Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Jannar 2011

Komunikazzjoni esterna

“Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE” tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE

Fis-6 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li, minn Jannar 2011, il-komunikat ta’ kull xahar tiegħu, “Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)” għandhom ikunu disponibbli fil-websajts tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali tas-SEBĊ bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

Operazzjonijiet tas-suq

Faċilità temporanja għal swap ta’ likwidità mal-Bank of England

Fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-BĊE ħabbar li ffirma ftehim dwar faċilità swap mal-Bank of England. Dan jiskadi fl-aħħar ta’ Settembru 2011. Stqarrija għall-istampa hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Estensjoni tal-operazzjonijiet li jipprovdu likwidità f’dollari Amerikani

Bi ftehim mal-Federal Reserve System, u b’koordinament mal-Bank of Canada, il-Bank of England, il-Bank of Japan u s-Swiss National Bank, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi l-arranġamenti swap tiegħu għal-likwidità mal-Federal Reserve System sal-1 ta’ Awwissu 2011 u li jkompli jagħmel operazzjonijiet għall-provvediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani b’maturità ta’ sebat ijiem. Stqarrija għall-istampa li tħabbar din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-websajt tal-BĊE fil-21 ta’ Diċembru 2010.

Studju dwar is-Suq Monetarju tal-Euro 2010

Fl-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-Istudju tal-2010 dwar is-Suq Monetarju tal-Euro. Din it-tmien edizzjoni hi bbażata fuq stħarriġ li jkopri t-tieni trimestri tal-2009 u tal-2010 u janaliżża s-suq monetarju tal-euro f’termini ta’ xejriet ta’ negozju u żviluppi fir-rigward tal-integrazzjoni u l-effiċjenza tiegħu. L-istudju, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, ġie ppubblikat fil-21 ta’ Diċembru 2010 fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u l-infrastruttura tas-suq

Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-amministrazzjoni tas-self mill-EFSF

Fl-20 ta’ Diċembru 2010, il-BĊE adotta Deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ kontijiet għall-ipproċessar ta’ pagamenti fir-rigward ta' self mill-European Financial Stability Facility lil Stati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro (BĊE/2010/31). Din id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.

L-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni

Tweġiba tal-BĊE dwar il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-istokk finanzjarju minimu kontro-ċikliku

Fit-13 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill Governattiv approva l-pożizzjoni adottata mill-BĊE fil-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istokk finanzjarju minimu kontro-ċikliku. It-tweġiba tal-BĊE tappella biex dan l-istrument jitfassal bħala għodda effiċjenti tal-politika u biex jiġi implimentat b’mod konsistenti fl-UE kollha ħalli jiġu żgurati l-istess kondizzjonijiet għall-banek kollha li huma attivi internazzjonalment. Din it-tweġiba hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-istabbilizzazzjoni ta’ emerġenza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Irlanda

Fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi Irlandiż (CON/2010/92). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-estensjoni ta’ garanziji tal-gvern lil banek u istituzzjonijiet oħra u l-estensjoni tal-iskema tal-Istat għar-rikapitalizzazzjoni fl-Isvezja

Fl-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Svediż (CON/2010/93). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-Awtorità għas-Sorveljanza Finanzjarja Ungeriża u dwar is-setgħat leġiżlattivi tal-President tagħha

Fil-21 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-Ġustizzja Ungeriż (CON/2010/94). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-estensjoni tas-sostenn tat-Teżor tal-Istat u l-miżuri għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji Pollakki, soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Fil-21 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi Pollakk (CON/2010/95). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar OTC derivatives, kontropartijiet ċentrali u depożitorji tat-transazzjonijiet

Fit-13 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (CON/2011/1). Din l-Opinjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.

