Menu

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Mejju 2020

22 ta’ Mejju 2020

Komunikazzjoni esterna

Komunikazzjoni b'rabta mad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża tal-5 ta’ Mejju 2020

Fil-5 ta’ Mejju 2020, il-BĊE ħareġ stqarrija għall-istampa li tindika li l-Kunsill Governattiv kien ħa nota tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża aktar kmieni dak il-jum rigward il-programm ta’ xiri tas-settur pubbliku (PSPP), li dwaru kien irċieva tagħrif preliminari mill-President tad-Deutsche Bundesbank u mid-dipartiment legali tal-BĊE, u baqa’ impenjat bis-sħiħ biex jagħmel dak kollu meħtieġ fil-mandat tiegħu biex jilħaq l-għan statutorju tal-BĊE li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

Operazzjonijiet tas-suq

Linja Gwida li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral.

Fis-7 ta’ Mejju 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2020/29 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral. Din il-linja gwida li timplimenta l-miżuri ta’ tnaqqis tal-kollateral deċiżi mill-Kunsill Governattiv fit-22 ta’ April 2020 b’reazzjoni għall-pandemija tal-koronavirus (COVID-19). Il-linja gwida tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Valutazzjoni ad hoc fuq zewġt iswieq mhux regolati ġodda

Fl-14 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżid is-Suq Alternattiv ta' Dħul Fiss mhux regolat fi Spanja u l-Ewwel Suq tat-Tramuntana fil-Litwanja mal-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettati għal assi eliġibbli bħala garanzija għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, wara valutazzjoni pożittiva tal-konformità tagħhom mal-kriterji definiti fid-Dokumentazzjoni Ġenerali. Il-lista kompluta tas-swieq mhux regolati aċċettati tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Espansjoni ta’ oqfsa addizzjonali ta' klejms ta’ kreditu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19

Fil-15 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill Governattiv approva bidliet fl-oqfsa temporanji tal-klejms ta’ kreditu addizzjonali (ACC) ta’ sitt banek ċentrali nazzjonali (BĊN), fuq talba tal-BĊN rispettivi. L-estensjonijiet proposti primarjament ikopru l-aċċettazzjoni ta’ qafas wieħed ta’ ACC ġdid u ACCs li jibbenefikaw mill-iskemi ta’ garanzija ġodda adottati f’għadd ta’ ġurisdizzjonijiet b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, flimkien ma’ oqfsa ta’ kontroll tar-riskju speċifiċi biex jindirizzaw devjazzjonijiet mir-rekwiżiti applikabbli għal garanziji taħt id-Dokumentazzjoni Ġenerali, kif ukoll bidliet oħra li jwessgħu l-ambitu ta’ assi aċċettati u sistemi ta’ valutazzjoni ta’ kreditu interni għal uħud mis-sitt BĊN. L-oqfsa tal-ACC ġew introdotti fl-2011 biex jippermettu lill-BĊN tal-Eurosistema jaċċettaw bħala kollateral ċerti klejms tal-kreditu li ma humiex konformi mar-regoli tal-eliġibbiltà u/jew mal-istandards tal-kwalità tal-kreditu stabbiliti fid-Dokumentazzjoni Ġenerali. Il-pakkett ta’ tnaqqis ta’ kollateral adottat mill-Kunsill Governattiv fis-7 ta’ April 2020 introduċa l-possibbiltà li dawn l-oqfsa jitwessgħu aktar. L-aċċettazzjoni ta’ dawn l-oqfsa tal-ACC hija suġġetta għal approvazzjoni minn qabel mill-Kunsill Governattiv. Iżjed tagħrif iddettaljat dwar l-oqfsa tal-ACC hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Financial Stability Review Mejju 2020

Fil-20 ta’ Mejju 2020 il-Kunsill Governattiv ta l-awtorizzazzjoni tiegħu għall-pubblikazzjoni tal-Financial Stability Review – Mejju 2020 (Analiżi tal-Istabbiltà Finanzjarja – Mejju 2020). Din il-ħarġa tivvaluta kif is-sistema finanzjarja ħadmet sa issa matul il-pandemija tal-COVID-19 u tqis l-implikazzjonijiet tal-istabbiltà finanzjarja tal-effetti ekonomiċi potenzjali tagħha, filwaqt li tqis il-vulnerabilitajiet finanzjarji identifikati qabel il-pandemija, inklużi dawk relatati mal-funzjonament tas-swieq finanzjarji, is-sostenibbiltà tad-dejn, il-profittabbiltà tal-banek u s-settur finanzjarju mhux bankarju. L-Analiżi tispjega wkoll kunsiderazzjonijiet ta’ politika kemm għal żmien qasir kif ukoll għal żmien medju bil-għan li tippromwovi kuxjenza dwar ir-riskji sistemiċi fost dawk li jfasslu l-politika, l-industrija finanzjarja u l-pubbliku inġenerali. Il-ħarġa fiha wkoll żewġ artikoli speċjali. L-ewwel wieħed hu ddedikat għax-xejriet fl-istandards ta’ self tal-proprjetà immobbli residenzjali u l-implikazzjonijiet tagħhom għall-istabbiltà finanzjarja, u t-tieni wieħed jeżamina r-riskju ta’ likwidità relatat mad-derivati li jiffaċċjaw fondi ta’ investiment. L-Analiżi se tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE fis-26 ta’ Mejju 2020.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Identifikazzjoni ta' sistemi ta' ħlas sistemikament importanti

Fl-4 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2020/26 dwar l-identifikazzjoni tas-SISTEMA TA’ ĠESTJONI TAL-IKKLIRJAR TAL-MASTERCARD bħala sistema ta’ ħlas sistemikament importanti skont ir-Regolament (UE) Nru 795/2014 dwar ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti. Din l-identifikazzjoni hija r-riżultat ta’ eżerċizzju biex jiġi vverifikat li l-operatur jissodisfa numru ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti fid-Deċiżjoni, li hija disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Rapport Annwali TARGET 2019

Fl-14 ta’ Mejju 2020 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-Rapport Annwali TARGET 2019, li wara ġie pubblikat fil-websajt tal-BĊE. Ir-rapport jagħti tagħrif fuq it-traffiku fit-TARGET2, il-prestazzjoni tiegħu u l-iżviluppi ewlenin li saru fl-2019. Jinkludi wkoll seba’ kaxxi li jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar suġġetti ta’ rilevanza partikolari fl-2019, jiġifieri l-evoluzzjoni tat-traffiku fit-TARGET2, stħarriġ dwar l-attività TARGET2, distribuzzjoni tal-likwidità fit-TARGET2, it-trattament ta’ parteċipant fir-riżoluzzjoni, sigurtà fil-punt finali, sejbien ta’ ħlasijiet frawdolenti u aġġornament tal-istatus fuq il-proġett ta’ konsolidazzjoni TARGET2/T2S u s-servizzi futuri ta’ saldu gross f'ħin reali.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament dwar l-istabbiliment ta’ strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19

Fit-8 ta’ Mejju 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/14 b’inizjattiva proprja.

Opinjoni tal-BĊE għal emendi għal-liġijiet Latvjani dwar is-sigurtà nazzjonali, is-sitwazzjoni ta’ emerġenza u l-liġijiet ta’ mobilizzazzjoni

Fil-11 ta’ Ottubru 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/15 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Latvija.

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għall-qafas prudenzjali tal-Unjoni b’risposta għall-pandemija tal-COVID-19

Fl-20 ta’ Mejju 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/16 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Governanza korporattiva

Skedi għal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv u l-Kunsill Ġenerali tal-BĊE fl-2021

Fid-29 ta' April 2020 il-Kunsill Governattiv approva l-iskeda tiegħu tal-laqgħat għall-2021. Il-Kunsill Ġenerali wkoll approva l-iskeda tiegħu tal-laqgħat għal dik is-sena. L-iskedi jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Ħatra ta’ żewġ membri ġodda tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq

Fl-4 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Giandomenico Scarpelli, Kap tad-Direttorat tas-Sistemi ta’ Ħlas fil-Banca d’Italia, bħala membru tal-bank ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema (BĊN) tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq u lis-Sinjura Christina Wejshammar, Kap tad-Dipartiment tal-Ħlasijiet fl-iSveriges Riksbank, bħala membru tal-Bord ta’ BĊN mhux tal-Eurosistema. Dawn il-ħatriet saru b’effett immedjat sal-31 ta’ Mejju 2022 sabiex jikkoinċidu mal-mandati tal-membri tal-Bord l-oħrajn li nħatru jew nħatru mill-ġdid għal 36 xahar mill-1 ta' Ġunju 2019.

Qafas legali konġunt dwar l-akkwisti tal-Eurosistema

Fl-4 ta’ Mejju 2020 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-rapport annwali tal-2019 tal-Eurosystem Procurement Coordination Office (EPCO, Uffiċċju għall-Koordinament tal-Akkwisti tal-Eurosistema) u approva l-pjan aġġornat tal-akkwisti tal-EPCO għall-2020. Fl-istess jum il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2020/27 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2008/17 li tistabbilixxi l-qafas għall-akkwist konġunt tal-Eurosistema. L-att legali li jemenda, li jagħmel rendikont tal-esperjenza pożittiva bl-akkwist konġunt ta’ oġġetti u servizzi u n-natura permanenti tal-EPCO kif deċiż mill-Kunsill Governattiv fis-26 ta’ April 2019, jaħseb għal possibbiltajiet ta’ parteċipazzjoni mkabbra u aktar flessibilità operattiva fl-operazzjonijiet ta' kuljum. Id-Deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea

Id-19-il rapport annwali fuq is-sehem internazzjonali tal-euro

Fl-14 ta’ Mejju 2020 il-Kunsill Governattiv approva d-19-il rapport annwali fuq ir-rwol internazzjonali tal-euro u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu. F’konformità maċ-ċiklu biennali għall-pubblikazzjoni ta’ din is-serje ta’ rapporti deċiża fl-2016, il-ħarġa ta’ din is-sena hija verżjoni temporanja mingħajr karatteristiċi speċjali. Madanakollu fih kaxxa waħda analitika dwar ir-rwol tal-euro fis-swieq tal-bonds ħodor globali. Ir-rapport jippreżenta deskrizzjoni konċiża tal-iżviluppi fl-użu tal-euro minn residenti barra ż-żona tal-euro u jipprovdi informazzjoni statistika aġġornata dwar l-indikaturi ewlenin tal-istatus internazzjonali tal-euro meqjusa bħala ta’ interess għall-pubbliku ġenerali. Ir-rapport huwa skedat li jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE fil-15 ta’ Ġunju 2020.

Superviżjoni bankarja

Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE dwar definizzjonijiet u mudelli armonizzati għall-pjanijiet ta’ finanzjament

Fit-30 ta’ April 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) li, fir-rigward ta’ istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE se jikkonforma mal-Linji Gwida tal-ABE dwar definizzjonijiet u mudelli armonizzati għal pjanijiet ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont ir-Rakkomandazzjoni A4 tal-BERS/2012/2 (ABE/GL/2019/05) mill-31 ta’ Diċembru 2020, id-data li fiha dawn jibdew japplikaw. Il-Linji Gwida jtejbu l-mikrodejta tal-punti tad-dejta rrappurtati u b’hekk iżidu l-komparabbiltà, u dan jippermetti valutazzjoni aktar bir-reqqa tal-pjanijiet ta’ finanzjament tal-banek.

Il-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni fl-2020

Fit-12 ta’ Mejju 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex japprova skeda u approċċ tal-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni (SREP) riveduta fl-2020, wara li jitqies l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 kemm fuq riżorsi umani kif ukoll riżorsi ġenerali oħra. Għaldaqstant, se jkun hemm approċċ prammatiku għas-SREP għaċ-ċiklu 2020, li jiffoka fuq il-kapaċità tal-banek li jiġġestixxu l-isfidi tal-kriżi tal-COVID-19. Sussegwentement ġew infurmati l-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE.

Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE dwar l-ICT u l-ġestjoni tar-riskju tas-sigurtà

Fit-13 ta’ Mejju 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-ABE li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE ser jikkonforma mal-Linji Gwida tal-ABE dwar l-ICT u l-ġestjoni tar-riskju tas-sigurtà (ABE/GL/2019/04) mit-30 ta’ Ġunju 2020. Il-Linji Gwida jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet ekwi għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha u jirrispondu għat-talba tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu żviluppati linji gwida dwar il-ġestjoni tar-riskju tal-ICT u r-rekwiżiti ta’ mitigazzjoni fis-settur finanzjarju tal-UE.

Kuntatti midja