Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Marzu 2016
Politika monetarja
Miżuri straordinarji tal-politika monetarja
Fl-10 ta’ Marzu 2016 il-Kunsill Governattiv ħa deċiżjoni fuq għadd ta’ miżuri sabiex jilħaq l-għan tiegħu ta’ stabbiltà fil-prezzijiet. Fost dawn il-miżuri hemm l-introduzzjoni ta’ programm ta’ akkwisti mis-settur korporattiv bħala komponent addizzjonali tal-programm ta’ xiri ta’ assi (APP), żieda fl-akkwisti ta’ kull xahar fl-APP għal total ta’ €80 biljun mill-bidu ta’ April 2016 u t-tnedija ta’ sensiela ġdida ta’ erba’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTRO II) minn Ġunju 2016. Tagħrif iżjed dettaljat fuq dawn il-miżuri jinsab fi tliet stqarrijiet għall-istampa relatati ppubblikati fl-istess jum fil-websajt tal-BĊE.
Konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet dwar il-finanzjament monetarju u l-aċċess privileġġat
Fis-16 ta’ Marzu 2016, bi qbil mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jagħti lill-BĊE l-kompitu li jissorvelja l-konformità tal-banek ċentrali tal-UE mal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 123 u 124 tiegħu u r-Regolamenti relatati, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport għas-sena 2015. Aktar tagħrif dwar dan se jingħata f’taqsima speċifika tar-Rapport Annwali 2015 tal-BĊE li se jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE fis-7 ta’ April 2016.
Komunikazzjoni esterna
Rapport Annwali 2015 tal-BĊE
Fl-14 ta’ Marzu 2016 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali 2015 tal-BĊE, li se jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u jidher fil-websajt tal-BĊE bi 23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-7 ta’ April 2016.
Operazzjonijiet tas-suq
Stabbiliti r-rekwiżiti ta’ trasparenza għal ċerti strumenti tad-dejn mhux negozjabbli
Fit-3 ta’ Marzu 2016 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jistabbilixxi rekwiżiti ta’ trasparenza għal strumenti tad-dejn mhux negozjabbli koperti bi klejms tal-kreditu eliġibbli tas-settur pubbliku (DECCs tas-settur pubbliku) sabiex isiru eliġibbli bħala kollateral għall-operazzjonijiet ta’ kreditu regolari tal-Eurosistema. Tagħrif iżjed dettaljat jinsab fil-paġni speċifiċi tal-websajt tal-BĊE.
Tibdil fl-eliġibbiltà tal-istrumenti negozjabbli tad-dejn maħruġin jew iggarantiti minn Ċipru
Fis-16 ta’ Marzu 2016 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(2) tal-Linja Gwida BĊE/2014/31, li mill-1 ta’ April 2016 kellha titneħħa s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu għall-istrumenti tad-dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti għalkollox mir-Repubblika ta’ Ċipru. Għalhekk, il-limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu se jerġgħu japplikaw għal dawn l-istrumenti tad-dejn minn din id-data. Il-konċessjoni kienet tippermetti li dawn l-istrumenti jintużaw bħala kollateral u jinxtraw fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, minkejja l-fatt li ma kellhomx il-klassifikazzjoni tal-kreditu minima meħtieġa. L-att legali li jimplimenta d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, id-Deċiżjoni BĊE/2016/5, ġie adottat fis-16 ta’ Marzu 2016 u jinsab fil-websajt tal-BĊE.
Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-swieq
Il-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea fuq is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur
Fil-11 ta’ Marzu 2016 il-Kunsill Governattiv approva t-tweġiba tal-Eurosistema għall-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea fuq is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur. It-tweġiba tal-Eurosistema, li wara ntbagħtet lill-Kummissjoni Ewropea, tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar emendi ulterjuri fir-rigward ta’ rekwiżiti tas-self responsabbli fl-Ungerija
Fit-22 ta’ Frar 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/8 wara talba minn Magyar Nemzeti Bank.
Opinjoni tal-BĊE dwar il-ġerarkija ta’ kredituri ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Franza
Fit-23 ta’ Frar 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/7 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Kontijiet Pubbliċi ta’ Franza.
Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri għall-faċilitazzjoni tal-funzjonament bla xkiel tal-Bord tad-Diretturi u l-Kumitat tal-Persunal tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru
Fit-23 ta’ Frar 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/9 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi ta’ Ċipru.
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għal kummerċjanti ta’ prodotti bażiċi
Fit-3 ta’ Marzu 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/10 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.
Opinjoni tal-BĊE dwar (a) proposta għal regolament li jistabbilixxi regoli komuni dwar it-titolizzazzjoni u li joħloq qafas Ewropew għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata u (b) proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar rekwiżiti prudenzjali għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment
Fil-11 ta’ Marzu 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/11 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Opinjoni tal-BĊE dwar strumenti finanzjarji eliġibbli għal operazzjonijiet tal-politika monetarja fir-Rumanija
Fis-16 ta’ Marzu 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/12 wara talba minn Banca Naţională a României.
Opinjoni tal-BĊE dwar rekwiżiti mandatorji għal trasferimenti tal-kreditu u debiti diretti fir-Rumanija
Fis-16 ta’ Marzu 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/13 wara talba minn Banca Naţională a României.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-akkwist tas-sjieda legali tal-Institut d’émission des Départements d’Outre-Mer minn Banque de France
Fis-16 ta’ Marzu 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/14 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Kontijiet Pubbliċi ta’ Franza.
Governanza korporattiva
Deċiżjoni tal-BĊE dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi fi ħdan il-Bank Ċentrali Ewropew
Fl-4 ta’ Marzu 2016 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2016/3 dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi fi ħdan il-Bank Ċentrali Ewropew, fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi, tal-korruzzjoni u ta’ kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.
Sħubija fil-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE
Fl-10 ta’ Marzu 2016 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jaħtar lil Patrick Honohan membru tal-Kumitat tal-Verifika b’seħħ mill-1 ta’ April 2016 għal perjodu ta’ tliet snin.
Twaqqif ta’ Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq u tibdil fl-isem tal-Kumitat tas-Sistemi ta’ Ħlas u Saldu
Fis-16 ta’ Marzu 2016 il-Kunsill Governattiv approva t-twaqqif tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq (MIB) li se jgħin l-Eurosistema fit-tħaddim u l-iżvilupp tas-servizzi tal-infrastruttura tas-swieq tal-Eurosistema, b’seħħ mill-1 ta’ April 2016, u ħatar lil Marc Bayle, Direttur Ġenerali Infrastruttura tas-Swieq u Ħlasijiet tal-BĊE, bħala President tal-MIB b’seħħ mill-1 ta’ April 2016 għal perjodu li jintemm fil-31 ta’ Jannar 2017. Il-Kunsill iddeċieda wkoll li jibdel l-isem tal-Kumitat tas-Sistemi ta’ Ħlas u Saldu tal-Eurosistema/SEBĊ għal “Kumitat tal-Infrastruttura tas-Swieq u l-Ħlasijiet” sabiex jirrifletti aħjar il-qasam tar-responsabbiltajiet tiegħu fil-ġejjieni, u ħatar lil Marc Bayle bħala President tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2016. L-att legali relatat ma’ dan, il-Linja Gwida BĊE/2016/6 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2012/27 dwar it-Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system (TARGET2), ġie adottat fis-16 ta’ Marzu 2016 u se jiġi ppubblikat f’Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.
Superviżjoni bankarja
Rapport Annwali dwar l-attivitajiet superviżorji
Fl-14 ta’ Marzu 2016 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji u awtorizza t-trażmissjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-Eurogrupp, il-Kummissjoni Ewropea u l-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti. Ir-rapport ma jdumx ma jidher fil-websajt tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja