Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (barra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Mejju 2017
Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja
Financial Stability Review ta’ Mejju 2017
Fis-17 ta’ Mejju 2017 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-Financial Stability Review (Analiżi tal-istabbiltà finanzjarja) ta’ Mejju 2017, li teżamina s-sorsi ewlenin tar-riskju u l-vulnerabbiltajiet għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro u tagħti analiżi komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro biex tassorbi l-iskossi ekonomiċi. Il-pubblikazzjoni se toħroġ fil-websajt tal-BĊE fl-24 ta’ Mejju 2017.
Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet
Evalwazzjoni komprensiva ta’ sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (SIPS) u sorveljanza tal-iskema pan-Ewropea ta’ ħlas fil-pront u soluzzjoni tal-infrastruttura
Fil-5 ta’ Mejju 2017 il-Kunsill Governattiv approva l-evalwazzjonijiet komprensivi ta’ TARGET2, EURO1 u STEP2-T u ħa nota tal-evalwazzjoni komprensiva ta’ CORE(FR) li saret mill-Banque de France. Dawn l-erba’ sistemi ta’ ħlas huma klassifikati bħala sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (SIPS) u jiġu evalwati mar-Regolament BĊE/2014/28 dwar rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti. Rapport li jiġbor fil-qosor ir-riżultati ta’ dawn l-evalwazzjonijiet għandu jiġi pubblikat fil-websajt tal-BĊE dan is-sajf. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jassenja lill-BĊE s-sorveljanza ewlenija tal-iskema SEPA Instant Credit Transfer (SCT Inst) tal-Kunsill Ewropew tal-Pagamenti u s-soluzzjoni tal-infrastruttura ta’ ħlasijiet fil-pront ta’ EBA CLEARING.
Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar rimedju ġudizzjarju mogħti lid-detenturi ta’ kreditu bankarju kwalifikat fis-Slovenja
Fit-12 ta’ Mejju 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/16 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.
Governanza korporattiva
Rapport annwali 2016 u pjan tal-akkwisti 2017 tal-Eurosystem Procurement Coordination Office (EPCO)
Fil-5 ta’ Mejju 2017 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-rapport annwali 2016 tal-Uffiċċju għall-Koordinament tal-Akkwisti tal-Eurosistema (EPCO) u approva l-pjan aġġornat tal-akkwisti tal-EPCO għall-2017. Skont ir-rapport, huwa stmat li l-benefiċċji finanzjarji netti għall-Eurosistema mill-kuntratti fis-seħħ żdiedu bi kważi 30% fuq is-sena ta’ qabel.
Superviżjoni bankarja
Gwida tal-BĊE għall-banek fuq tranżazzjonijiet leveraged
Fil-5 ta’ Mejju 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika gwida tal-BĊE għall-banek fuq tranżazzjonijiet leveraged. Il-Gwida tal-BĊE fuq tranżazzjonijiet leveraged, flimkien mal-istqarrija li tiġbor fil-qosor il-kummenti li daħlu matul il-konsultazzjoni pubblika fuq is-suġġett u stqarrija għall-istampa relatata, jinsabu fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Gwida tal-BĊE għall-evalwazzjonijiet tal-kompetenza u l-idonjetà
Fil-11 ta’ Mejju 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika l-Gwida tal-BĊE għall-evalwazzjonijiet tal-kompetenza u l-idonjetà (ECB Guide to fit and proper assessments). L-għan ta’ din il-Gwida huwa li jfisser iżjed bir-reqqa l-politika, il-prattika u l-proċessi li japplika l-BĊE meta jevalwa l-adattabbiltà ta’ membri tal-korpi maniġerjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti. Il-Gwida tal-BĊE għall-evalwazzjonijiet tal-kompetenza u l-idonjetà, flimkien mal-istqarrija li tiġbor fil-qosor il-kummenti li daħlu matul il-konsultazzjoni pubblika, jinsabu fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja