Menu

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Jannar 2020

24 ta’ Jannar 2020

Politika monetarja

Tnedija tal-verifika tal-istrateġija tal-politika monetarja tal-BĊE

Fit-23 ta' Jannar 2020 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jniedi verifika tal-istrateġija tal-politika monetarja tal-BĊE li ġiet adottata fl-1998 u ċċarata aktar fl-2003. Aktar informazzjoni dwar ir-raġuni għal, l-iskop u l-iskeda tal-verifika ngħataw fi stqarrija għall-istampa li tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Operazzjonijiet tas-suq

Rieżami annwali ta’ swieq mhux regolati aċċettabbli, aġenziji u banek tal-iżvilupp multilaterali rikonoxxuti u organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema

Fis-7 ta’ Jannar 2020 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li, bħala riżultat tar-rieżami annwali li jagħmel ta’ dawn il-listi, iħalli kif kienet il-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettabbli għal assi eliġibbli bħala kollateral għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema u li jżid Action Logement Services, CDC Habitat, Île-de-France Mobilités, IN’LI u Investitionsbank des Landes Brandenburg mal-lista ta’ aġenziji armonizzata, u dan jagħmilhom eliġibbli għal xiri skont il-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku. Iddeċieda wkoll li japplika tnaqqis iżjed konservattiv fil-valur għal żewġ aġeniji li diġà kienu eliġibbli (Caisse des dépôts et consignations u Instituto de Crédito Oficial) li, għall-perijodu li qed jiġi rieżaminat, naqsu milli jikkonformaw mal-kriterji kwantitattivi biex jibbenifikaw minn tnaqqis iżjed baxx fil-valur. Finalment, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jallinja l-lista tal-banek tal-iżvilupp multilaterali u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali mal-lista ta’ entitajiet elenkati fl-Artikoli 117(2) u 118 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital). Dan l-allinjament ifisser iż-żieda tal-Asian Infrastructure Investment Bank u l-International Development Association bħala banek tal-iżvilupp multilaterali eliġibbli u t-tneħħija tal-European Company for the Financing of Railroad Rolling Stock mil-lista ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali eliġibbli. Il-listi kollha, li ġew aġġornati f’dan is-sens fl-10 ta’ Jannar 2020, jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar limitazzjonijiet għal ħlasijiet bi flus kontanti fl-Olanda

Fit-30 ta’ Diċembru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/46 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Olanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar id-difiża nazzjonali fl-Estonja

Fis-7 ta’ Jannar 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/2 wara talba tal-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Estonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri li jillimitaw ir-riskji makroprudenzjali fis-self għal proprjetà immobbli residenzjali fil-Ġermanja

Fit-8 ta’ Jannar 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/1 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Federali tal-Ġermanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ kontropartijiet ċentrali fil-Ġermanja

Fl-14 ta’ Jannar 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/3 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Federali tal-Ġermanja.

Superviżjoni bankarja

Riżultati aggregati u metodoloġija SREP

Fit-3 ta’ Jannar 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika r-riżultat aggregat tal-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni 2019 tiegħu (SREP). Ktejjeb li jinkludi deskrizzjoni qasira tar-riżultati SREP 2019 f’termini ta’ scores SREP aggregati meta mqabbla maċ-ċiklu tal-2018, deskrizzjoni qasira aggregata tad-domanda CET1 u karatteristiċi addizzjonali relatati ma’ miżuri SREP hu skedat li jkun disponibbli għall-pubbliku, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, fit-28 ta’ Jannar 2020 fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Fis-16 ta’ Jannar 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju dwar it-test tal-metodoloġija SREP għall-pubblikazzjoni fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE fit-28 ta’ Jannar ukoll.

Tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika simplifikata dwar abbozz ta’ Linja Gwida tal-BĊE fir-rigward tal-livell limitu għall-valutazzjoni tal-materjalità ta’ obbligazzjonijiet ta’ kreditu li jkunu saru dovuti

Fit-3 ta’ Jannar 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex iniedi konsultazzjoni pubblika simplifikata dwar l-abbozz ta’ Linja Gwida tal-BĊE relatata mal-eżerċizzju tad-diskrezzjoni skont l-Artikolu 178(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti għal dak li għandu x’jaqsam mal-limitu għall-valutazzjoni tal-materjalità tal-obbligi ta' kreditu li jkunu dovuti. L-għan ta’ din il-Linja Gwida hu li jiġi żgurat eżerċizzju konsistenti tal-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet relatati kemm ma’ istituzzjonijiet sinifikanti kif ukoll ma’ dawk inqas sinifikanti, fejn ikun xieraq. Il-konsultazzjoni pubblika tnediet fl-20 ta’ Jannar 2020. Stqarrija għall-istampa relatata, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata tinsab fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Rakkomandazzjoni BĊE 2020 dwar politiki għad-distribuzzjoni tad-dividendi, u ittri akkumpanjanti lill-banek dwar politiki ta’ remunerazzjoni

Fis-17 ta’ Jannar 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jadotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1 dwar il-politika tad-distribuzzjoni ta’ dividendi, u biex japprova l-ittri relatati mibgħuta lill-banek dwar il-politika tar-remunerazzjoni tagħhom. Ir-Rakkomandazzjoni u l-ittri relatati jinsabu fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Kuntatti midja