European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

L-etika – xogħol b’integrità

Il-BĊE huwa impenjat li jippromwovi l-integrità, il-governanza korporattiva tajba u l-ogħla standards etiċi.

L-etika tmexxina biex nagħmlu l-għażliet it-tajba anki quddiem sfidi jew taħt pressjoni. Hija l-bażi għall-fiduċja pubblika u fl-aħħar mill-aħħar għall-kredibilità tal-BĊE.

Christine Lagarde

L-uffiċjali ta’ livell għoli u l-membri tal-persunal tagħna jwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod imparzjali u b’integrità u jġibu ruħhom b’mod li jixraq lill-karattru tal-BĊE bħala istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Xi tfisser l-etika għall-BĊE?

Hawnhekk fil-BĊE l-imġiba tagħna hija rregolata minn prinċipji u regoli etiċi li huma stabbiliti fil-qafas tal-etika għall-persunal kollu u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE.

Kunflitti ta’ interess

L-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess sew huwa probabbilment l-iktar prinċipju importanti ta' mġiba etika. Jirrelata direttament mal-valur tal-integrità tagħna u jirfed ħafna elementi oħra tar-regoli etiċi tagħna. Dawn ir-regoli jiddeskrivu l-prinċipji u l-istandards ta’ mġiba biex jiġu evitati sitwazzjonijiet li jagħtu jew jistgħu jiġu pperċepiti li joħolqu kunflitti ta' interess. L-uffiċjali ta’ livell għoli u l-membri tal-persunal tal-BĊE għandhom iwettqu d-dmirijiet professjonali tagħhom b’mod imparzjali u oġġettiv.

Rigali u ospitalità

Sabiex tiġi evitata anki d-dehra ta’ kunflitti ta' interess, il-membri tal-persunal ġeneralment ma jitħallewx jaċċettaw xi vantaġġ marbut mal-impjieg tagħhom fil-BĊE. Din ir-regola hija partikolarment relevanti meta l-membri tal-persunal qed jinteraġixxu mas-settur privat, banek taħt superviżjoni jew fornituri kurrenti jew potenzjali. Hija restrizzjoni li tapplika għall-benefiċċji kollha irrispettivament min-natura, inklużi rigali u ospitalità.

Uffiċjali ta’ livell għoli huma wkoll meħtieġa wkoll jirrispettaw il-prinċipji ta' indipendenza u imparzjalità, u biex jevitaw kunflitti ta’ interess relatati mal-aċċettazzjoni ta’ vantaġġi. Minħabba r-rwol u l-funzjoni prominenti tagħhom, madankollu, huma jistgħu jaċċettaw ċertu ospitalità u rigali ta’ valur minuri.

Attivitajiet esterni

Il-membri tal-persunal huma meħtieġa jitolbu awtorizzazzjoni qabel ma jwettqu kwalunkwe attività esterna li hija ta’ natura okkupazzjonali, jew li tmur lil hinn minn dak li jista' raġonevolment jitqies bħala attività ta’ divertiment. Dan sabiex jiġi żgurat li l-attività inkwistjoni ma toħloqx kunflitt ta' interess.

Kull sena, uffiċjali ta’ livell għoli jirrappurtaw dwar kwalunkwe attività li huma wettqu f’kapaċità uffiċjali jew personali tagħhom bħala parti mid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi tagħhom.

Wara li jitilqu mill-BĊE

Uffiċjali ta’ livell għoli u membri tal-persunal li jitilqu mill-BĊE jistgħu jkunu soġġetti għal perjodu ta' tranżizzjoni. Jistgħu jkunu meħtieġa li jistennew għal ċertu perjodu ta’ żmien qabel ma jibdew impjieg ġdid, skont il-funzjoni tagħhom fil-BĊE, sabiex jevitaw sitwazzjoni ta’ “bibien li jduru” Tali restrizzjonijiet japplikaw b'mod partikolari għall-maniġment u l-impjegati li jaħdmu fis-superviżjoni bankarja, li jistgħu jkunu soġġetti għal perjodi ta’ preklużjoni sa sentejn.

Minbarra din il-miżura, uffiċjali ta’ livell għoli u l-membri tal-persunal jibqgħu marbuta bl-obbligi tas-segretezza professjonali tagħhom anki wara li jkunu waqfu jaħdmu għall-BĊE. Huma ma jistgħu jiżvelaw l-ebda informazzjoni mhux pubblika li setgħu ġew f'kuntatt magħha waqt it-twettiq ta’ dmirijiethom. Uffiċjali ta’ livell għoli u membri tal-persunal jibqgħu suġġetti għal eżerċizzji ta' monitoraġġ tal-konformità assoċjati mat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati tagħhom għal perjodu ta’ żmien definit wara li jitilqu mill-BĊE.

Akkwist

Il-membri tal-persunal għandhom iwettqu l-proċeduri ta’ akkwisti skont regoli u d-dispożizzjonijiet speċifiċi, u jżommu l-oġġettività, in-newtralità, it-trasparenza u ġustizzja. Huma mistennija wkoll li jevitaw u jirrapportaw il-kunflitti tal-interess. Għal dan il-għan, il-membri tal-persunal involuti fil-proċeduri ta’ akkwist huma mitluba jimlew formola ta' ċertifikazzjoni biex jikkonfermaw li fehmu r-regoli dwar il-kunflitti ta’ interess u m’għandhomx kunflitti bħal dawn ma’ offerenti potenzjali.

Reklutaġġ

Il-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħna jinkludu valutazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess relatati mal-impjiegi preċedenti tal-kandidat u r-relazzjonijiet personali tagħhom mal-membri tal-istaff tal-BĊE attwali.

Interazzjoni ma’ terzi persuni

Il-membri tal-persunal u l-uffiċjali ta’ livell għoli huma meħtieġa li jkunu kawti u trasparenti dwar ma’ min jiltaqgħu, meta jiltaqgħu u dak li jgħidu. Uffiċjali ta’ livell għoli u membri tal-persunal huma mistennija li jsegwu linji ta’ gwida u regoli speċifiċi interni dwar l-għoti ta’ diskorsi u l-attendenza ta’ laqgħat.

Id-djarji tal-laqgħat tal-membri tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, il-Bord Eżekuttiv u l-Bord Superviżorju huma ppubblikati regolarment, fl-interess tat-trasparenza u r-responsabbiltà.

Id-djarji tal-bqija tal-Kunsill Governattiv u tal-membri tal-Bord Superviżorju jistgħu jinstabu fuq il-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali rispettivi jew tas-superviżuri nazzjonali.

Attivitajiet finanzjarji privati

Il-membri tal-persunal u l-uffiċjali ta’ livell għoli huma espressament ipprojbiti milli jieħdu vantaġġ minn informazzjoni interna biex iwettqu kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja privata jew li jirrakkomandaw jew jagħtu pariri kontra tali tranżazzjonijiet. Il-BĊE stabbilixxa regoli stretti u dettaljati dwar tranżazzjonijiet finanzjarji privati. Ir-regoli jinkludu linji gwida għad-dikjarazzjoni tad-dettalji tal-kontijiet u għar-rappurtar dwar u għall-awtorizzazzjoni ta’ transazzjonijiet finanzjarji. Tiġi ssorveljata b’mod strett il-konformità ma’ dawn r-regoli.

Uffiċjali ta’ livell għoli huma suġġetti għal sett imsaħħaħ ta’ restrizzjonijiet fuq tranżazzjonijiet finanzjarji privati, li jillimitaw it-tipi ta’ assi li jistgħu jinvestu fihom. Dawn ir-regoli jistabbilixxu wkoll perijodu minimu ta’ żamma ta’ sena għall-assi kollha, kif ukoll rekwiżiti addizzjonali ta’ trasparenza għal tranżazzjonijiet.

Netwerk ta’ Etika ta’ Organizzazzjonijniet Multilaterali (ENMO)

Aħna membri tan-Netwerk ta’ Etika ta’ Organizzazzjonijiet Multilaterali (ENMO) L-għan tagħna huwa li nibqgħu aġġornati bl-iżviluppi fl-oqsma tal-etika u l-governanza tajba.

Skopri iktar dwar l-ENMO

L-integrazzjoni tal-etika fil-livelli kollha

Hija r-responsabbiltà individwali ta’ kull uffiċjal u membru tal-persunal ta’ livell għoli tal-BĊE li jikkonforma mar-regoli etiċi. Dawn ir-regoli jeħtieġu li jkunu appoġġjati minn mekkaniżmi u proċeduri ta’ monitoraġġ u rappurtar li jiffunzjonaw tajjeb sabiex jiġu implimentati b’mod adegwat u konsistenti.

Bħala parti minn dan, uffiċjali ta’ livell għoli huma meħtieġa jimlew:

  • dikjarazzjonijiet ta' konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta;
  • dikjarazzjonijiet ta' interessi, li jinkludu informazzjoni dwar attivitajiet ta’ xogħol preċedenti, attivitajiet privati u interessi finanzjarji preċedenti;
  • mill-2024, anness ġdid għad-dikjarazzjoni tal-interessi, li jkun fih lista tat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati kollha mwettqa matul l-aħħar sena kalendarja.

Dikjarazzjonijiet tal-BĊE u tas-Superviżjoni Bankarja:

Biex jissaħħu aktar ir-regoli tal-etika, ġie introdott qafas ta’ żvelar ta' informazzjoni protetta (il-whistleblowing) imtejjeb biex jippermetti lill-persunal jirrapporta l-ksur b’mod anonimu.

Iż-żewġ korpi li ġejjin għandhom rwol ewlieni biex jiżguraw li r-regoli etiċi jiġu osservati:

Kumitat tal-Etika

Kumitat tal-Etika maħtur apposta jipprovdi pariri u gwida lill-uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE u jiżgura li r-regoli etiċi jiġu implimentati b’mod adegwat u koerenti.

Il-Kumitat huwa magħmul minn tliet membri esterni: individwi ta’ reputazzjoni għolja li ma hemmx dubju dwar l-indipendenza tagħhom u li għandhom għarfien sod tal-għanijiet, il-kompiti u l-governanza tal-BĊE, is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, jew SEBĊ, l-Eurosistema u s-superviżjoni bankarja Ewropea. Il-Kumitat huwa ppresedut minn Erkki Liikanen u jinkludi żewġ membri oħra: Virginia Canter u Pervenche Beres.

Uffiċċju tal-Konformità u l-Governanza

L-Uffiċċju tal-Konformità u l-Governanza jipprovdi gwida u pariri lill-membri tal-persunal, iqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet etiċi u jimmonitorja l-konformità mal-Qafas tal-Etika.

Sabiex iżomm il-kultura etika tal-BĊE u jtejjeb l-għarfien tal-impjegati tar-raġunijiet wara r-regoli etiċi, l-Uffiċċju jmexxi korsijiet ta’ taħriġ regolari għall-persunal tal-BĊE. Dan jgħin lill-persunal jifhmu u jassimilaw ir-responsabbiltajiet etiċi tagħhom u jaħsbu, jirrispondu u jieħdu d-deċiżjonijiet etikament.

Xi tfisser l-etika għall-Eurosistema u għas-sorveljanza bankarja Ewropea?

Matul dawn l-aħħar snin, il-pubbliku sar aktar konxju tar-regoli tal-etika u l-kwistjonijiet relatati mal-governanza korporattiva, partikolarment wara l-istabbiliment ta’ superviżjoni bankarja Ewropea. Sabiex jittaffew ir-riskji ta’ reputazzjoni relatati, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li dan il-livell miżjud ta’ għarfien u skrutinju tal-pubbliku għandu jkun rifless minn kultura etika korporattiva adegwata u komuni maħsuba biex tissalvagwardja l-integrità tal-BĊE, tas-SEBĊ, l-Eurosistema u s-superviżjoni bankarja Ewropea.

Il-Kunsill Governattiv għaldaqstant stabbilixxa ċerti standards etiċi għall-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema u għas-Superviżjoni bankarja Ewropea. Dawn ir-regoli jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-prevenzjoni ta’ użu ħażin ta’ informazzjoni interna, il-ġestjoni ta’ kunflitti ta' interess, u l-aċċettazzjoni ta’ rigali u ospitalità.

Il-Kumitat tal-Etika u l-Konformità, li hu magħmul minn uffiċjali kap tal-konformità jew tal-etika mill-Eurosistema u s-superviżjoni bankarja Ewropea, jgħin – ibbażat fuq l-esperjenza prattika miksuba – biex itejjeb u jarmonizza aktar l-istandards tal-etika u l-konformità.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima