Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ġunju 2024

21 ta' Ġunju 2024

Il-politika monetarja

L-investimenti tal-Eurosistema f’bonds korporattivi għall-finijiet tal-politika monetarja

Fil-5 ta’ Ġunju 2024 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tat-tieni rapport tal-BĊE dwar id-divulgazzjonijiet finanzjarji relatati mal-klima tal-assi tal-Eurosistema miżmumin għall-finijiet tal-politika monetarja u r-riżervi barranin tal-BĊE. Ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-impronta tal-karbonju tal-portafolji tal-Eurosistema u kemm dawn huma esposti għal riskji klimatiċi, kif ukoll dwar il-governanza, l-istrateġija u l-ġestjoni tar-riskju relatati mal-klima. It-tieni rapport jipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-portafolji tal-politika mhux monetarja tal-BĊE ddenominati f’euro, inkluż il-portafoll tal-fondi proprji tiegħu u l-fond tiegħu dwar il-pensjonijiet tal-persunal. Iż-żewġ rapporti se jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-BĊE sa tmiem Ġunju 2024.

Politika makroprudenzjali u stabbiltà finanzjarja

Rapport tal-BĊE dwar l-integrazzjoni finanzjarja u l-istrutturi finanzjarji fiż-żona tal-euro

Fl-14 ta’ Ġunju 2024 il-Kunsill Governattiv approva r-rapport dwar l-integrazzjoni finanzjarja u l-istrutturi finanzjarji fiż-żona tal-euro u ħa nota tal-pubblikazzjoni tiegħu fit-18 ta’ Ġunju 2024 fl-okkażjoni ta’ konferenza konġunta tal-BĊE/Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport jippreżenta żviluppi strutturali ewlenin bħall-progress tal-integrazzjoni finanzjarja, bidliet fl-istrutturi finanzjarji u l-proċess tal-iżvilupp u l-modernizzazzjoni finanzjarja. Jiddiskuti wkoll politiki magħżula tas-settur finanzjarju, notevolment il-politiki relatati mal-unjoni bankarja Ewropea u l-unjoni tas-swieq kapitali Ewropea. Ir-rapport, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, huwa disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.

Infrastruttura tas-suq u ħlasijiet

Rapport Annwali tat-TARGET għall-2023

Fit-3 ta’ Ġunju 2024 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-Rapport Annwali tat-TARGET għall-2023. Ir-rapport jipprovdi informazzjoni fuq it-traffiku u l-prestazzjoni tas-sistema, u l-iżviluppi ewlenin li seħħew fl-2023 kemm fir-rigward tat-TARGET2 kif ukoll tat-T2. Jinkludi wkoll tmien kaxxi dwar suġġetti ta’ relevanza partikolari fl-2023, inkluża analiżi dettaljata tat-traffiku u l-fatturat tat-T2, l-użu mill-parteċipanti tas-siegħat tal-operat estiżi tat-T2, l-identifikazzjoni ta’ arranġamenti ta’ parteċipazzjoni f’livelli fit-T2, perspettiva dwar il-migrazzjoni tal-proġett ta’ konsolidazzjoni tat-TARGET2/T2S u l-ewwel ġimgħat tal-operazzjonijiet, l-evoluzjzoni f’diversi muniti tat-T2 u t-TIPS, l-evoluzzjoni tat-TIPS, u l-ipprezzar il-ġdid tat-TIPS. Ir-rapport jinsab fis-sit web tal-BĊE.

Aċċess tal-banek ċentrali tal-Balkani tal-Punent għal klonu tal-pjattaforma TARGET Instant Payment Settlement (TIPS)

Fis-7 ta’ Ġunju 2024 il-Kunsill Governattiv approva li l-Banca d’Italia, li jaġixxi f’isem il-banek ċentrali tal-Eurosistema li jipprovdu servizzi, jipprovdi klonu tal-pjattaforma TIPS tal-Eurosistema lill-banek ċentrali tal-Montenegro, il-Kosovo, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Bożnija-Ħerzegovina, minbarra lill-Bank tal-Albanija, li kien talab l-aċċess l-ewwel bħala parti mill-ħidma tiegħu lejn l-immodernizzar tas-sistema ta’ ħlasijiet fl-Albanija u l-integrazzjoni max-xenarju tal-ħlasijiet tal-UE. L-aċċess se jsir effettiv ladarba t-termini u l-kundizzjonijiet relatati jkunu ġew iffinalizzati mill-partijiet kollha.

Parir dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar iċ-ċibersigurtà

Fl-13 ta' Mejju 2024 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/14 fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Latvja.

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għar-reġim ta’ riżervi minimi

Fl-14 ta’ Mejju 2024 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/15 wara talba minn Banca Naţională a României.

Opinjoni tal-BĊE dwar Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-emendar tal-Ftehim Monetarju mal-Prinċipat ta’ Andorra u tal-Ftehim Monetarju mar-Repubblika ta’ San Marino

Fil-15 ta’ Mejju 2024 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/16 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-kontijiet tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi ma’ bank ċentrali

Fl-27 ta' Mejju 2024 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/17 fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Latvja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-estensjoni tar-Reġistru tal-Lobbying

Fil-31 ta’ Mejju 2024 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/18 wara talba tal-Ministru Irlandiż għan-Nefqa Pubblika, it-Twettiq tal-Pjan ta’ Żvilupp Nazzjonali u r-Riformi.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-ħtieġa li istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprovdu infrastruttura minima ta’ flus kontanti

Fl-31 ta' Mejju 2024 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/19 fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Latvja.

Opinjoni tal-BĊE dwar iż-żieda tal-kwota tal-Litwanja fil-Fond Monetarju Internazzjonali

Fit-12 ta’ Ġunju 2024 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/20 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Litwanja.

Governanza korporattiva

Skedi għal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv u l-Kunsill Ġenerali tal-BĊE fl-2025 u fl-2026

Fis-17 ta’ Mejju 2024 il-BĊE ppubblika l-iskedi għal-laqgħat tal-2025 u l-2026 tal-Kunsill Governattiv u tal-Kunsill Ġenerali. L-iskeda tinsab fis-sit web tal-BĊE.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Banque de France

Fl-4 ta' Ġunju 2024 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni ECB/2024/15 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banque de France.

Ħatra ta’ rappreżentanti tal-BĊE fuq il-Bord ta' Sorveljanza

Fil-5 ta’ Ġunju 2024 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Sharon Donnery (Viċi Gvernatur tas-Central Bank of Ireland), Pedro Machado (Membru tal-Bord u Direttur għall-Ippjanar u d-Deċiżjonijiet dwar Riżoluzzjoni fi ħdan il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni) u Patrick Montagner (l-Ewwel Viċi Segretarju Ġenerali u Kap tas-Superviżjoni tal-Assigurazzjoni u Prattiki Kummerċjali għas-Setturi tas-Servizzi Bankarji u l-Assigurazjzoni fi ħdan l-Autorité de Contrôle Prudentiel et de Résolution) bħala rappreżentanti tal-BĊE għall-Bord Superviżorju tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE, kull wieħed għal terminu li ma jiġġeddidx ta’ ħames snin. Huma se jissostitwixxu lir-rappreżentanti attwali tal-BĊE Edouard Fernandez-Bollo, Kerstin af Jochnick u Elizabeth McCaul malli l-karigi rispettivi tagħhom jintemmu bejn Awwissu u Novembru ta’ din is-sena. Stqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fis-sit web tal-BĊE.

Statistika

Aġġornament annwali tal-lista ta' aġenti li jirrapportaw data tal-gruppi li tikkonċerna statistika dwar investimenti f’titoli

Fl-10 ta’ Mejju 2024 il-Kunsill Governattiv approva l-lista aġġornata ta' aġenti li jirrapportaw data tal-gruppi li tikkonċerna statistika dwar investimenti f’titoli. Mill-2016 il-lista ġiet aġġornata mill-inqas darba fis-sena fuq il-bażi tal-kriterji kwantitattivi u kwalitattivi stabbiliti fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament BĊE/2012/24. L-entitajiet affettwati mill-bidliet ġew innotifikati mill-bank ċentrali nazzjonali relevanti fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol wara d-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv skont l-Artikolu 8(2) tal-Linja Gwida BĊE/2013/7 (aġenti ġodda li jirrapportaw) u l-Artikolu 2(8) tar-Regolament BĊE/2012/24 (aġenti li jirrapportaw li għandhom jitneħħew).

Rapport tal-kwalità tal-2023 dwar iż-żona tal-euro u l-bilanċ nazzjonali tal-pagamenti u l-istatistika dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali

Fit-23 ta’ Mejju 2024 il-Kunsill Governattiv approva l-valutazzjoni li tinsab fir-rapport ta’ kwalità tal-2023 dwar l-bilanċ tal-pagamenti taż-żona tal-euro u dak nazzjonali u l-istatistika dwar il-pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali u awtorizza l-pubblikazzjoni tagħha. Ir-rapport, li jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar it-titjib li sar sa minn meta ġie ppubblikat ir-rapport tal-kwalità tal-2021 u li jindika oqsma għal titjib ulterjuri aktar ’il quddiem, jinsab fuq is-sit web tal-BĊE.

Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea

Rapport dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro

Fis-16 ta’ Mejju 2024 il-Kunsill Governattiv approva l-edizzjoni ta’ Ġunju 2024 tar-rapport dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fis-sit web tal-BĊE. Ir-rapport, li jagħti ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi fl-użu tal-euro minn residenti barra ż-żona tal-euro fl-2023, jinsab, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, fuq is-sit web tal-BĊE.

Karti tal-flus u muniti

Konkors tad-disinn għat-tielet serje tal-karti tal-flus tal-euro

Fit-13 ta’ Ġunju 2024 il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-proċessi għall-konkors tad-disinn u biex tiġi stabbilita l-ġurija tal-konkors tad-disinn għas-serje futura ta’ karti tal-flus tal-euro. Il-konkors tad-disinn se jippermetti l-għażla ta’ disinn għall-karti tal-flus tal-euro futuri u se jkun ibbażat fuq il-prinċipji ġenerali ta’ kompetizzjoni pubblika, trasparenti u mhux diskriminatorja. Il-proċedura se tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Bħala parti mill-proċess, se tiġi stabbilita ġurija għall-konkors tad-disinn, ikkostitwita minn esperti indipendenti, biex tħejji lista qasira ta’ disinji biex tiġi appoġġata l-għażla mill-Kunsill Governattiv. Il-ġurija hija mistennija li tibda l-ħidma tagħha sat-tmiem tal-2024 u l-konkors tad-disinn huwa mistenni li jitnieda kmieni fl-2025.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Konformità tal-BĊE mal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar l-ispeċifikazzjoni u d-divulgazzjoni ta’ indikaturi dwar l-importanza sistemika

Fl-10 ta’ Mejju 2024 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-ABE li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE diġà jikkonforma mal-Linji Gwida tal-EBA dwar l-ispeċifikazzjoni u d-divulgazzjoni tal-indikaturi ta’ importanza sistemika(EBA/GL/2023/10).

Konformità tal-BĊE mal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar il-parametraġġ referenzjarju tal-prattiki tad-diversità

Fl-24 ta’ Mejju 2024 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE biħsiebu jikkonforma, meta jkunu tlestaw il-proċedimenti leġiżlattivi jew regolatorji meħtieġa, mal-Linji Gwida dwar il-parametraġġ referenzjarju tal-prattiki tad-diversità, inklużi l-politiki dwar id-diversità u d-distakk fil-pagi bejn is-sessi, taħt id-Direttiva 2013/36/UE u d-Direttiva (UE) 2019/2034 (EBA/GL/2023/08).

Memorandum ta’ Ftehim bejn il-BĊE u s-Superintendencia de Servicios Financieros del Banco Central del Uruguay

Fil-31 ta’ Mejju 2024 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex japprova Memorandum ta' Ftehim bejn il-BĊE u l-Banco Central del Uruguay. Skont il-prattika standard, il-Memorandum ta’ Ftehim, wara li ġie ffirmat mill-partijiet kollha, ġie ppubblikat fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Konsultazzjoni pubblika dwar Gwida tal-BĊE dwar l-esternalizzazzjoni ta’ servizzi tal-cloud lil fornituri ta’ servizzi tal-cloud

Fil-31 ta’ Mejju 2024 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex iniedi konsultazzjoni pubblika dwar Gwida tal-BĊE dwar l-esternalizzazzjoni ta’ servizzi tal-cloud lil fornituri ta’ servizzi tal-cloud. Il-materjal relatat ma’ din il-konsultazzjoni, li se tibqa’ għaddeja sal-15 ta’ Lulju 2024, jinsab fuq is-sit web tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE.

Rapport annwali tal-2023 dwar l-attivitajiet ta’ sanzjonar tal-MSU

Fil-5 ta’ Ġunju 2024 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika r-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Sanzjonar tal-MSU fl-2023. Ir-rapport jinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja