- It-tnaqqis fir-rata tal-imgħax tal-faċilità tad-depożitu jibda jgħodd mill-11 ta’ Ġunju 2014
- Ir-rata negattiva se tgħodd ukoll għall-medja tar-riżervi miżmuma li jaqbżu r-rekwiżiti minimi tar-riżervi u depożiti oħra miżmuma mal-Eurosistema
Meta ħa d-deċiżjoni li jnaqqas ir-rati tal-imgħax ewlenin tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-laqgħa tal-lum, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ħa d-deċiżjoni li jnaqqas ir-rata tal-imgħax tal-faċilità tad-depożitu għal -0.10%.
Din il-bidla se tidħol fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2014 flimkien mat-tibdil fir-rati tal-imgħax tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u tal-faċilità tas-self marġinali. Ir-rata tal-imgħax negattiva tal-faċilità tad-depożitu se tgħodd ukoll: (i) għall-medja tar-riżervi mizmuma mill-banek li jaqbżu r-rekwiżiti minimi tar-riżervi; (ii) għad-depożiti tal-gvern miżmuma mal-Eurosistema li jaqbżu ċerti limiti li se jiġu ffissati fil-Linja Gwida rilevanti li għandha tixxandar sas-7 ta’ Ġunju; (iii) għall-kontijiet tal-Eurosistema dwar is-servizzi tal-ġestjoni tar-riżervi, jekk attwalment mhumiex rimunerati; (iv) għall-bilanċi tal-kontijiet tal-parteċipanti fit-TARGET2; (v) għall-bilanċi tal-banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fl-Eurosistema ( overnight deposits) miżmuma fit-TARGET2; u (vi) għal kontijiet oħra miżmuma minn terzi mal-banek ċentrali tal-Eurosistema meta jkun stipulat li attwalment mhumiex rimunerati jew li jkunu rimunerati bir-rata tal-faċilità tad-depożitu.
Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jċempel lil William Lelieveldt (+49 69 1344 7316).