Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Awwissu 2013

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tat-2 ta’ Awwissu 2013

Is-sitwazzjoni ekonomika, monetarja u finanzjarja

Konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet dwar il-finanzjament monetarju u l-aċċess privileġġat

Fil-31 ta’ Lulju 2013, bi qbil mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jagħti lill-BĊE d-dmir li jimmonitorja l-konformità tal-banek ċentrali tal-Unjoni Ewropea mal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 123 u 124 tiegħu u mar-Regolamenti li għandhom x’jaqsmu ma’ dan, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport għall-2012. Aktar tagħrif dwar dan jinsab ukoll f’taqsima speċifika tar-Rapport Annwali 2012 tal-BĊE li xxandar fl-24 ta’ April 2013.

Reazzjoni għad-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Ċiprijotti dwar il-konklużjoni tal-proċess ta’ riżoluzzjoni għall-Bank of Cyprus

Fil-31 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv laqa’ d-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Ċiprijotti dwar il-konklużjoni tal-proċess ta’ riżoluzzjoni għall-Bank of Cyprus. Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

Evalwazzjoni ad hoc ta’ tliet links diretti ġodda mal-istandards għall-użu tas-Sistemi għas-Saldu ta’ Titoli (SSS)

Fil-25 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv approva l-eliġibbiltà ta’ tliet links diretti ġodda għall-użu fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, jiġifieri l-links diretti reċiproċi bejn Clearstream Banking S.A. u LuxCSD S.A., u link diretta ġdida minn Iberclear-CADE għal OeKB. Il-lista sħiħa tal-links eliġibbli kollha tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar is-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu f’kooperattiva f’Ċipru

Fit-23 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/51 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-banek tat-tfaddil u l-fondazzjonijiet bankarji fi Spanja

Fit-23 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/52 wara talba tas-Segretarju tal-Istat Spanjol għall-Affarijiet Ekonomiċi u s-Sostenn tan-Negozju.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-indipendenza finanzjarja ta’ Sveriges riksbank

Fl-24 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/53 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Isvezja.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja nazzjonali f’Ċipru 

Fl-24 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/54 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-miżuri għall-inkoraġġiment ta’ self għat-tul fil-Belġju

Fis-26 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/55 wara talba minn Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, f’isem il-Ministeru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas superviżorju integrat ġdid fl-Ungerija

Fis-26 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/56 wara talba tal-Ministeru għall-Ekonomija Nazzjonali tal-Ungerija.

Statistika

Linja Gwida tal-BĊE dwar l-istatistika tal-finanzi tal-gvern (riformulazzjoni)

Fil-25 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2013/23 dwar l-istatistika tal-finanzi tal-gvern, li tirrevoka l-Linja Gwida BĊE/2009/20 b’seħħ mill-1 ta’ Settembru 2014. L-iskop ta’ dan l-att legali huwa li jiġu inkorporati l-istandards ġodda tal-kontijiet nazzjonali kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea. Il-Linja Gwida ma ddumx ma tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Linja Gwida tal-BĊE dwar l-obbligi ta’ rappurtar statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-kontijiet finanzjarji trimestrali (riformulazzjoni)

Fil-25 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2013/24 dwar l-obbligi ta’ rappurtar statistiku tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-kontijiet finanzjarji trimestrali. Dan l-att legali jintroduċi titjib fid-disponibbiltà opportuna u dettaljata tad-dejta li għandha x’taqsam mal-kontijiet finanzjarji meta titqabbel mal-Linja Gwida BĊE/2002/7, li ġiet revokata. Jinkorpora wkoll l-istandards ġodda tal-kontijiet nazzjonali kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea. Il-Linja Gwida ma ddumx ma tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Reviżjoni ta’ kull tliet snin tal-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ

Fis-17 u l-31 ta’ Lulju 2013, bħala parti mir-reviżjoni ta’ kull tliet snin tal-mandati tal-kumitati, il-Kunsill Governattiv estenda għal perjodu ieħor li jagħlaq fil-31 ta’ Diċembru 2016 il-mandat tal-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ li twaqqfu skont l-Artikolu 9.1 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-BĊE, u reġa’ ħatar il-presidenti tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2016. Barra dan, huwa ħatar lis-Sur Frank Moss, Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-BĊE għar-Relazzjonijiet Internazzjonali u Ewropej, bħala President tal-Kumitat għar-Relazzjonijiet Internazzjonali b’seħħ immedjat. Reġa’ ħatar ukoll sal-31 ta’ Diċembru 2016 il-President tal-Kumitat għall-Baġit li twaqqaf skont l-Artikolu 15.2 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-BĊE. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jwaqqaf Kumitat għall-Iżvilupp Organizzattiv skont l-Artikolu 9.1 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-BĊE għal perjodu li jagħlaq fil-31 ta’ Diċembru 2016.

Kuntatti midja