European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X'inhi l-gwida għall-ġejjieni?

15 ta' Diċembru 2017 (aġġornat fit-28 ta’ Lulju 2022)

Jekk bank ċentrali jagħti gwida għall-ġejjieni, ifisser li jkun qed jipprovdi informazzjoni dwar l-intenzjonijiet futuri tiegħu fir-rigward tal-politika monetarja, abbażi tal-valutazzjoni tiegħu dwar il-prospetti tal-istabbiltà tal-prezzijiet.

Il-BĊE beda juża l-gwida għall-ġejjieni f'Lulju 2013 meta l-Kunsill Governattiv qal li kien jistenna li r-rati tal-imgħax jibqgħu baxxi għal perijodu ta' żmien estiż. Minn dakinhar il-formulazzjoni tal-gwida għall-ġejjieni tal-BĊE ġiet adattata f'numru ta' okkażjonijiet.

Biex jibqa' kredibbli, il-kontenut tal-gwida tal-BĊE għall-ġejjieni dwar l-intenzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-politika jridu dejjem ikunu konsistenti mal-valutazzjoni tal-Kunsill Governattiv dwar is-sitwazzjoni ekonomika attwali u l-prospetti għall-ġejjieni, b'mod partikolari għall-inflazzjoni.

Din kif taħdem fil-prattika?

Dan hu eżempju ta' kif tista' taħdem il-gwida għall-ġejjieni:

Gwida għall-ġejjieni

Meta tkun meħtieġa l-gwida għall-ġejjieni?

L-għodod tal-politika monetarja konvenzjonali tal-BĊE (ir-rati ewlenin tal-imgħax) jintużaw biex l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro tinżamm konformi mal-objettiv tal-BĊE. Pereżempju, f’perjodu meta l-inflazzjoni tkun baxxa żżejjed, il-BĊE jista' jnaqqas ir-rati tal-imgħax tiegħu biex jerġa' jgħolli l-inflazzjoni. Iżda jekk ir-rati tal-imgħax ikunu diġà f'livelli baxxi ħafna, ikun diffiċli għall-bank ċentrali li jkompli jnaqqashom iżjed; għalhekk ikunu meħtieġa strumenti tal-politika oħrajn. Il-gwida għall-ġejjieni hi wieħed minn dawn l-istrumenti.

F'ċirkostanzi bħal dawn, komunikazzjoni ċara dwar l-intenzjonijiet għall-politika monetarja futura tgħin lill-banek, lill-parteċipanti tas-suq finanzjarju, lin-negozji u lill-konsumaturi biex jifhmu aħjar kif x'aktarx ikunu se jiżviluppaw l-ispejjeż tas-self fil-futur u tgħin biex tagħti lill-ekonomija l-ispinta li teħtieġ.

Għalhekk, il-gwida għall-ġejjieni tagħmel lill-politika monetarja tal-BĊE iżjed effettiva u lilna tgħinna biex nilħqu l-għan ewlieni tagħna li nservu l-poplu tal-Ewropa billi nżommu l-prezzijiet stabbli fiż-żona tal-euro kollha.