European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’inhuma l-haircuts?

3 ta' Novembru 2016

Fis-swieq finanzjarji, it-terminu haircut jirreferi għal tnaqqis li jiġi applikat għall-valur tal-assi. Il-haircut hija rappreżentata bħala perċentwali. Hekk, jekk assi, bħal investimenti f’bond tal-gvern partikolari, ikunu jiswew €1 miljun u tinqatgħalhom haircut ta’ 20%, dan ifisser li jitqiesu daqslikieku l-valur tagħhom ikun ta’ €0.8 miljun biss.

Meta jintużaw il-haircuts?

Il-haircuts jintużaw, ngħidu aħna, meta l-banek ċentrali jisilfu flus lill-banek kummerċjali. Bħala forma ta’ assigurazzjoni biex ikun jista’ joħroġ is-self, il-bank ċentrali jitlob kollateral (iżjed tagħrif fuq il-kollateral) Madankollu, il-bank ċentrali japplika haircut, jew tnaqqis, fuq il-valur ta’ dan il-kollateral. Jekk nieħdu l-eżempju ta’ hawn fuq, assi li jiswew €1 miljun bi prezz ġust tas-suq, iżda li tinqatgħalhom haircut ta’ 20%, jagħmlu tajjeb biss għal self ta’ €0.8 miljun.

Għaliex jintużaw il-haircuts?

Il-banek ċentrali jeħtiġilhom ikunu ċerti li l-flus li jisilfu jerġgħu jeħduhom. L-ewwel linja ta’ difiża tkun il-ftehim ma’ min jissellef fuq kif se jrodd il-flus lura. Jekk min jissellef ma jħallasx is-self, il-bank ċentrali jrid ibigħ il-kollateral. Għalhekk jeħtieġlu jkun żgur li jbigħ il-kollateral bi prezz li jkopri l-ammont tas-self. Iżda l-valur tal-assi jista’ jitla’ u jinżel u l-banek ċentrali jistgħu jieħdu ċertu żmien biex ibigħu assi speċifiċi. Il-haircut għalhekk isservi ta’ lqugħ, jew bafer, ta’ sigurtà għal xi telf fil-valur u għaż-żmien sakemm jinbiegħ il-kollateral.

Biex niċċaraw dan, ejja nieħdu l-eżempju ta’ dar li tiswa €1 miljun. Għandha mnejn tkun tiswa €1 miljun issa, iżda m’hemm ebda garanzija li meta tiġi biex tinbiegħ tassew se ġġib €1 miljun. Id-dar tista’ ġġarrab ħsara f’temp ħażin jew il-post fejn tkun tinsab ma jibqax daqshekk attraenti. L-Eurosistema, li hija magħmula mill-BĊE u mid-19-il bank ċentrali taż-żona tal-euro, ma taċċettax proprjetà immobbli bħala kollateral iżda tirraġuna bl-istess mod fejn jidħlu l-assi li taċċetta bħala kollateral, bħal bonds ta’ kwalità tajba ħafna u titoli oħra b’terminu qasir ta’ żmien. Dawn ukoll, għal bosta raġunijiet, jista’ jonqsilhom il-valur. Din hija r-raġuni għaliex assi b’valur tas-suq kurrenti ta’ €1 miljun mhumiex biżżejjed għal self tal-istess ammont.

X’inhu li jiddeċiedi d-daqs ta’ haircut?

Min jislef irid iqis x’daqs ta’ bafer huwa biżżejjed biex ikopri r-riskju li l-assi ma jkunux jistgħu jinbiegħu bil-valur kurrenti tagħhom. Dan jiddependi mill-fatturi msemmijin iżjed ’il fuq, fosthom kemm huma riskjużi dawk it-tipi ta’ assi, jiġifieri kemm huwa “volatili” (ivarja) il-prezz tagħhom u kemm huma “likwidi”, jew kemm huwa faċli tbigħhom malajr bla ma jitilfu l-valur. Jekk nerġgħu lura għall-eżempju tagħna, dar kbira antika (li ftit li xejn hemm domanda għaliha) f’post magħruf għal kemm jagħmel maltemp (u għalhekk b’riskju li ssirilha ħsara) ikollha haircut ikbar minn appartament b’żewġ kmamar tas-sodda ġdid fjamant fiċ-ċentru ta’ belt. L-istess, fil-każ ta’ bank ċentrali, bonds tal-gvern aktarx ikunu investimenti relattivament siguri u likwidi, u jkollhom haircut iżgħar minn self bankarju, li wkoll jista’ jintuża bħala kollateral u aktarx ikun inqas likwidu.

X’haircuts tapplika l-Eurosistema?

L-Eurosistema tiddeċiedi bir-reqqa x’haircuts tapplika għall-kollateral li taċċetta. Taċċerta ruħha li l-haircut tkun suffiċjenti u proporzjonata biex jonqos ir-riskju ta’ telf.

Meta taċċetta kollateral, l-Eurosistema ma tippreferix xi tip partikolari ta’ assi, sakemm dawn ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħha. Fuq self ta’ €1 miljun, min jissellef jista’ jipprovdi, ngħidu aħna, €1.7 miljun f’self bankarju b’haircut ta’ 40% jew €1.06 miljun f’bonds tal-gvern b’haircut ta’ 5%, billi t-tnejn għandhom valur kollaterali ta’ ftit iżjed minn €1 miljun. L-importanti huwa li l-valur totali tal-kollateral, wara li jinqatgħu l-haircuts, ikun daqs (jew ogħla minn) l-ammont totali tas-self, kemm jekk dan ifisser li min jissellef jipprovdi ammont ikbar ta’ assi b’haircuts kbar jew ammont iżgħar ta’ assi b’haircuts żgħar.

L-Eurosistema stabbiliet proċess iebes għall-ġestjoni tar-riskju u l-użu tal-haircuts mhuwiex ħlief miżura waħda fost il-ħafna li tuża biex tiżgura li ma tiħux riskji bla bżonn.

Il-BĊE jippubblika u jirrevedi regolarment lista tal-haircuts li japplika għall-kollateral.

ARA WKOLL

Kun af iktar dwar kontenut relatat