STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-karti tal-flus ġodda ta’ €100 u €200 se jibdew jiċċirkolaw illum

28 ta’ Mejju 2019

  • Karti tal-flus b’karatteristiċi tas-sigurtà ġodda u aġġornati se jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni llum
  • Ologramma satellitari u numru aħdar żmerald imtejjeb jagħmlu l-karti tal-flus aktar reżistenti għall-falsifikazzjoni
  • Il-karti tal-flus ta' €100 u €200 jikkompletaw is-sensiela Europa

Il-karti tal-flus il-ġodda ta’ €100 u €200, l-aħħar karti fis-sensiela Europa, jibdew jiċċirkolaw illum. Il-karti tal-flus jużaw karatteristiċi ta’ sigurtà ġodda u innovattivi u huma faċli biex jiġu ċċekkjati bl-użu tal-metodu “ħoss, ħares u mejjel”.

Fuq in-naħa ta’ fuq tal-istrixxa lewn il-fidda l-ologramma satellitari turi simboli € żgħar li jiċċaqilqu madwar in-numru meta l-karta titmejjel u jsiru iktar ċari taħt id-dawl dirett. L-istrixxa lewn il-fidda turi wkoll xbieha taʼ wiċċ Europa, il-motiv arkitettoniku u s-simbolu € kbir. Il-karti tal-flus il-ġodda ta’ €100 u €200 fihom ukoll simboli € ġewwa n-numru. Filwaqt li n-numru żmerald huwa preżenti fuq il-karti tal-flus l-oħra kollha tas-sensiela Europa, din il-verżjoni mtejba turi wkoll simboli € ġewwa n-numru.

Il-karti l-ġodda ta’ €100 u €200 issa huma tal-istess għoli bħall-karta tal-flus ta’ €50, li jagħmluhom aktar faċli biex jiġu mmaniġġjati u pproċessati bil-magni. Huma joqogħdu aħjar ukoll fil-portafolli tan-nies u jservu iktar, billi jkunu inqas suġġetti għat-tħassir.

Il-€100 hija t-tielet l-iktar karta tal-flus użata ħafna, wara l-€50 u l-€20. Id-domanda għal karti tal-flus ta’ €100 u €200 qed tiżdied, b'rata annwali ta' 7.6% għall-€100 u 8.6% għall-€200.

Il-karti tal-flus ta’ €100 u €200 tal-ewwel sensiela, bħad-denominazzjonijiet l-oħra kollha, se jibqgħu valuta legali. Huma ser ikomplu jiċċirkolaw flimkien mal-karti tal-flus l-ġodda u ser jiġu gradwalment irtirati miċ-ċirkolazzjoni.

Għall-mistoqsijiet mill-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Esther Tejedor, tel.: +49 69 1344 95596

Noti:

Karta informattiva dwar il-€100 u €200 il-ġodda

Lista ta’ magni tal-ipproċessar tal-karti tal-flus ivvalidati

Kuntatti midja