Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Novembru 2014

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tal-21 ta’ Novembru 2014

Komunikazzjoni esterna

Pubblikazzjoni ta’ korrispondenza mal-awtoritajiet Irlandiżi

Fis-6 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jippubblika ittra miktuba f’Novembru 2010 mill-ex President tal-BĊE Jean-Claude Trichet f’isem il-Kunsill Governattiv lil Brian Lenihan, li dak iż-żmien kien il-Ministru tal-Finanzi tal-Irlanda. B’din id-deċiżjoni, il-BĊE rrispetta t-talba tal-Ombudsman Ewropew biex il-Kunsill Governattiv jerġa’ jikkunsidra l-pubblikazzjoni tal-ittra. Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni wkoll li jippubblika tliet ittri oħra li kienu parti mill-korrispondenza li għaddiet bejn il-BĊE u l-awtoritajiet Irlandiżi qabel l-applikazzjoni uffiċjali tal-Irlanda għal għajnuna minn programm ta’ aġġustament tal-Unjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali. L-ittri, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwar is-suġġett, jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Operazzjonijiet tas-suq

Sospensjoni tar-rimborżi tal-LTROs ta’ tliet snin għall-perjodu ta’ tmiem is-sena

Fit-3 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jissospendi l-operazzjonijiet ta’ rimborż tal-LTROs ta’ tliet snin, skedati li jsiru fil-perjodu ta’ tmiem is-sena. Tagħrif aktar dettaljat jinsab fi stqarrija għall-istampa dwar din id-deċiżjoni li ġiet ippubblikata fis-7 ta’ Novembru 2014 fil-websajt tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-implimentazzjoni tal-programm taxiri tatitoli koperti bassi

Fid-19 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/45 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi. Id-deċiżjoni tistabbilixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-proċeduri għax-xiri li għandu jsir f’dan il-programm minn Novembru 2014 ’il quddiem. Id-Deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Reviżjoni tal-iskeda tal-haircuts applikabbli għall-istrumenti negozjabbli tad-dejn maħruġin jew garantiti għalkollox mir-Repubblika Ellenika

Fid-19 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2014/46 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral. Dan l-att legali ġdid jimplimenta d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv li jirrevedi l-iskeda tal- haircuts applikabbli għall-istrumenti negozjabbli tad-dejn maħruġin jew garantiti għalkollox mir-Repubblika Ellenika minħabba t-titjib ġenerali li kien hemm fil-kundizzjonijiet tas-suq għall-assi negozjabbli Griegi mill-bidu tal-2013. Dan l-att legali se jiġi ppubblikat f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-suq

Gwidi għall-evalwazzjoni tas-sorveljanza ta’ skemi tat-trasferiment ta’ kreditu u d-debitu dirett

Fit-13 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni ta’ żewġ gwidi biex l- iskemi tat-trasferiment ta’ kreditu u d-debitu dirett tas-SEPA amministrati mill-Kunsill Ewropew tal-Ħlasijiet ( European Payments Council − EPC) jiġu evalwati mal-istandards rilevanti tas-sorveljanza. L-evalwazzjonijiet se jiġu kkoordinati mill-BĊE bħala s-sorveljant ewlieni. Il-gwidi ma jdumux ma jiġu ppubblikati fil-websajt tal-BĊE.

Evalwazzjoni ad hoc ta’ sistema ta’ saldu ta’ titoli skont il-“Qafas għall-evalwazzjoni tas-sistemi ta’ saldu ta’ titoli u l-links biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà tagħhom għall-użu f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema”

Fit-30 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv approva l-eliġibbiltà ta’ Euroclear Finland Infinity System għall-użu fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Il-listi sħaħ tas-sistemi ta’ saldu ta’ titoli ( securities settlements systems − SSS) eliġibbli li jinsabu fil-websajt tal-BĊE se jiġu aġġornati fit-2 ta’ Frar 2015 meta tibda taħdem is-sistema l-ġdida.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Il-Financial Stability Review ta’ Novembru 2014

Fid-19 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-Analiżi dwar l-Istabbiltà Finanzjarja ( Financial Stability Review) ta’ Novembru 2014, li teżamina s-sorsi ewlenin tar-riskju u d-dgħufijiet għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro u tagħti analiżi komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro biex tassorbi l-iskossi. Il-pubblikazzjoni għandha tixxandar fil-websajt tal-BĊE fis-27 ta’ Novembru 2014.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar id-determinazzjoni tar-rendiment medju ppeżat għal self federali u l-ħatra ta’ awdituri esterni fl-Awstrija

Fit-23 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/75 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.

Opinjoni tal-BĊE dwar regoli speċifiċi dwar saldu għal ftehimiet ta’ self għall-konsumaturi fl-Ungerija

Fit-28 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/76 wara talba minn Magyar Nemzeti Bank.

Opinjoni tal-BĊE dwar benefiċċju tat-taxxa speċifiku mogħti lil istituzzjonijiet finanzjarji fl-Ungerija

Fit-30 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/77 wara talba mill-Ministeru tal-Ekonomija Nazzjonali tal-Ungerija.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas legali għal banek kooperattivi fil-Polonja

Fil-31 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/78 wara t-talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Polonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-regolament bankarju fis-Slovenja

Fil-11 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/79 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment fl-Ungerija

Fil-11 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/80 wara talba minn Magyar Nemzeti Bank.