Statistika

Deċiżjoni tal-BĊE dwar it-trasmissjoni ta’ dejta konfidenzjali skont il-qafas komuni għar-reġistri tan-negozju għal għanijiet ta’ statistika

Fis-27 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din id-Deċiżjoni (BĊE/2010/33), li tiddefinixxi l-format, il-miżuri għas-sigurtà u l-konfidenzjalità, kif ukoll il-proċeduri dwar id-dejta li l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) jirċievu mingħand il-Kummissjoni u d-dejta trasmessa mill-BĊN lill-istituti nazzjonali tal-istatistika. Id-Deċiżjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea

Programm ta’ assistenza teknika għan-National Bank of Serbia

Fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv awtorizza t-twaqqif ta’ programm tal-Eurosistema għal assistenza teknika għall-Bank Nazzjonali tas-Serbja. Dan il-programm ta’ sentejn, li jinvolvi lill-BĊE u lil 21 mill-banek ċentrali nazzjonali tas-SEBĊ, hu maħsub biex isaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali tan-National Bank of Serbia, ħalli jressqu lejn l-istandards tas-SEBĊ. Aktar informazzjoni tingħata iżjed ’il-quddiem fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Bidla organizzazzjonali

Fid-29 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv qies it-trasformazzjoni tas-Segretarjat Preparatorju tal-ESRB – li sa dakinhar kien parti mid-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja – f’Segretarjat ESRB, qasam tal-ħidma ġdid tal-BĊE li jirrapporta lill-President. Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011.

Twaqqif u mandat tal-Kumitat għall-Istabbiltà Finanzjarja

Fit-13 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill Governattiv approva l-mandat tal-Kumitat għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSC), il-Kumitat tal-Eurosistema/SEBĊ imwaqqaf biex jassisti lill-Kunsill Governattiv fit-twettiq tad-dmirijiet tal-BĊE fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja (li jissostitwixxi lill-Kumitat għas-Sorveljanza Bankarja, li ġie xolt mill-Kunsill Governattiv minħabba t-twaqqif formali tal-European Systemic Risk Board). F’termini ta’ responsabbiltajiet, dan l-arranġament ġdid se jevita xogħol doppju bejn l-FSC u l-Kumitat Teniku Konsultattiv tal-ESRB. Il-mandat tal-FSC se jkun tal-istess perijodu bħal dak tal-kumitati l-oħra kollha tal-Eurosistema/SEBĊ u jiskadi fl-aħħar ta’ Awwissu 2013.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar kwistjonijiet relatati mad-dħul tal-Eesti Pank fl-Eurosistema

Fil-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta Deċiżjoni dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi tar-riżervi barranin u l-kontribuzzjonijiet tal-Eesti Pank għar-riżervi u l-provvedimenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2010/34). Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.

Ftehim dwar id-dritt tal-Eesti Pank skont l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ

Fil-31 ta’ Diċembru 2010, il-BĊE u l-Eesti Pank għamlu Ftehim dwar id-dritt ikkreditat lill-Eesti Pank mill-Bank Ċentrali Ewropew skont l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ. Il-Ftehim se jiġi ppubblikat dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.

Ħruġ ta’ karti tal-flus u muniti

Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas għar-Riċiklaġġ tal-Karti tal-Flus

Fis-27 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv innota li fl-2010 sar iżjed progress fl-implimentazzjoni tal-Qafas għar-Riċiklaġġ tal-Karti tal-Flus – li fl-1 ta’ Jannar 2011 ġie sostitwit b’Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-iċċekkjar tal-awtentiċità u l-kondizzjoni u dwar ir-riċirkolazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro (BĊE/2010/14), - u ddeċieda li l-banek ċentrali nazzjonali għandhom jibqgħu iħejju rapporti annwali dwar il-progress biex jiġu ssorveljati l-emendi fl-oqfsa legali nazzjonali u r-riċirkolazzjoni fl-Istati Membri.

Deċiżjoni tal-BĊE li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2009/25 dwar il-volum tal-ħruġ ta’ muniti fl-2010

Fit-22 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2009/25 dwar l-approvazzjoni tal-volum tal-ħruġ ta’ muniti fl-2010 (BĊE/2010/32). Id-Deċiżjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja