X’inhuma r-rekwiżiti minimi tar-riżervi?

11 ta' Awissu 2016

Il-banek taż-żona tal-euro huma obbligati jżommu ċertu ammont ta’ fondi bħala riżervi fil-kontijiet kurrenti tagħhom mal-bank ċentrali ta’ pajjiżhom. Dawn huma magħrufin bħala riżervi minimi. Ir-rekwiżit minimu tar-riżervi ta’ bank jiġi stabbilit għal perjodi ta’ sitt ġimgħat magħrufin bħala perjodi taż-żamma tar-riżervi. Il-livell jiġi kkalkulat abbażi tal-karta tal-bilanċ tal-bank qabel il-bidu tal-perjodu taż-żamma tar-riżervi.

Il-banek għandhom jiżguraw li jissodisfaw ir-rekwiżit minimu tar-riżervi bħala medja għall-perjodu taż-żamma tar-riżervi. Għalhekk m’għandhomx għalfejn iżommu s-somma totali fil-kontijiet kurrenti tagħhom mal-bank ċentrali kuljum. Kollox jiffunzjona bħal valv, biex il-banek ikunu jistgħu jirreaġixxu għal tibdil ta’ malajr fis-swieq monetarji, fejn il-banek jisilfu lil xulxin, billi jżidu jew jiġbdu fondi mir-riżervi tagħhom fil-bank ċentrali. Dan jgħin biex ir-rata tal-imgħax li l-banek jiċċarġjaw lil xulxin fuq self ta’ fondi għal żmien qasir tkun stabbli.

Sa Jannar 2012, il-banek kellhom iżommu minimu ta’ 2% ta’ ċerti obbligazzjonijiet, l-aktar depożiti tal-klijenti, fil-banek ċentrali nazzjonali ta' pajjiżhom. Minn dakinhar ’l hawn dan il-proporzjon tnaqqas għal 1%. Ir-rekwiżiti totali tar-riżervi tal-banek taż-żona tal-euro jgħoddu madwar 113-il biljun euro (fil-bidu tal-2016).

Fi tmiem il-perjodu taż-żamma tar-riżervi, il-bank ċentrali jħallas l-imgħax lill-banek fuq ir-riżervi minimi miżmuma. Ir-rata tal-imgħax hija ekwivalenti għar-rata tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament (MRO).

Ir-rekwiżiti tar-riżervi huma għodda standard tal-politika monetarja fl-attività tal-banek ċentrali. Madankollu xi banek ċentrali, bħal dawk tal-Awstralja, il-Kanada u l-Isvezja, ma għandhomx dawn ir-rekwiżiti.