Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ġunju 2021

25 ta’ Ġunju 2021

Operazzjonijiet tas-suq

Operazzjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni tas-self u l-għotjiet NextGenerationEU

Fis-26 ta’ Mejju 2021 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2021/874 (BĊE/2021/25) li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti (riformulazzjoni). L-emenda tinkludi aspetti operattivi relatati mal-amministrazzjoni tas-self u l-għotjiet imħallsa taħt il-pakkett ta’ appoġġ ta’ emerġenza tal-UE NextGenerationEU (NGEU) . Għaldaqstant, il-BĊE se jiftaħ żewġ kontijiet għall-Kummissjoni Ewropea: wieħed biex iżomm il-holdings ta’ flus kontanti prudenti NGEU meħtieġa biex jiżgura l-immaniġġjar b’suċċess tal-pagamenti NGEU, u wieħed biex iservi bħala kont pass-through li permezz tiegħu jista’ jitħallsu għotjiet lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni Ewropea se tirrimborża l-ispejjeż tal-għadd tal-BĊE għal dan is-servizz. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda barra minn hekk li l-fondi miżmuma fil-kont iddedikat għal holdings ta’ flus kontanti prudenti NGEU se jkunu, sa limitu ta' €20 biljun, remunerati b'0% jew ir-rata tal-faċilità ta’ depożitu, liema minnhom tkun l-ogħla, u b’hekk sa dan il-limitu eżentati mill-applikazzjoni ta’ rati ta’ imgħax negattivi. Ammonti li jaqbżu l-limitu eżentat ta’ €20 biljun jiġu rremunerati bir-rata tal-faċilità ta' depożitu. NGEU huwa mistenni li jipprovdi għajnuna finanzjarja sa €750 biljun fil-forma ta’ self u għotjiet mill-Unjoni Ewropea lill-Istati Membri affettwati.

Emenda għal-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema.

Fit-2 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida (UE) 2021/975 (BĊE/2021/26) li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral. L-emenda timplimenta d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-10 ta’ Diċembru 2020 rigward it-tul tal-miżuri ta' tnaqqis tal-kollateral. Testendi d-data tat-tmiem espliċita għal dispożizzjonijiet li jżommu l-eliġibilità ta’ ċerti assi negozjabbli u emittenti eliġibbli fis-7 ta’ April 2020, mid-29 ta’ Settembru 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2022. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jikkonformaw mal-Linja Gwida mit-30 ta’ Settembru 2021.

Bidliet fl-oqfsa eżistenti ta’ talbiet ta' kreditu addizzjonali

Fl-10 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill Governattiv approva l-possibbiltà ta’ estensjoni oħra ta’ sitt xhur (mit-30 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Diċembru 2021) tal-perjodu li fih il-garanziji li jkunu għadhom kif ingħataw taħt l-iskemi estiżi ta’ garanzija tal-gvern/settur pubbliku relatat mal-koronavirus (COVID-19) jistgħu jiġu aċċettati mill-banek ċentrali nazzjonali għal talbiet ta' kreditu eliġibbli taħt l-oqfsa ta’ talbiet ta' kreditu addizzjonali temporanji. Dan huwa konsistenti mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ttawwal il-Qafas Temporanju tal-Għajnuna mill-Istat għal perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur, sal-31 ta’ Diċembru 2021.

Politika makroprudenzjali u stabbiltà finanzjarja

Tweġiba tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-qafas għall-fondi tas-suq tal-flus tal-UE mill-ESMA

Fit-23 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill Governattiv approva r-risposta tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika mill-ESMA dwar il-qafas għall-fondi tas-suq tal-flus tal-UE. Id-dokument ma jdumx ma jidher fil-websajt tal-BĊE.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Rapport Annwali TARGET 2020

Fl-20 ta’ Mejju 2021 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-Rapport Annwali TARGET 2020, li wara ġie pubblikat fil-websajt tal-BĊE. Ir-rapport jagħti tagħrif fuq it-tranżazzjonijiet fit-TARGET2 u l-prestazzjoni tiegħu u l-iżviluppi ewlenin li saru fl-2020. Jinkludi wkoll seba’ kaxxi dwar suġġetti ta' rilevanza partikolari fl-2020, jiġifieri l-evoluzzjoni tat-traffiku TARGET2 u l-impatt tal-koronavirus (COVID-19), l-introduzzjoni ta’ miżuri ta' aċċessibilità pan-Ewropej tat-TARGET Instant Payment Settlement (TIPS), l-effetti ta’ Brexit fuq it-traffiku TARGET2, is-saħħiet tal-mekkaniżmi li jiffrankaw il-likwidità fit-TARGET2, il-profili tal-ħlas tal-parteċipanti tat-TARGET2, inċidenti maġġuri tat-TARGET2 fl-2020, u l-proġett ta’ konsolidazzjoni tat-TARGET2/TARGET2-Securities (T2S) u s-servizzi futuri ta’ ħlas gross f’ħin reali (RTGS) .

Żviluppi fis-saldu bejn il-muniti fit-TIPS

Fil-11 ta ’Ġunju 2021 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li funzjonalità ta’ saldu bejn il-muniti fit-TIPS hija konformi mal-għanijiet strateġiċi tal-Eurosistema. Ix-xogħol biex tiġi esplorata kapaċità bejn il-muniti fit-TIPS beda f’Ottubru 2020, meta l-BĊE u Sveriges Riksbank ħabbru investigazzjoni kollaborattiva dwar jekk il-pjattaforma tistax tipproċessa tranżazzjonijiet bejn l-euro u l-krona Svediża. Il-pass li jmiss fl-investigazzjoni huwa li jiġi ddefinit mudell operattiv possibbli u struttura legali. TIPS huwa mistenni li joffri ħlas ta’ pagament immedjat fil-krona Svediża minn Mejju 2022, meta Sveriges Riksbank se jissieħeb fil-pjattaforma. Pagamenti immedjati fil-krona Daniża jistgħu jkunu disponibbli wkoll sa Novembru 2025, meta d-Danmarks Nationalbank huwa skedat li jissieħeb. Aktar dettalji huma disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE fit-taqsima tal-aħbarijiet dwar il-pagamenti u s-swieq.

Rendikonti finanzjarji T2S tal-2020

Fis-17 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji T2S għas-sena fiskali 2020 u ħa nota tal-opinjoni tal-verifika esterna relatata. Il-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-rendikonti tissodisfa obbligu taħt il-Ftehim ta' Qafas T2S u hija maħsuba biex tgħarraf lill-klijenti u lill-partijiet interessati T2S, kif ukoll lill-pubbliku inġenerali, dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tat-T2S. Id-dokumenti jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-limitazzjoni tal-obbligu li jiġu rċevuti ħlasijiet fi flus kontanti fil-Polonja

Fl-14 ta’ Mejju 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/18 wara talba tal-President Narodowy Bank Polski (NBP), li aġixxa f’isem il-President tar-Repubblika tal-Polonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-istabbiliment ta’ reġistru tad-data bażika dwar l-intrapriżi fil-Ġermanja

Fil-25 ta' Mejju 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/19 wara talba tal-Ministeru Federali tal-Ekonomija u t-Teknoloġija tal-Ġermanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar reżiljenza operattiva diġitali għas-settur finanzjarju

Fl-4 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/20 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rwol tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru fir-rigward tal-ħruġ ta' garanziji tal-gvern lil istituzzjonijiet ta’ kreditu

Fil-11 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/21 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-regolament tal-diskrepanza fil-maturità tal-forint ta’ istituzzjonijiet ta' kreditu

Fil-11 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2021/22 wara talba minn Magyar Nemzeti Bank.

Governanza korporattiva

Membru ġdid tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq

Fil-11 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Julian Reischle, Direttur Ġenerali għas-Sistemi tas-Swieq u l-Pagamenti tad-Deutsche Bundesbank, bħala membru tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq sal-31 ta’ Mejju 2022. Is-Sur Reischle jieħu post is-Sur Jochen Metzger, li ħa pożizzjoni oħra fi ħdan id-Deutsche Bundesbank, b'effett immedjat.

Statistika

Konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tal-qafas ta’ nuqqas ta' konformità tar-rappurtar statistiku

Fis-17 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar proċeduri ta’ ksur f'każijiet ta' nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta' rappurtar statistiku. L-għan tar-reviżjoni huwa li jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ ksur u tiċċara r-rwoli tal-istituzzjonijiet rilevanti fil-proċess. Id-dokumentazzjoni relatata hija disponibbli fil-websajt tal-BĊE. L-adozzjoni formali tal-qafas legali rivedut għan-nuqqas ta’ konformità hija mistennija li sseħħ sal-aħħar tal-2021.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Emenda tar-regolament tal-BĊE dwar informazzjoni finanzjarja superviżorja

Fl-14 ta’ Mejju 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/943 (BĊE/2021/24) li jemenda r-Regolament (UE) 2015/534 dwar ir-rappurtar ta' informazzjoni finanzjarja superviżorja (BĊE/2015/13) (Regolament FINREP tal-BĊE). L-emenda kienet meħtieġa biex taġġorna r-referenzi għal u tibqa’ konsistenti ma’ bidliet relatati ma’ atti legali tal-UE b'referenza inkroċjata fir-Regolament FINREP tal-BĊE (eż. ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/451 adottat reċentement dwar ir-rappurtar superviżorju ta' istituzzjonijiet u r-Regolament (UE) 2019/876 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013). L-att legali emendat tal-BĊE għandu japplika mit-28 ta’ Ġunju 2021.

Nuqqas ta’ konformità temporanju mal-Linji Gwida tal-ABE dwar il-firxa ta' xenarji li għandhom jintużaw fil-pjanijiet ta’ rkupru

Fit-18 ta’ Mejju 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE se jkun temporanjament f’nuqqas ta’ konformità ma’ partijiet tal-Linji Gwida tal-ABE dwar il-firxa ta’ xenarji li għandhom jintużaw fil-pjanijiet ta’ rkupru (EBA/GL/2014/06) filwaqt li jsegwi approċċ immirat għas-sottomissjonijiet tal-pjan ta’ rkupru. Dan ifisser li, fl-2021, il-BĊE mhux se jitlob li istituzzjonijiet sinifikanti jinkludu minimu ta’ tliet xenarji fil-pjanijiet ta’ rkupru tagħhom, kif previst fil-Linji Gwida. Minflok, fid-dawl tal-pandemija COVID-19 li għaddejja bħalissa, il-BĊE se jitlob lill-banek biex jiffukaw fuq l-elementi ta’ pjan ta’ rkupru li huma kruċjali għat-tħejjija għall-kriżijiet u biex jissottomettu żewġ xenarji (wieħed sistemiku u wieħed idjosinkratiku) li għandhom iqisu l-konsegwenzi ekonomiċi għall-banek minn COVID-19.

Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE dwar it-trattament alternattiv ta' skoperturi relatati ma' ftehimiet ta’ riakkwist minn tliet partijiet

Fil-21 ta’ Mejju 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-ABE li sat-28 ta’ Ġunju 2021, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE se jikkonforma mal-Linji Gwida tal-ABE li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-trattament alternattiv tal-iskoperturi tal-istituzzjonijiet relatati ma’ “ftehimiet ta’ riakkwist minn tliet partijiet” stabbiliti fl-Artikolu 403(3) tar-Regolament (UE) 575/2013 għal skopijiet ta’ skoperturi kbar (EBA/GL/2021/01).

Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE dwar sottogruppi xierqa ta’ skoperturi settorjali fl-applikazzjoni ta' bafer tar-riskju sistemiku

Fit-28 ta’ Mejju 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-ABE li l-BĊE se jikkonforma mal-Linji Gwida tal-ABE dwar is-sottogruppi xierqa ta’ skoperturi settorjali li għalihom l-awtoritajiet kompetenti jew maħtura jistgħu japplikaw bafer tar-riskju sistemiku skont l-Artikolu 133(5)(f) tad-Direttiva 2013/36/UE (EBA/GL/2020/13). Fil-prattika l-BĊE jkun jista’ japplika bafer settorjali tar-riskju sistemiku fil-konfront tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) – li jeżerċita s-setgħat tiegħu taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament MSU (Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013) – biss wara li dawn tal-aħħar ikunu ttrasponew id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRD V) fl-oqfsa nazzjonali tagħhom.

Konsultazzjoni pubblika dwar il-pakkett imtejjeb ta’ kompetenza u idoneità

Fl-1 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jiftaħ konsultazzjoni pubblika fuq il-mudelli aġġornati għall-Kwestjonarju u Gwida ta’ Kompetenza u Idoneità tal-BĊE għal valutazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità. L-għan tal-Gwida riveduta, aġġornata l-aħħar f’Mejju 2018, huwa li tispjega f’aktar dettall il-pożizzjonijiet tal-politika, il-prattiki superviżorji u l-proċessi applikati mill-BĊE meta tivvaluta l-adegwatezza tal-ħatriet għall-korpi ta’ tmexxija ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti u li tispeċifika l-aspettattivi ewlenin tal-BĊE f’dan ir-rigward. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE taħt it-taqsima dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi.

Konsultazzjoni pubblika dwar opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fid-dritt tal-Unjoni

Fis-7 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju għat-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ reviżjonijiet għal-Linja Gwida tal-BĊE dwar opzjonijiet u diskrezzjonijiet li jinsabu fid-dritt tal-Unjoni u atti legali tal-BĊE relatati. Aktar informazzjoni dalwaqt tkun disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE taħt it-taqsima dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi.

Deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-esklużjoni temporanja ta’ ċerti skoperturi għal banek ċentrali mill-miżura tal-iskopertura totali fid-dawl tal-pandemija COVID-19

Fid-9 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jaqbel mal-Bord Superviżorju li jibqa’ jkun hemm "ċirkostanzi eċċezzjonali" li jippermettu l-estensjoni tal-esklużjoni temporanja ta' ċerti skoperturi tal-bank ċentrali mill-proporzjon ta’ ingranaġġ sabiex tappoġġja t-trażmissjoni tal-politika monetarja tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv huwa tal-fehma li l-kundizzjoni ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw din l-esklużjoni temporanja tkompli tintlaħaq għaż-żona tal-euro kollha. Din l-opinjoni tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv ġiet segwita minn Deċiżjoni tal-BĊE fil-kompetenza superviżorja tiegħu – Deċiżjoni BĊE/2021/27 dwar l-esklużjoni temporanja ta’ ċerti skoperturi għal banek ċentrali mill-miżura ta' skopertura totali fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2020/1306 – biex banek sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu jeskludu ċerti skoperturi tal-bank ċentrali mill-proporzjon ta’ ingranaġġ sal-31 ta' Marzu 2022. L-istqarrija għall-istampa relatata tinsab fl-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Dikjarazzjoni pubblika konġunta dwar il-waqfien tas-settings LIBOR

Fit-18 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord ta' Sorveljanza biex joħroġ dikjarazzjoni pubblika konġunta mal-Kummissjoni Ewropea, l-ABE u l-ESMA bil-għan li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lil hinn mir-rata offruta bejn il-banek ta' Londra (LIBOR). L-erba’ istituzzjonijiet iħeġġu bil-qawwa lill-parteċipanti fis-suq biex jużaw il-ħin li jifdal sal-waqfien jew it-telf tar-rappreżentattività ta’ USD LIBOR, GBP LIBOR, JPY LIBOR, CHF LIBOR u EUR LIBOR biex inaqqsu sostanzjalment l-iskopertura tagħhom għal dawn ir-rati ta’ mgħax. L-istqarrija tinsab fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja