Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Marzu 2013

Is-sitwazzjoni ekonomika, monetarja u finanzjarja

Deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv dwar l-Assistenza ta’ Likwidità f’Emerġenza mitluba mill-Bank Ċentrali ta’ Ċipru

Fil-21 ta’ Marzu 2013 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jżomm il-livell attwali tal-Assistenza ta’ Likwidità f’Emerġenza ( Emergency Liquidity Assistance – ELA) sal-25 ta’ Marzu 2013. Minn din id-data ’l quddiem, l-ELA tkun tista’ tiġi kkunsidrata biss fil-każijiet fejn ikun hemm programm tal-Unjoni Ewropea u tal-Fond Monetarju Internazzjonali li jiggarantixxi s-solvenza tal-banek ikkonċernati. L-istqarrija għall-istampa bl-aħbar ta’ din id-deċiżjoni xxandret fl-istess jum fil-websajt tal-BĊE.

Komunikazzjoni esterna

Ir-Rapport Annwali tal-BĊE 2012

Fl-20 ta’ Marzu 2013 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE 2012 li se jiġi preżentat lill-Parlament Ewropew u jixxandar b’21 lingwa uffiċjali tal-UE fl-24 ta’ April 2013.

Operazzjonijiet tas-suq

Tibdil fl-użu ta’ ċerti bonds tal-bank skoperti garantiti mill-gvern bħala kollateral tal-Eurosistema

Fl-20 ta’ Marzu 2013 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2013/6 dwar ir-regoli fuq l-użu bħala kollateral ta’ bonds tal-bank skoperti għall-użu proprju garantiti mill-gvern għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. B’din id-Deċiżjoni, mill-1 ta’ Marzu 2015, l-użu ta’ dawn il-bonds maħruġin mill-kontroparti li tużahom jew minn entità marbuta mill-qrib ma’ din il-kontroparti bħala kollateral fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema se jiġi projbit. Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni wkoll li jemenda r-regoli dwar l-użu ta’ bonds tal-bank skoperti garantiti mill-gvern għall-perjodu li jintemm fit-28 ta’ Frar 2015. Għal dan il-għan, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2013/4 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (riformulazzjoni), li d-dispożizzjonijiet tagħha jinkludu diversi atti legali eżistenti dwar miżuri temporanji. Fl-aħħar, sabiex jiġi ċċarat il-qafas legali kollu, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni/2013/5 li tħassar id-Deċiżjonijiet BĊE/2011/4, BĊE/2011/10, BĊE/2012/32 u BĊE/2012/34. L-atti legali kollha jinsabu fil-websajt tal-BĊE, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwar dan.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

Rapport dwar il-migrazzjoni għas-SEPA

Fl-20 ta’ Marzu 2013 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tar-“Rapport dwar il-migrazzjoni għas-SEPA” li tħejja mill-Kumitat għas-Sistemi ta’ Pagament u Saldi, wieħed mill-Kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ. Ir-rapport ifisser bir-reqqa l-qagħda tal-proċess ta’ migrazzjoni fiż-żona tal-euro fi tmiem l-2012 u jipprovdi gwida dwar il-ġestjoni tal-proċess ta’ tranżizzjoni fir-rigward tal-migrazzjoni taż-żona tal-euro għat-trasferimenti ta’ kreditu bis-SEPA u d-debiti diretti bis-SEPA denominati bl-euro, u li għaliha ġiet stabbilita d-data tal-għeluq fl-1 ta’ Frar 2014 skont ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009. Ir-rapport u l-istqarrija għall-istampa dwaru jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Ir-rapport tal-BĊE 2013 dwar l-“Integrazzjoni finanzjarja fl-Ewropa”

Fl-20 ta’ Marzu 2013 il-Kunsill Governattiv ħa nota li s-seba’ edizzjoni tar-rapport tal-BĊE dwar l-“Integrazzjoni finanzjarja fl-Ewropa” għandha tixxandar fil-25 ta’ April 2013 fl-okkażjoni tal-konferenza konġunta tal-BĊE u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-integrazzjoni u l-istabbiltà finanzjarja fl-Ewropa. Din l-edizzjoni tar-rapport tippreżenta l-qagħda tal-integrazzjoni finanzjarja fiż-żona tal-euro u l-attivitajiet tal-Eurosistema biex din l-integrazzjoni tkompli tissaħħaħ. Fiha wkoll kapitlu dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku kif ukoll artikoli speċjali dwar suġġetti bħas-segmentazzjoni tas-suq monetarju taż-żona tal-euro f’ambjent ta’ rati tal-imgħax baxxi, l-integrazzjoni tas-suq tal-pagamenti bl-imnut bl-euro, il-kontijiet u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi settorjali fiż-żona tal-euro, u s-swieq monetarji fl-Istati Uniti.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-kontribuzzjonijiet tal-Oesterreichische Nationalbank għall-Fond Fiduċjarju tal-Fond Monetarju Internazzjonali għat-Tnaqqis tal-Faqar u t-Tkabbir u ftehim bilaterali ta’ self bejn il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Oesterreichische Nationalbank

Fl-4 ta’ Marzu 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/16 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Greċja

Fit-12 ta’ Marzu 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/17 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Greċja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-limitazzjonijiet ta’ ħlasijiet fi flus kontanti fil-Belġju

Fit-18 ta’ Marzu 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/18 wara talba tal-Ministeri tal-Finanzi u tal-Affarijiet Interni tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Portugall

Fid-19 ta’ Marzu 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/19 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Parlament tal-Portugall.

Opinjoni tal-BĊE dwar kontijiet ta’ depożitu weqfin mill-attività ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Greċja

Fid-19 ta’ Marzu 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/20 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Greċja.

Kuntatti midja