Opinjoni tal-BĊE dwar titoli book-entry fis-Slovenja

Fit-13 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/81 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-produzzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro minn entità bi skop speċjali fi Spanja

Fis-17 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/82 wara talba minn Banco de España.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE

Fid-19 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/83 wara talba mill-Parlament Ewropew.

Statistika

Emendi għal-Linja Gwida tal-BĊE dwar statistika monetarja u finanzjarja

Fis-6 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2014/43 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/15 dwar statistika monetarja u finanzjarja. L-emendi għandhom x’jaqsmu mal-ġbir tal-istatistika dwar il-ħruġ ta’ titoli u r-rekwiżiti tar-rappurtar għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas li jinvolvu istituzzjonijiet finanzjarji mhux monetarji. Il-Linja Gwida se tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Karta tal-Verifika tal-Eurosistema/SEBĊ

Fis-17 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv approva r-reviżjoni tal-Karta tal-Verifika ( Audit Charter) tal-Eurosistema/SEBĊ li ġiet aġġornata biex tinkludi aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Il-karta riveduta tiddefinixxi l-iskop, l-awtorità u r-responsabbiltà tal-Kumitat tal-Awdituri Interni (IAC) u l-kontribut tiegħu għall-governanza tal-Eurosistema, is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU).

Ħruġ ta’ karti tal-flus u muniti

Linja Gwida dwar it-twaqqif tas-Sistema taProduzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema

Fit-13 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2014/44 dwar l-istabbiliment tas-Sistema ta’ Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema ( Eurosystem Production and Procurement System − EPPS). Il-Linja Gwida tistabbilixxi mudell ġdid li jindirizza kwistjonijiet identifikati mal-metodu attwali tal-produzzjoni u l-akkwist ta’ karti tal-euro. Is-sistema EPPS se tkun magħmula minn żewġ pilastri: grupp ta’ banek ċentrali nazzjonali li jipproduċu l-karti tal-euro tagħhom permezz ta’ stamperija interna u grupp ta’ banek ċentrali nazzjonali li jakkwistaw il-karti tal-euro tagħhom permezz ta’ proċeduri b’sejħa għall-offerti. Il-Linja Gwida BĊE/2014/44 tħassar il-Linja Gwida BĊE/2004/18 dwar l-akkwist tal-karti tal-flus euro. Se tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Il-bini l-ġdid tal-BĊE

Aġġornament dwar l-ispejjeż tal-bini l-ġdid tal-BĊE

Fid-19 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv innota b’sodisfazzjon li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-bini l-ġdid tal-BĊE ntemmew fil-ħin biex setgħet issir iċ-ċaqliqa. Ir-rilokazzjoni tal-istaff tinsab għaddejja kif ippjanat u qiegħda toqrob lejn tmiemha, b’90% tal-postijiet tax-xogħol diġà okkupati. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jżid il-baġit totali allokat għall-bini l-ġdid tal-BĊE billi qies it-tbassir l-aktar reċenti għan-nefqa totali tal-investiment, li tammonta għal madwar €1.3 biljun. Dan huwa bejn wieħed u ieħor 10% ogħla mill-istima totali tan-nefqa kkomunikata fl-okkażjoni taċ-ċerimonja tat-tlestija tax-xogħlijiet strutturali li saret fl-20 ta’ Settembru 2012. Sal-lum il-BĊE nefaq madwar €1.1 biljun għall-proġett. L-inawgurazzjoni uffiċjali tal-bini l-ġdid tal-BĊE se ssir fit-18 ta’ Marzu 2015.

Superviżjoni bankarja

Bidu ta’ konsultazzjoni pubblika fuq abbozz ta’ regolament tal-BĊE dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni finanzjarja superviżorja

Fis-17 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jiftaħ konsultazzjoni pubblika fuq abbozz ta’ regolament dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni finanzjarja superviżorja. L-abbozz ta’ Regolament jistipula r-rekwiżiti għar-rappurtar ta’ informazzjoni finanzjarja superviżorja li għandha tintbagħat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-BĊE mill-banek suġġetti għas-superviżjoni. Id-dokumenti tal-konsultazzjoni pubblika, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, ġew ippubblikati fil-websajt tal-BĊE fit-23 ta’ Ottubru 2014.

Riżultati tal-evalwazzjoni komprensiva

Fis-26 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-adozzjoni tal-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Bord Superviżorju dwar l-eżitu tar-riżultati individwali kollha tal-banek suġġetti għall-evalwazzjoni komprensiva, il-pubblikazzjoni tar-riżultati individwali bil-kunsens tal-banek u l-pubblikazzjoni tar-rapport aggregat. Ir-rapport aggregat u r-riżulati individwali tal-banek suġġetti għall-evalwazzjoni komprensiva ġew ippubblikati fl-istess jum fil-websajt tal-BĊE.

Ir-raba’ rapport trimestrali dwar il-progress fl-implimentazzjoni operattiva tar-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU)

Fil-31 ta’ Ottubru 2014 il-Kunsill Governattiv approva r-raba’ rapport trimestrali lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress fl-implimentazzjoni operattiva tar-Regolament MSU li jkopri l-perjodu bejn l-4 ta’ Awwissu u t-3 ta’ Novembru 2014. Ir-rapport jinsab fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja