Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Mistoqsijiet komuni dwar id-disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus tal-euro

Aġġornat fit-23 ta’ Lulju 2026

M1 Għaliex għandna bżonn ta’ karti tal-flus ġodda?

Il-banek ċentrali kollha regolarment itejbu l-karti tal-flus tagħhom jew jiżviluppaw oħrajn ġodda biex jagħmlu l-iffalsifikar aktar diffiċli. L-ewwel serje ta’ karti tal-flus tal-euro ddaħħlet aktar minn 20 sena ilu u t-tieni serje bdiet tidħol fiċ-ċirkolazzjoni fl-2013. Issa ninsabu fil-proċess li niżviluppaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ karti tal-flus tal-euro. Din hija opportunità biex il-karti tal-flus isiru wkoll aktar attraenti, relatabbli u inklużivi għall-Ewropej kollha, inklużi persuni b’vista batuta.

Irridu wkoll li l-karti tal-flus tal-euro jkunu kemm jista’ jkun sostenibbli u jkunu jibżgħu għall-ambjent, u għalhekk qed inħarsu lejn opportunitajiet biex innaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom.

M2 Għaliex għandna bżonn ta’ disinn ġdid għall-karti tal-flus?

Il-karti tal-flus tal-euro huma simbolu viżibbli u tanġibbli tal-integrazzjoni Ewropea u hija r-responsabbiltà tagħna li nżommuhom aġġornati. Aktar minn 20 sena wara l-introduzzjoni tal-ewwel karti tal-euro, issa qegħdin nirrieżaminaw id-disinn tagħhom bħala parti mill-proċess tal-iżvilupp regolari. B’mod konformi mal-istrateġija tal-Eurosistema dwar il-flus kontanti, nimmiraw li niżviluppaw karti tal-flus tal-euro attraenti li l-Ewropej jistgħu jidentifikaw magħhom.

Q3 Għaliex issa? Dan huwa ż-żmien it-tajjeb biex tiġi żviluppata serje ġdida ta’ karti tal-flus?

Iridu jgħaddu bosta snin biex jiġu żviluppati u prodotti karti tal-flus ġodda u biex dawn jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni fiż-żona tal-euro kollha. Il-karti tal-flus ġodda normalment jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni kull għaxar snin sa ħmistax-il sena biex itejbu s-sigurtà u r-reżistenza u jibqgħu aktar avvanzati mill-falsifikaturi. Huwa importanti li l-proċess jinbeda kmieni biżżejjed biex inkunu lesti ladarba tittieħed deċiżjoni biex titnieda serje ġdida.

M4 Kif jaħdem il-proċess tad-disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus il-ġodda?

Id-disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus tal-euro jikkonsisti f’żewġ fażijiet konsekuttivi:

  1. L-għażla ta’ temi u ta’ motifi futuri għall-karti tal-flus tal-euro.
    1. Aħna kkummissjonajna studju biex nikkonsultaw lill-Ewropej fi gruppi fokus dwar il-fehmiet tagħhom dwar temi futuri possibbli. Ir-riżultati servew bħala input għall-passi sussegwenti.
    2. Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE għażel seba’ temi, inklużi sitt proposti mill-Grupp Konsultattiv dwar it-Tema (grupp ta’ esperti nnominat mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro u maħtur mill-BĊE).
    3. L-Ewropej ingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq is-seba’ temi magħżula fi stħarriġ li sar minn kumpanija tar-riċerka esterna fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro kif ukoll fi stħarriġ online li sar mill-BĊE.
    4. Mil-lista l-qasira, il-Kunsill Governattiv għażel żewġ temi possibbli għall-karti tal-flus futuri, wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ.
    5. Imbagħad, il-Kunsill Governattiv għażel motifi biex juri t-temi possibbli mill-proposti żviluppati mill-Grupp Konsultattiv dwar il-Motifi (grupp ta’ esperti stabbilit mill-BĊE).
  2. L-iżvilupp ta’ disinji ġodda għall-karti tal-flus tal-euro
    1. Tnieda konkors tad-disinn, miftuħ għad-disinjaturi grafiċi kollha li jgħixu fl-Unjoni Ewropea. 25 disinjatur ġew mistiedna jissottomettu l-proposti tad-disinn tagħhom għal waħda mit-temi jew għat-tnejn li huma u Ġurija indipendenti tal-Konkors tad-Disinn għażlet l-aħjar proposti tad-disinn għal kull tema.
    2. L-Ewropej għandhom l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-proposti tad-disinn dan is-sajf permezz ta’ stħarriġ pubbliku online, mit-23 ta’ Lulju 16:30 CET u sal-21 ta’ Settembru 23:59 CET.
    3. Il-Kunsill Governattiv mistenni jiddeċiedi dwar id-disinji l-ġodda madwar tmiem l-2026.

Għal aktar informazzjoni, agħti ħarsa lejn il-paġna web futura dwar il-karti tal-flus.

M5 Għaliex għażiltu “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u għasafar” bħala t-temi possibbli għall-karti tal-flus futuri?

Qegħdin nisimgħu l-fehmiet tal-pubbliku Ewropew matul il-proċess tat-tfassil mill-ġdid. It-temi ntgħażlu abbażi tas-sejbiet tal-istħarriġiet pubbliċi (ara l-Mistoqsija 11) u bl-għajnuna ta’ grupp konsultattiv indipendenti.

Ir-riżultati tal-istħarriġ tagħna wrew appoġġ qawwi għat-temi ta’ “Kultura Ewropea”, “Ix-xmajjar: l-ilmijiet tal-ħajja fl-Ewropa” u “L-għasafar: ħielsa, reżiljenti, ta’ ispirazzjoni”. Sabiex jirrifletti l-preferenzi tal-pubbliku b’mod kemm jista’ jkun wiesa’, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jikkombina t-temi relatati man-natura u mal-ambjent f’tema waħda, “Xmajjar u Għasafar”. Għalhekk se mmexxu biż-żewġ temi: “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u għasafar”.

M6 Kif iddeċidejtu dwar il-motifi għall-karti tal-flus futuri?

Fl-2024, il-BĊE qabbad lil grupp ta’ esperti indipendenti, il-Grupp Konsultattiv dwar il-Motifi, biex jipproponi motifi li juru bl-aħjar mod it-temi magħżula. Il-membri tal-Grupp huma esperti fuq suġġetti varji relatati maż-żewġ temi. Fil-bidu tal-2025, abbażi tal-parir tal-Grupp u d-deliberazzjonijiet personali tiegħu, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jinkludi ż-żewġ temi magħżula u sett ta’ motifi għal kull wieħed minnhom fil-konkors tad-disinn.

M7 X’inhi l-iskeda ta’ żmien għall-konkors tad-disinn?

Il-konkors tad-disinn huwa magħmul minn żewġ fażijiet.

  1. Bejn il-15 ta’ Lulju u t-18 ta’ Awwissu 2025, id-disinjaturi grafiċi ġew mistiedna jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom. Mill-applikazzjonijiet li waslu, intgħażlu 25 disinjatur biex jipproċedu għall-fażi tad-disinn.
  1. Sal-aħħar ta’ April 2026, id-disinjaturi magħżula ppreżentaw il-proposti tad-disinn tagħhom għall-valutazzjoni mill-Ġurija tal-Konkors tad-Disinn. Il-konkors ġie konkluż f’Ġunju 2026 bl-għażla tal-Ġurija tal-Konkors tad-Disinn tal-aħjar disinji għal kull tema.

Il-Kunsill Governattiv mistenni jieħu d-deċiżjoni finali dwar id-disinji sa tmiem l-2026.

M8 Min jista’ jipparteċipa fil-konkors tad-disinn u kif?

Il-konkors tad-disinn kien miftuħ għal disinjaturi grafiċi residenti fl-Unjoni Ewropea li ssodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà.

M9 X’inhu r-rwol tal-pubbliku fil-proċess tat-tfassil mill-ġdid?

Kulħadd jista’ jieħu sehem fl-istħarriġ pubbliku onlajn tal-BĊE. Huwa importanti ħafna li d-deċiżjonijiet meħuda matul il-proċess iqisu l-opinjonijiet tal-Ewropej.

Fil-bidu tal-proċess, sar stħarriġ kwalitattiv biex wieħed jifhem il-fehmiet tan-nies dwar temi possibbli għall-karti tal-flus tal-euro futuri. Imbagħad, fis-sajf tal-2023, il-pubbliku pparteċipa fi stħarriġ online li ffoka fuq lista qasira ta’ temi. B’mod parallel, kumpanija tar-riċerka esterna wettqet stħarriġ simili bl-għan li tiżgura l-aħjar rappreżentanza possibbli tal-popolazzjoni taż-żona tal-euro.

Wara l-għażla tal-motifi u l-konklużjoni tal-kompetizzjoni tad-disinn, issa qed infittxu preferenzi pubbliċi fuq lista qasira ta’ proposti għad-disinn.

M10 Meta se jkunu jistgħu jipparteċipaw iċ-ċittadini fl-istħarriġ pubbliku?

L-istħarriġ pubbliku online jibda mit-23 ta’ Lulju 2026, 16:30 CET, sal-21 ta’ Settembru 2026, 23:59 CET.

B’mod parallel, se jitwettaq stħarriġ rappreżentattiv minn kumpanija ta’ riċerka indipendenti. L-iskeda ta’ żmien ta’ dan l-istħarriġ tikkoinċidi parzjalment, iżda mhijiex kompletament identika għal dik tal-istħarriġ pubbliku online. Dan biex jiġi żgurat li l-istħarriġ kwantitattiv jibqa’ rappreżentattiv, filwaqt li jitqies li r-reklutaġġ tal-parteċipanti jista’ jkun aktar diffiċli matul il-vaganzi tas-sajf.

M11 Min jista’ jipparteċipa fl-istħarriġ?

Kulħadd jista’ jipparteċipa fl-istħarriġ pubbliku online, irrispettivament mill-età, min-nazzjonalità, mill-pajjiż ta’ residenza jew minn fatturi oħra, dment li min jipparteċipa jkollu apparat finali b’konnessjoni tal-internet attiva.

Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jipprovdu l-feedback tagħhom, l-istħarriġ pubbliku online huwa disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE.

M12 Jista’ rispondent jieħu sehem fl-istħarriġ aktar minn darba?

Sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ duplikazzjoni, l-istħarriġ tfassal biex jiżgura li l-preferenza ta’ kull parteċipant tingħadd darba biss.

M13 Għaliex ma nistax inlesti l-istħarriġ pubbliku online?

Jekk tiltaqa’ ma’ xi diffikultajiet tekniċi waqt li tkun qed timla l-istħarriġ pubbliku online, jekk jogħġbok ibgħat email lil neweurobanknotes@ecb.europa.eu u speċifika l-problema, sabiex l-esperti tal-BĊE jkunu jistgħu jinvestigaw il-kwistjoni u jipprovdu appoġġ.

M14 L-istħarriġ pubbliku online se jkun anonimu?

L-istħarriġ se jkun anonimu biex jirrispetta l-privatezza tal-parteċipanti. Il-BĊE ma huwa se jiġbor l-ebda data personali li tista’ tidentifika direttament lil dawk li jwieġbu, bħal ismijiet jew dettalji ta’ kuntatt.

Filwaqt li jsiru xi mistoqsijiet demografiċi fi tmiem l-istħarriġ, ir-rispondenti jistgħu jagħżlu wkoll li ma jipprovdu l-ebda informazzjoni billi jagħżlu l-għażla ta’ tweġiba “Nippreferi ma ngħidx” għal kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet.

Kwalunkwe data miġbura se tiġi aggregata u użata biss għall-fini tal-analiżi tal-feedback pubbliku dwar id-disinji futuri possibbli.

M15 Għaliex id-disinjaturi ta’ kull proposta ta’ disinn mhumiex identifikati fl-istħarriġ pubbliku online?

Il-BĊE psewdonimizza l-proposti tad-disinn fl-istħarriġ pubbliku biex jiżgura enfasi fuq l-appell tal-proposti tad-disinn. Kull proposta ta’ disinn hija identifikabbli biss permezz ta’ ittra minn A sa J li ġiet assenjata b’mod aleatorju lil kull disinn. Dan jiżgura li r-rispondenti ma jiġux influwenzati minn kriterji bħan-nazzjonalità jew bħar-reputazzjoni tad-disinjaturi.

M16 Meta se jiġu ppubblikati r-riżultati tal-istħarriġ pubbliku online?

Ir-rapport li jiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-istħarriġ pubbliku, inkluż il-feedback dwar id-disinji individwali, se jiġi ppubblikat wara li l-Kunsill Governattiv jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu madwar tmiem l-2026.

M17 Kif intgħażlu l-membri tal-gruppi ta’ esperti differenti?

Biex jgħinu fil-fażijiet varji tal-proċess ta’ disinn mill-ġdid, ġew stabbiliti tliet gruppi ta’ esperti indipendenti: il-Grupp Konsultattiv dwar it-Temi, il-Grupp Konsultattiv dwar il-Motifi u l-Ġurija tal-Konkors tad-Disinn. Dawn il-gruppi jikkonsistu minn speċjalisti minn madwar l-Ewropa, li jirrappreżentaw oqsma diversi bħad-disinn, l-istorja, il-litteratura, ix-xjenza, l-arti u l-akkademja, u jiżguraw firxa wiesgħa ta’ ħila u perspettivi. L-esperti ġew innominati mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro u nħatru mill-BĊE.

M18 Meta se jkollna karti tal-flus b’disinn ġdid fil-bwiet tagħna?

Wara li jintgħażlu d-disinji għall-karti tal-flus tal-euro futuri, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jiddeċiedi meta jipproduċi u joħroġ il-karti tal-flus il-ġodda. Se jgħaddu bosta snin biex l-ewwel karti tal-flus jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni u jispiċċaw fil-bwiet tagħna.

Id-denominazzjonijiet differenti tas-serje attwali tal-karti tal-flus tal-euro ġew introdotti gradwalment fuq meda ta’ snin. S’issa għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar meta u kif il-karti tal-flus tal-euro futuri se jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni.

M19 Il-materjali jew id-daqs tal-karti tal-flus futuri se jinbidlu fil-proċess tad-disinn mill-ġdid u se jidhru denominazzjonijiet ġodda?

Il-karti tal-flus tal-euro attwali huma stampati fuq karta tal-fibra tal-qoton, li tagħtihom is-sodezza speċjali tagħhom u r-reżistenza għall-kedd. Qegħdin nesploraw kontinwament modi kif intejbu ċ-ċiklu tal-ħajja tal-karti tal-flus tagħna u nnaqqsu l-impronta ambjentali tagħhom.

Għandna l-intenzjoni li jkollna l-istess denominazzjonijiet bħas-serje attwali (€5, €10, €20, €50, €100 u €200). Biex niffaċilitaw il-bidla u nillimitaw l-ispejjeż tal-adattament tal-magni li jimmaniġġaw il-karta tal-flus, id-daqsijiet u l-kuluri dominanti huma mistennija wkoll li jibqgħu l-istess.

M20 Min se jiddeċiedi dwar id-disinn finali?

Id-deċiżjoni finali se tittieħed mill-Kunsill Governattiv, abbażi tal-fehmiet tal-pubbliku Ewropew u l-kontribut tal-gruppi ta’ esperti. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv sejrin jitħabbru fuq il-websajt tal-BĊE.

M21 Gruppi vulnerabbli se jiġu kkonsultati matul il-proċess ta’ tfassil mill-ġdid (eż. persuni b’vista batuta)?

Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro huma f’kuntatt regolari ma’ diversi gruppi ta’ partijiet interessati. Pereżempju, matul l-iżvilupp tas-serje tal-karti tal-flus tal-euro eżistenti, kellna konsultazzjonijiet regolari mal-Unjoni Ewropea tal-Għomja. Minn dak iż-żmien, dawn il-konsultazzjonijiet komplew u sejrin ikomplu tul il-proċess ta’ disinn mill-ġdid kollu.