Funzjonijiet

Id-dmirijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-Eurosistema huma stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dawn huma speċifikati fl-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. L-Istatut huwa protokoll anness mat-Trattat.

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ġeneralment jirreferi għas-SEBĊ iżjed milli għall-Eurosistema billi tfassal bil-premessa li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea (UE) fl-aħħar mill-aħħar jadottaw l-euro. L-Eurosistema hija magħmula mill-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom, filwaqt li s-SEBĊ tiġbor fiha l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri kollha tal-UE (l-Artikolu 282(1) tat-Trattat). Sakemm jifdal Stati Membri tal-UE li ma jkollhomx l-euro bħala l-munita tagħhom, tibqa’ l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-Eurosistema u s-SEBĊ.

Għanijiet

L-Artikolu 127(1) tat-Trattat jiddefinixxi l-għan ewlieni tal-Eurosistema:

“L-għan ewlieni tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali [...] hu li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet”.

L-artikolu jkompli kif ġej: “Mingħajr preġudizzju għall-għan tal-istabbiltà tal-prezzijiet, is-SEBĊ għandha tappoġġa l-politika ekonomika ġenerali tal-Unjoni bil-għan illi tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

L-Unjoni Ewropea għandha bosta għanijiet (l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea), fosthom l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa msejjes fuq it-tkabbir ekonomiku bbilanċjat u l-istabbiltà tal-prezzijiet, u ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna bil-għan li jkun hemm xogħol għal kulħadd u progress soċjali. Għalhekk, l-istabbiltà tal-prezzijiet mhijiex biss l-għan ewlieni tal-politika monetarja tal-BĊE iżda hija wkoll wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni Ewropea. Hekk, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxu ġerarkija ċara ta’ għanijiet għall-Eurosistema, u huwa evidenti li l-istabbiltà tal-prezzijiet hija l-aktar kontribut importanti li tista’ tagħti l-politika monetarja biex jinkisbu ambjent ekonomiku favorevoli u livell għoli ta’ impjiegi.

Dmirijiet bażiċi

Skont l-Artikolu 127(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-dmirijiet bażiċi li għandhom jitwettqu mill-Eurosistema huma:

Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 127(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (ir-“Regolament MSU”), il-BĊE huwa responsabbli għal kompiti speċifiċi fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti. Il-BĊE jwettaq dawn il-kompiti fi ħdan Mekkaniżmu Superviżorju Uniku magħmul mill-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. websajt tas-Superviżjoni bankarja

Dmirijiet oħra

  • Karti tal-flus: il-BĊE għandu d-dritt esklużiv illi jawtorizza l-ħruġ tal-karti tal-flus fiż-żona tal-euro.
  • Statistika: f’kooperazzjoni mal-banek ċentrali nazzjonali, il-BĊE jiġbor l-istatistika meħtieġa biex ikunu jistgħu jitwettqu d-dmirijiet tas-SEBĊ, jew mingħand l-awtoritajiet nazzjonali jew direttament mingħand l-aġenti ekonomiċi.
  • Stabbiltà finanzjarja u superviżjoni prudenzjali: l-Eurosistema tagħti kontribut għat-tmexxija bla xkiel tal-politika mħaddma mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.
  • Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea: il-BĊE għandu relazzjonijiet ta’ ħidma ma’ istituzzjonijiet, korpi u forums rilevanti kemm fl-UE kif ukoll fil-livell globali għal dak li għandu x’jaqsam mad-dmirijiet fdati lill-Eurosistema.