- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Il-BĊE jintensifika x-xogħol tiegħu fuq euro diġitali
2 ta’ Ottubru 2020
- Pubblikazzjoni tar-rapport tat-Task Force ta’ Livell Għoli tal-Eurosistema fuq l-euro diġitali
- L-Eurosistema għandha bżonn tkun lesta għal deċiżjoni futura possibbli li tintroduċi l-euro diġitali
- Għandhom jitnedew il-konsultazzjoni u l-esperimentazzjoni pubblika
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ippubblika rapport komprensiv dwar il-ħruġ possibbli ta’ euro diġitali, imħejji mit-Task Force ta’ Livell Għoli tal-Eurosistema dwar il-munita diġitali ta’ bank ċentrali (CBDC) u approvat mill-Kunsill Governattiv.
Euro diġitali jkun forma elettronika ta’ flus ta’ bank ċentrali aċċessibbli għaċ-ċittadini u l-impriżi kollha – bħal karti tal-flus, iżda f’forma diġitali – biex jagħmlu l-ħlasijiet ta’ kuljum tagħhom b’mod mgħaġġel, faċli u sigur. Dan ser jikkumplimenta l-flus kontanti, mhux jieħu posthom. L-Eurosistema xorta ser tibqa’ toħroġ il-flus kontanti.
“L-euro jappartjeni lill-Ewropej u l-missjoni tagħna hi li nkunu l-gwardjan tiegħu," qalet Christine Lagarde, President tal-BĊE. “L-Ewropej qegħdin dejjem iktar iduru għad-diġitali bil-modi kif jonfqu, ifaddlu u jinvestu. Ir-rwol tagħna huwa li nseddqu l-fiduċja fil-flus. Dan ifisser li niżguraw li l-euro jkun tajjeb għall-era diġitali. Għandna nkunu lesti li noħorġu euro diġitali, jekk tinqala’ l-ħtieġa.”
It-task force tal-Eurosistema, li ġabret flimkien esperti mill-BĊE u 19-il bank nazzjonali ċentrali taż-żona tal-euro, identifikat xenarji possibbli li jkunu jeħtieġu l-ħruġ ta’ euro diġitali. Dawn ix-xenarji jinkludu domanda akbar għal pagamenti elettroniċi fiż-żona tal-euro fejn ikun meħtieġ mezz ta’ ħlas diġitali Ewropew mingħajr riskju, tnaqqis sinifikanti fl-użu tal-flus kontanti bħala mezz ta’ ħlas fiż-żona tal-euro, it-tnedija ta’ mezzi privati globali ta’ ħlas li tista’ tqajjem tħassib regolatorju u toħloq riskji għall-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-konsumatur, u teħid sostanzjali ta’ CBDCs maħruġa minn banek ċentrali barranin.
“It-teknoloġija u l-innovazzjoni qed ibiddlu l-mod kif nikkunsmaw, naħdmu u nirrelataw ma’ xulxin,” qal Fabio Panetta, membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u President tat-task force. “Euro diġitali jappoġġja l-ispinta tal-Ewropa lejn innovazzjoni kontinwa. Jikkontribwixxi wkoll għas-sovranità finanzjarja tagħha u jsaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro.”
Euro diġitali jippreserva l-ġid pubbliku li l-euro jipprovdi liċ-ċittadini: aċċess liberu għal mezz ta’ ħlas sempliċi, aċċettat universalment, mingħajr riskju u fdat. Jippreżenta wkoll sfidi, iżda meta ssegwi strateġiji xierqa fid-disinn tal-euro diġitali l-Eurosistema tista’ tindirizzahom.
Il-Kunsill Governattiv għadu ma ħax deċiżjoni dwar jekk jintroduċix euro diġitali.
L-Eurosistema se timpenja ruħha b’mod wiesa’ maċ-ċittadini, l-akkademiċi, is-settur finanzjarju u l-awtoritajiet pubbliċi biex tivvaluta l-bżonnijiet tagħhom, kif ukoll il-benefiċċji u l-isfidi li jistennew mill-ħruġ ta’ euro diġitali, fid-dettall. Ser titnieda konsultazzjoni pubblika fit-12 ta’ Ottubru.
L-esperimentazzjoni ser tibda b’mod parallel, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni aħħarija.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Alexandrine Bouilhet, tel.: +49 172 174 93 66
Noti:
- Link għar-rapport fuq il-websajt tal-BĊE
- Hub: Euro diġitali
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja