovdi stimolu monetarju lill-ekonomija f’kuntest fejn ir-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jinsabu f’limitu baxx. Dan ix-xiri jkompli jaġevola l-kundizzjonijiet monetarji u finanzjarji, sabiex l-aċċess għall-finanzjament ikompli jorħos għall-kumpaniji u l-individwi. Dan għandu t-tendenza li jsostni l-investiment u l-konsum, u fl-aħħar mill-aħħar jgħin biex ir-rati tal-inflazzjoni jerġgħu lura għal-livell ta’ 2%.

Il-programm estiż se jinkludi l-programm tax-xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP) u l-programm tax-xiri ta’ bonds garantiti (CBPP3), li t-tnejn ġew varati għall-aħħar tas-sena li għaddiet. It-total tax-xiri ta’ assi kull xahar se jammonta għal €60 biljun. Huwa maħsub li x-xiri se jibqa’ jsir mill-inqas sa Settembru 2016 u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu li r-rati tal-inflazzjoni jinżammu taħt iżda qrib 2% għal żmien medju.

Il-BĊE se jixtri bonds fis-suq sekondarju maħruġin minn gvernijiet ċentrali, aġenziji u istituzzjonijiet Ewropej fiż-żona tal-euro bil-flus tal-bank ċentrali. L-istituzzjonijiet li jkunu biegħu t-titoli jistgħu jużaw il-flus biex jixtru assi oħra kif ukoll biex jestendu kreditu lill-ekonomija reali. Fiż-żewġ każijiet, dan jgħin biex jiġu aġevolati l-kundizzjonijiet finanzjarji.

Il-programm jixhed id-determinazzjoni tal-Kunsill Governattiv li jilħaq l-għan tiegħu ta’ stabbiltà fil-prezzijiet f’ambjent ekonomiku u finanzjarju bla preċedenti. L-istrumenti li qegħdin jintużaw huma xierqa fiċ-ċirkostanzi attwali u konformi għalkollox mat-Trattati tal-Unjoni Ewropea.

Fir-rigward tax-xiri addizzjonali ta’ assi, il-Kunsill Governattiv se jżomm kontroll fuq il-karatteristiċi kollha li jfasslu l-programm u l-BĊE se jikkoordina x-xiri, biex hekk tiġi salvagwardata l-uniċità tal-politika monetarja tal-Eurosistema. L-Eurosistema se tuża l-implimentazzjoni deċentralizzata biex timmobilizza r-riżorsi tagħha.

Fir-rigward ta’ kif jinqasam telf ipotetiku, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li x-xiri ta’ titoli ta’ istituzzjonijiet Ewropej (li se jkun 12% tax-xiri addizzjonali ta’ assi, u li se jinxtara mill-banek ċentrali nazzjonali) se jkun suġġett għall-qsim tat-telf. Il-bqija tax-xiri addizzjonali ta’ assi min-naħa tal-banek ċentrali nazzjonali mhijiex se tkun suġġetta għall-qsim tat-telf. Il-BĊE se jżomm 8% tax-xiri addizzjonali ta’ assi. Dan ifisser li 20% tax-xiri addizzjonali ta’ assi se jkunu suġġetti għal reġim ta’ qsim tar-riskji.

Għal aktar tagħrif, tista’ ċċempel lil Stefan Ruhkamp (+49 69 1344 5057).

Noti:

Anness tekniku (bl-Ingliż) li fih aktar dettalji operattivi qiegħed jiġi ppubblikat flimkien ma’ din l-istqarrija għall-istampa.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja