European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Lulju 2012

Operazzjonijiet tas-suq

Miżuri temporanji dwar l-eliġibbiltà ta’ titoli addizzjonali koperti b’assi bħala kollateral fl-Eurosistema

Fit-28 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/11 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2011/25 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral. B’din l-emenda t-titoli koperti b’assi jidħlu fil-kriterji ta’ eliġibbiltà biex jiġu aċċettati bħala kollateral eliġibbli fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Id-Deċiżjoni xxandret fl-istess jum fil-websajt tal-BĊE.

Miżuri dwar l-eliġibbiltà ta’ bonds bankarji garantiti mill-gvern bħala kollateral fl-Eurosistema

Fit-3 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/12 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2011/25 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral. L-emenda tiffriża l-livelli kurrenti ta’ bonds tal-banek garantiti mill-gvern b’użu proprju u teħtieġ l-approvazzjoni ex ante min-naħa tal-Kunsill Governattiv għal kull talba li ssir wara biex jiżdiedu dawn il-livelli. Kull talba għandha tkun akkumpanjata minn pjan ta’ finanzjament. Id-Deċiżjoni xxandret fl-istess jum fil-websajt tal-BĊE.

Konformità mad-definizzjoni ta’ inadempjenza (default) skont Basel II

Fl-4 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li l-istrumenti ta’ klassifikazzjoni li ma jkunux konformi mad-definizzjoni ta’ inadempjenza skont Basel II sal-31 ta’ Mejju 2012 kellhom jiġu esklużi mill-użu bħala sorsi għall-qafas tal-Eurosistema għall-valutazzjoni tal-kreditu (ECAF) sakemm isiru konformi. Wara din id-deċiżjoni, fil-5 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li għalissa jeskludi l-użu tal-istrumenti ta’ klassifikazzjoni li ġejjin bħala sorsi tal-ECAF: ICAP, Coface Serviços Portugal u Cerved.

Aċċettat it-tielet grupp ta’ oqfsa nazzjonali għall-klejms tal-kreditu addizzjonali (ACC)

Wara d-deċiżjoni tiegħu tat-8 ta’ Diċembru 2011 li biha l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema tħallew jaċċettaw temporanjament bħala kollateral klejms tal-kreditu addizzjonali li jissodisfaw kriterji speċifiċi ta’ eliġibbiltà, fil-5 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill Governattiv approva l-qafas ta’ klejms tal-kreditu addizzjonali propost mill-Bank tal-Greċja, kif ukoll l-estensjoni tal-oqfsa eżistenti ta’ klejms ta’ kreditu addizzjonali proposti mill-Bank ta’ Ċipru, il-Banco de Portugal u l-Banca d’Italia. Tagħrif aktar dettaljat dwar dawn l-oqfsa għandu jidher fil-websajts tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali rispettivi.

Implimentazzjoni tar-rekwiżiti għar-rappurtar ta’ dejta dwar il-livell tas-self għal titoli koperti b’assi

Fil-5 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jimplimenta r-rappurtar ta’ dejta dwar il-livell tas-self bħala rekwiżit tal-eliġibbiltà tal-kollateral għal titoli koperti b’assi (ABS) fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema. Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ disa’ xhur sakemm il-mudelli ta’ rappurtar dwar il-livelli tas-self isiru konformi mal-istandards ta’ rappurtar li japplikaw għalihom. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni jibda jgħodd mid-dati li fihom dan ir-rappurtar isir obbligatorju għal kull klassi ta’ ABS. Il-Kunsill Governattiv ħa deċiżjoni wkoll dwar id-dati meta għandu jibda r-rappurtar ta’ dejta dwar il-livelli tas-self għal titoli residenzjali koperti b’ipoteka, għal titoli ta’ self lil intrapriżi żgħar u medji u għal titoli kummerċjali koperti b’ipoteka, kif ukoll għal titoli koperti b’self għax-xiri ta’ karozzi, b’self lill-individwi u b’self għax-xiri ta’ propjetà. Tagħrif aktar dettaljat ħareġ fi stqarrija għall-istampa li xxandret fil-websajt tal-BĊE fis-6 ta’ Lulju 2012.

Żieda fit-trasparenza ta’ dejta dwar l-operazzjonijiet

Fis-6 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li l-BĊE jibda jxandar tagħrif dwar il-kollateral kull tliet xhur fis-sura ta’ tabelli u grafika bid-dejta. Dan it-tagħrif bħalissa qiegħed jidher fir-Rapport Annwali tal-BĊE u jiġbor fih il-kollateral eliġibbli għall-użu fl-operazzjonijiet tal-Eurosistema maqsum skont il-grupp tal-assi u l-livelli taż-żamma żejda ta’ kollateral, u l-kollateral użat attwalment maqsum skont il-grupp tal-assi. Din id-dejta għandha tixxandar għall-ewwel darba f'Settembru 2012.

Eliġibbiltà ta’ kollateral f’bonds maħruġa jew garantiti mill-gvern Grieg

Billi l-iskema ta’ riakkwist għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġa jew garantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika tiskadi fil-25 ta’ Lulju 2012, dawn l-istrumenti mhumiex se jibqgħu eliġibbli biex jintużaw bħala kollateral fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Skont il-proċeduri stabbiliti, il-Kunsill Governattiv għandu jevalwa l-eliġibbiltà potenzjali tagħhom wara l-konklużjoni tal-analiżi li qiegħda ssir bħalissa mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-BĊE u l-FMI dwar il-progress li għamlet il-Greċja bit-tieni programm ta’ aġġustament. L-istqarrija għall-istampa u l-att legali dwar dan (id-Deċiżjoni BĊE/2012/14) ixxandru fil-websajt tal-BĊE fl-20 ta’ Lulju 2012.

Sistemi ta’ pagament u saldu

Linja Gwida dwar TARGET2-Securities

Fid-19 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2012/13 dwar TARGET2-Securities (riformulazzjoni). Il-Linja Gwida ma ddumx ma tixxandar fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Ħatra tal-membri tal-Bord T2S

Fid-19 ta’ Lulju 2012, skont id-Deċiżjoni BĊE/2012/6 dwar it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities, il-Kunsill Governattiv ħatar il-membri tal-Bord T2S li għandu jibda jaħdem minnufih taħt il-presidenza tas-Sur Jean-Michel Godeffroy. Il-kompożizzjoni tal-Bord T2S tħabbret fi stqarrija għall-istampa li xxandret fid-19 ta’ Lulju 2012 fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Tweġiba tal-Eurosistema għall-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar ix-shadow banking

Fil-5 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill Governattiv approva t-tweġiba tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Green Paper rigward ix- shadow banking. It-tweġiba tal-Eurosistema, li ntbagħtet minnufih lill-Kummissjoni Ewropea, ixxandret l-għada fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek fis-Slovenja 

Fil-21 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/48 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-Magyar Nemzeti Bank

Fit-28 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/49 wara talba tal-Ministeru għall-Ekonomija Nazzjonali tal-Ungerija.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-Liġijiet tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru bejn l-2002 u l-2007 

Fil-11 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/51 wara talba tal-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ġodda li jsaħħu s-superviżjoni u l-infurzar fir-regolamentazzjoni finanzjarja fl-Irlanda

Fis-16 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/52 wara talba tad-Dipartiment tal-Finanzi tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-imposta fuq il-banek u l-kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-garanzija tad-depożiti fis-Slovakkja

Fis-16 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/53 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovakkja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ċerti karti tal-flus qodma li mhux ser jibqgħu valuta legali fl-Isvezja

Fis-17 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/54 wara talba ta’ Sveriges Riksbank.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-tisħiħ tas-superviżjoni finanzjarja u t-twaqqif ta’ kumitat għall-istabbiltà finanzjarja fil-Ġermanja

Fis-17 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/55 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Federali tal-Ġermanja.

Statistika

Aġġustament tal-aggregati monetarji

Fil-5 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill Governattiv approva l-aġġustament ta’ (i) l-aggregati monetarji, bl-esklużjoni tal-operazzjonijiet repo mmexxija permezz tal-kontropartijiet ċentrali (CCP) mill-pożizzjoni tal-komponent tal-M3 “ftehim ta’ xiri mill-ġdid li jsir minn OFI (istituzzjonijiet finanzjarji uffiċjali)”; u (ii) l-aggregati tal-kreditu, bl-esklużjoni tal-operazzjonijiet repo rriversjati mmexxija permezz tas-CCP mill-pożizzjoni tal-kontroparti tal-M3 “self lil OFI”. L-istatistika aġġustata se tixxandar għall-ewwel darba fl-aħħar ta’ Settembru 2012 waqt li d-dejta monetarja se tixxandar f’Awwissu 2012.

Governanza korporattiva

Opinjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta' membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE

Fit-18 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/56 wara talba tal-President tal-Kunsill Ewropew. L-opinjoni xxandret fid-19 ta’ Lulju 2012 fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja