STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jirrakkomanda tibdil fl-Artikolu 22 tal-Istatut tiegħu

23 ta’ Ġunju 2017
  • Il-Kunsill Governattiv jieħu d-deċiżjoni li jirrakkomanda tibdil fl-Artikolu 22 tal-Istatut
  • It-tibdil jipprovdi l-bażi legali biex l-Eurosistema taġixxi ta’ bank ċentrali emittent skont il-proposta attwali tar-rieżami tar-Regolament EMIR
  • It-tibdil jagħti s-setgħa lill-Eurosistema twettaq il-mandat li tmexxi l-politika monetarja u tiżgura l-istabbiltà tal-euro

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) adotta Rakkomandazzjoni biex jiġi emendat l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. L-Artikolu 22 għandu jiġi emendat kif ġej: “Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet, u l-BĊE jista’ jagħmel regolamenti, biex jiżguraw sistemi tal-ikklerjar u tal-ħlas effiċjenti u sodi, u sistemi tal-ikklerjar għal strumenti finanzjarji, fi ħdan l-Unjoni u ma’ pajjizi oħrajn.

L-emenda għandha tipprovdi lill-BĊE b’kompetenza legali ċara fil-qasam tal-ikklerjar ċentrali sabiex l-Eurosistema teżerċita s-setgħat li huma previsti għal banek ċentrali li joħorġu valuta skont ir-rieżami tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Swieq Ewropej (EMIR) propost mill-Kummissjoni Ewropea.[1]

Dawn is-setgħat jinkludu t-tisħiħ sinifikanti tas-sehem tal-banek ċentrali emittenti fis-sistema superviżorja tal-kontropartijiet ċentrali (CCPs), b’mod partikolari fir-rigward tar-rikonoxximent u s-superviżjoni ta’ CCPs sistemikament importanti f’pajjiżi terzi li jikklerjaw ammonti konsiderevoli ta’ tranżazzjonijiet denominati f’euro.

Skont it-tibdil propost għall-qafas tal-EMIR, l-Eurosistema se tkun tista’ tkompli taqdi sehemha bħala l-bank ċentrali li joħroġ il-munita unika. L-emendi jippermettu lill-Eurosistema tissorvelja u tindirizza r-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-attivitajiet tal-ikklerjar ċentrali li jistgħu jolqtu t-tmexxija tal-politika monetarja, l-operat tas-sistemi ta’ ħlas u l-istabbiltà tal-euro.

Ir-Rakkomandazzjoni ntbagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex tiġi adottata Deċiżjoni li temenda l-Artikolu 22. Il-Kummissjoni se toħroġ Opinjoni fuq din ir-Rakkomandazzjoni.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Lena-Sophie Demuth (+49 69 1344 5423).

Noti:

  • L-Eurosistema hija magħmula mill-BĊE u mid-19-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro.

Kuntatti midja