Menu

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

12 ta’ Marzu 2020

Fil-laqgħa tal-lum il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar pakkett komprensiv ta’ miżuri tal-politika monetarja:

(1) Temporanjament, se jsiru operazzjonijiet addizzjonali ta’ finanzjament fuq żmien itwal (LTROs), biex jipprovdu appoġġ permezz ta’ likwidata immedjata għas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro. Għalkemm il-Kunsill Governattiv mhux qed jara sinjali materjali ta’ tensjoni fis-swieq monetarji jew nuqqas ta’ likwidità fis-sistema bankarja, dawn l-operazzjonijiet se jipprovdu lqugħ effettiv f’każ ta’ ħtieġa. Dawn se jsiru permezz ta’ proċedura ta’ sejħa b’rata fissa b’allokament sħiħ, b’rata ta’ imgħax daqs ir-rata medja fuq il-faċilità tad-depożitu. L-LTROs se jipprovdu likwidità b’termini favorevoli biex ikopru l-perijodu sal-operazzjoni tat-TLTRO III f’Ġunju 2020.

(2) Fit-TLTRO III, se jiġu applikati termini ħafna iżjed favorevoli għall-perijodu minn Ġunju 2020 sa Ġunju 2021 għall-operazzjonijiet kollha tat-TLTRO III pendenti tul dak l-istess żmien. Dawn l-operazzjonijiet se jsostnu s-self bankarju lil dawk l-iżjed affettwati mill-imxija tal-coronavirus, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Tul dan il-perijodu kollu, ir-rata tal-imgħax fuq dawn l-operazzjonijiet tat-TLTRO III se tkun ta’ 25 punt bażi inqas mir-rata medja applikata fl-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tal-Eurosistema. Għall-kontropartijiet li jżommu l-livelli tagħhom fil-provvista ta’ kreditu, ir-rata applikata f’dawn l-operazzjonijiet se tkun aktar baxxa u, għall-perijodu li jintemm f’Ġunju 2021, tista’ titbaxxa sa 25 punt bażi taħt ir-rata tal-imgħax medja fuq il-faċilità tad-depożitu. Barra dan, l-ammont massimu totali li, minn issa ’ll quddiem il-kontropartijiet ikunu intitolati jissellfu fl-operazzjonijiet tat-TLTRO III qed jogħla sa 50% tal-istokk tagħhom ta’ self eliġibbli fid-data tat-28 ta’ Frar 2019. F’dan il-kuntest, il-Kunsill Governattiv se jagħti mandat lill-kumitati tal-Eurosistema biex jinvestigaw miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-kollateral biex jiġi żgurat li l-kontropartijiet ikunu jistgħu jibqgħu jużaw is-sostenn tal-finanzjament b’mod sħiħ.

(3) Pakkett temporanju ta’ xiri nett addizzjonali ta’ assi ta’ €120 biljun se jiġi pprovdut ukoll sal-aħħar tas-sena, biex jiżgura kontribut qawwi mill-programmi tax-xiri mis-settur privat. Flimkien mal-programm eżistenti tax-xiri ta’ assi (APP), dan se jsostni kundizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament għall-ekonomija reali fi żminijiet ta’ inċertezza kbira.

Il-Kunsill Governattiv għadu jistenna li x-xiri nett ta’ assi jibqa’ jsir sakemm ikun meħtieġ biex isaħħaħ l-impatt ta’ akkomodament tar-rati tal-politika tiegħu, u li jispiċċa ftit qabel ma jerġa’ jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE.

(4) Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tas-self marġinali u l-faċilità tad-depożitu se jibqgħu kif kienu fil-livell ta’ 0.00%, 0.25% u -0.50% rispettivament. Il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jibqgħu fil-livelli attwali tagħhom jew jitbaxxew sakemm jara li l-prospetti tal-inflazzjoni jkunu konverġenti b’mod ċar u li jkunu qrib biżżejjed, iżda taħt it-2% fil-perijodu tat-tbassir tiegħu, u din il-konverġenza tkun ġiet riflessa b’mod konsistenti fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.

(5) Se jibqgħu jerġgħu jiġu investiti l-ħlasijiet ewlenin kollha li jidħlu mit-titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP, għal perijodu estiż ta’ żmien wara d-data meta l-Kunsill Governattiv jerġa’ jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju.

Aktar dettalji dwar it-termini preċiżi tal-operazzjonijiet il-ġodda se jiġu pubblikati fi stqarrijiet għall-istampa speċifiċi llum wara nofsinhar fit-15:30 CET.

Il-President tal-BĊE se tikkummenta dwar il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet waqt konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

Kuntatti midja