European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Marzu 2017

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel 15:00 CET tal-Ġimgħa 24 ta’ Marzu 2017

Komunikazzjoni esterna

Rapport Annwali tal-BĊE 2016

Fit-22 ta’ Marzu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE 2016, li se jiġi preżentat lill-Parlament Ewropew u jidher fil-websajt tal-BĊE bi 23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-10 ta’ April 2017. Ir-rapport se jiġi preżentat ukoll f’din id-data lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Valutazzjoni tal-utenti ta’ links ġodda bejn sistemi ta’ saldu ta’ titoli

Fil-15 ta’ Marzu 2017 il-Kunsill Governattiv approva żewġ links diretti ġodda, minn Euroclear France għal Clearstream Banking AG-system u minn Euroclear France għal Monte Titoli, biex jintużaw għas-saldu ta’ operazzjonijiet tal-kreditu tal-Eurosistema. Il-lista sħiħa tal-links diretti u indiretti eliġibbli tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-għoti ta’ kompiti ġodda relatati mal-kreditu tal-ipoteki lis-Central Bank of Cyprus

Fis-17 ta’ Frar 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/3 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-parteċipazzjoni tal-Italja f’numru ta’ programmi tal-Fond Monetarju Internazzjonali: l-estensjoni ta’ Arranġamenti Ġodda għas-Self, il-kontribuzzjoni lit-Trust għat-Tnaqqis tal-Faqar u t-Tkabbir, u ftehim ta’ self bilaterali ġdid

Fit-22 ta’ Frar 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/4 wara talba mill-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi tal-Italja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-għoti ta’ informazzjoni u dejta minn sistemi ta’ ħlas, skemi ta’ ħlas, depożitorji ta’ titoli u sistemi tal-ikklerjar u ta’ saldu fil-Polonja

Fl-1 ta’ Marzu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/5 wara talba tal-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku u l-Finanzi tal-Polonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar emenda lid-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-istrumenti ta’ dejn mhux garantiti fil-ġerarkija tal-insolvenza

Fit-8 ta’ Marzu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/6 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar ċerti emendi għall-qafas legali tal-assi tat-taxxa differita fil-Greċja

Fil-15 ta’ Marzu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/7 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Greċja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-limitazzjoni tal-obbligu li jiġu rċevuti ħlasijiet fi flus kontanti fid-Danimarka

Fil-21 ta’ Marzu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/8 wara talba mill-Awtorità Superviżorja Finanzjarja tad-Danimarka.

Governanza korporattiva

Reviżjoni tal-Prattika Tajba għall-għażla u l-mandat ta’ Awdituri Esterni skont l-Artikolu 27.1 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE

Fl-10 ta’ Marzu 2017 il-Kunsill Governattiv approva l-verżjoni riveduta tal-Prattika Tajba għall-għażla u l-mandat ta’ Awdituri Esterni skont l-Artikolu 27.1 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE, li ġiet adottata għall-ewwel darba f’Ottubru 2008 u riveduta f’Ġunju 2012. Il-Prattika Tajba, li ġiet pubblikata fil-websajt tal-BĊE, tgħin lill-Kunsill Governattiv jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kunsill tal-UE fuq il-ħatra tal-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali jsiru skont kriterji tal-għażla xierqa u armonizzati.

Superviżjoni bankarja

Gwida tal-BĊE għar-Rieżami Speċifiku tal-Mudelli Interni (TRIM)

Fis-17 ta’ Frar 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika abbozz ta’ Gwida tal-BĊE għar-Rieżami Speċifiku tal-Mudelli Interni (Targeted Review of Internal Models – TRIM). Il-Gwida għat-TRIM tistabbilixxi l-fehma tal-BĊE fuq prattiki superviżorji xierqa u kif il-BĊE biħsiebu jinterpreta l-liġi rilevanti tal-UE fuq il-mudelli interni għar-riskji tal-kreditu, tas-suq u tal-kreditu tal-kontroparti u fuq suġġetti ġenerali relatati mal-mudelli ta’ governanza. Il-Gwida se tiġi pubblikata fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE u se tkompli tiġi rfinata matul l-iżvilupp tal-proġett TRIM.

Konformità mal-Linjigwida tal-ABE fuq informazzjoni dwar l-ICAAP u l-ILAAP miġbura għall-finijiet tas-SREP

Fis-17 ta’ Frar 2017, wara proposta mill-Bord Superviżorju, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-intenzjoni tal-BĊE li jikkonforma mal-Linjigwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) fuq informazzjoni dwar l-ICAAP u l-ILAAP miġbura għall-finijiet tas-SREP (EBA/GL/2016/10). Dawn il-Linjigwida jispeċifikaw l-informazzjoni li għandhom jiġbru l-awtoritajiet kompetenti mill-istituzzjonijiet fuq il-proċess tal-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-kapital intern (ICAAP) u l-proċess tal-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-likwidità interna (ILAAP). Il-firxa ta’ konformità ma’ dawn il-Linjigwida, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017, tinsab fis-sit elettroniku tal-ABE.

Gwida tal-BĊE fuq is-self improduttiv

Fit-8 ta’ Marzu 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika l-gwida finali tal-BĊE għall-banek fuq is-self improduttiv (non-performing loans – NPLs). Din il-gwida tiddeskrivi fil-qosor il-miżuri, il-proċessi u l-aqwa prattiki li l-banek, bħala prijorità, għandhom jinkorporaw meta jkunu qegħdin jittrattaw is-self improduttiv. Il-gwida tfasslet fuq għadd ta’ prattiki tajbin identifikati minn grupp ta’ livell għoli fuq l-NPLs magħmul minn staff tal-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li twaqqaf mill-Bord Superviżorju f’Lulju 2015 bil-mandat li jiżviluppa metodu superviżorju konsistenti għall-NPLs. Id-dokument ħareġ wara konsultazzjoni pubblika li saret mill-BĊE bejn Settembru u Novembru 2016. Il-Gwida, li hija intiża għal istituzzjonijiet ta’ kreditu fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital) u tapplika b’mod ġenerali għall-istituzzjonijiet sinifikanti kollha taħt is-superviżjoni diretta tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), inklużi s-sussidjarji internazzjonali tagħhom, tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE flimkien mal-istqarrija ta’ reazzjoni li ħarġet wara l-konsultazzjoni pubblika.

Rapport annwali tal-2016 fuq l-attivitajiet superviżorji

Fl-14 ta’ Marzu 2017 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE 2016 fuq l-attivitajiet superviżorji, imħejji skont l-Artikolu 20 tar-Regolament MSU, u awtorizza l-pubblikazzjoni u t-trażmissjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-Eurogrupp, il-Kummissjoni Ewropea u l-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti. Ir-rapport jinsab ukoll fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Emendi għal deċiżjonijiet tal-BĊE fuq is-sinifikanza

Fis-16 ta’ Marzu 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal emendi proposti mill-Bord Superviżorju għad-deċiżjonijiet tal-BĊE fuq is-sinifikanza, minħabba tibdil li sar fi ħdan l-istruttura ta’ xi entitajiet taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE, u ħa nota tat-tibdil fil-lista tal-istituzzjonijiet inqas sinifikanti li huma taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-lista ta’ istituzzjonijiet sinifikanti u istituzzjonijiet inqas sinifikanti tiġi aġġornata regolarment u tinsab fil-websajt tal-BĊE, skont l-Artikolu 49 tar-Regolament Qafas tal-MSU.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja