Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

il-BĊE jiċċelebra t-tlestija tat-torrijiet tal-bini l-ġdid

20 ta' Settembru 2012

Illum il-Bank Ċentrali Ewropew organizza ċerimonja biex jiċċelebra t-tlestija tax-xogħlijiet strutturali ewlenin tal-bini l-ġdid tiegħu fis-sit tal- Grossmarkthalle – il-pitkalija l-qadima ta’ Frankfurt am Main.

“Din iċ-ċerimonja tfakkar data oħra importanti marbuta mad-dar il-ġdida tal-BĊE”, qal Jörg Asmussen, membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE inkarigat mill-proġett tal-bini, waqt li żied li “f’isem il-kollegi tiegħi tal-Kunsill Governattiv, nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom biex inħoloq dan il-kumpless uniku ta’ bini – mill-fażi tal-ippjanar sal-fażi attwali ta’ kostruzzjoni – għall-impenn tagħhom f’dan il-proġett kbir. Il-bini l-ġdid għandu jipprovdi lill-BĊE bi kwartieri moderni u funzjonali, u nittama li ċ-ċittadini ta’ Frankfurt, u lil hinn minnha, jarawh bħala bini li jkompli jsebbaħ il-profil tal-belt u wiċċ l-Ewropa.”

Wara diskors ta’ merħba mis-Sur Asmussen, saru diskorsi oħra minn Peter Feldmann, is-Sindku tal-Belt ta’ Frankfurt am Main, u minn Klaus Pöllath, Membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Ed. Züblin AG, il-kumpanija responsabbli għax-xogħlijiet strutturali ewlenin. Membri tal-Bord Eżekuttiv, tal-Kunsill Governattiv u tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE poġġew is-27 bandiera tal-Istati Membri tal-UE u l-bandiera tal-Unjoni Ewropea f’kuruna li tħejjiet għall-okkażjoni. Iċ-ċerimonja ntemmet billi l-kuruna ttellgħet sal-ogħla sular u ngħatat it-tislima tradizzjonali mill-formen tal-kostruzzjoni tat-torrijiet.

Il-biċċa l-kbira tal-postijiet tax-xogħol se jkunu fit-torrijiet. Barra t-torrijiet, il-kumpless tal-bini jinkludi l- Grossmarkthalle (li se jiġbor fih is-swali tal-konferenzi u ċentru tal-viżitaturi), il-bini tad-daħla u diversi binjiet anċillari.

Ix-xogħol għadu għaddej fuq it-tliet elementi ewlenin tal-bini skont kif ippjanat u x-xogħol tal-azzar għall-postijiet tekniċi u l-antenna ta’ fuq il-bini għandu jintemm sal-aħħar ta’ din is-sena. L-installazzjoni tal-faċċati u l-infrastruttura teknika kif ukoll ix-xogħol marbut mat-tagħmir ukoll mixjin skont il-pjan. Madankollu, ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal- Grossmarkthalle u l-bini tad-daħla jinsabu bejn wieħed u ieħor sitt xhur b’lura minħabba l-kumplessità tax-xogħol ta’ restawr meħtieġ fuq l-istruttura oriġinali ta’ dan il-bini skedat.

S’issa l-BĊE nefaq madwar €530 miljun fuq il-kostruzzjoni u spejjeż oħra, fosthom ix-xiri tal-art. Fl-2005 kien ikkalkulat li l-ispiża totali tal-investiment kellha tkun ta’ €850 miljun bil-prezzijiet stabbli ta’ dik is-sena. Hu mistenni li żidiet fil-prezzijiet tal-materjal tal-bini u tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni mill-2005 sat-tlestija tal-proġett fl-2014 se jwasslu għal żieda ta’ €200 miljun fl-ispiża totali tal-investiment. Barra dan, il-proġett kellu jħabbat wiċċu ma’ għadd ta’ sfidi imprevedibbli. L-akbar żewġ sfidi kienu, l-ewwel, li s-sejħa għall-offerti oriġinali għal kuntrattur ġenerali ma tatx riżultati sodisfaċenti u l-BĊE kellu jibdel għal mudell differenti ta’ kuntrattur, u t-tieni, li l- Grossmarkthalle – bini kbir tal-1928 b’patrimonju industrijali – offra għadd ta’ sfidi li ma ġewx individwati fl-eżami inizjali li sar qabel ma ġie akkwistat il-post: il-pedamenti ma kinux adegwati u ħtiġilhom sostenn supplimentari; il-kisi tal-bejt instab li kien ikkontaminat u għalhekk ma setax jintrema b’mod sempliċi; u partijiet mill-kostruzzjoni tal-konkos ma kellhomx sostenn tal-azzar adegwat. Dawn il-fatturi x’aktarx iwasslu għal spiża żejda ta’ bejn wieħed u ieħor €100-€150 miljun, jew żieda ta’ bejn 10 u 14% fl-ispiża totali tal-investiment.

Il-BĊE għandu jibda jaħdem mill-bini l-ġdid tiegħu kif kien maħsub oriġinarjament, jiġifieri fl-2014.

Aktar dettalji dwar il-bini l-ġdid tal-BĊE, fosthom id-diskorsi li saru fiċ-ċerimonja, jinsabu fil-websajt tal-BĊE: http://www.ecb.europa.eu/newpremises.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja