Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Christine Lagarde
The President of the European Central Bank
Boris Vujčić
Vice-President of the European Central Bank
  • STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Boris Vujčić, Viċi-President tal-BĊE

Frankfurt am Main, 11 ta’ Ġunju 2026

Il-waranofsinhar it-tajjeb, il-Viċi-President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.

Il-Kunsill Governattiv huwa impenjat li jiffissa l-politika monetarja biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira ta’ tnejn fil-mija tagħna fit-terminu medju. F’konformità ma’ dan l-impenn, illum iddeċidejna li ngħollu t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Il-gwerra fil-Lvant Nofsani qiegħda tiġġenera pressjonijiet fuq l-inflazzjoni, u d-deċiżjoni li ngħollu r-rati hija waħda robusta fuq firxa ta’ xenarji li jimmappjaw kif ix-xokk jista’ jevolvi u jaffettwa l-perspettiva fuq żmien medju għaż-żona tal-euro.

Fil-linja bażi tal-projezzjonijiet ġodda tal-persunal tal-Eurosistema, l-inflazzjoni ewlenija hija mistennija li tilħaq medja ta’ 3.0 fil-mija fl-2026, 2.3 fil-mija fl-2027 u 2.0 fil-mija fl-2028. Għall-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija u l-ikel, il-linja bażi tbassar medja ta’ 2.5 fil-mija fl-2026 u fl-2027 u 2.2 fil-mija fl-2028. Meta mqabbel ma’ Marzu, il-persunal irreveda ’l fuq il-projezzjoni tal-linja bażi tiegħu għall-inflazzjoni fl-2026 u fl-2027 minħabba tendenza ogħla għall-prezzijiet tal-enerġija, li, sa ċertu punt, hija mistennija li titma’ l-inflazzjoni fl-ikel, fl-oġġetti u fis-servizzi. Il-linja bażi tara li t-tkabbir ekonomiku se jilħaq medja ta’ 0.8 fil-mija fl-2026, 1.2 fil-mija fl-2027 u 1.5 fil-mija fl-2028. Din hija reviżjoni ’l isfel għall-2026 u għall-2027, u tirrifletti impatt aktar evidenzjat tal-gwerra fuq is-swieq tal-komoditajiet, fuq id-dħul reali u fuq il-kunfidenza.

Il-perspettiva tibqa’ waħda inċerta, b’r-riskji b’xejra ta żieda għall-inflazzjoni u b’riskji b’xejra ta’ tnaqqis għat-tkabbir ekonomiku. L-implikazzjonijiet sħaħ tal-gwerra fuq l-inflazzjoni fuq perjodu ta’ żmien medju u fuq it-tkabbir se jiddependu fuq l-intensità u fuq id-durata tax-xokk tal-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll fuq l-iskala tal-effetti indiretti u sekondarji tagħha. Din l-inċertezza hija riflessa wkoll fil-medda wiesgħa ta’ riżultati għall-inflazzjoni u għat-tkabbir fix-xenarji illustrattivi aġġornati miġburin flimkien mill-persunal tal-Eurosistema. Dawn se jiġu ppubblikati mal-projezzjonijiet tal-persunal fuq is-sit web tagħna.

Bid-deċiżjoni tal-lum, se nibqgħu f’pożizzjoni tajba li ninnavigaw l-inċertezza kkawżata mill-gwerra. Se nimmonitorjaw is-sitwazzjoni mill-qrib u se nsegwu approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nimpenjaw ruħna minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.

Id-deċiżjonijiet meħuda llum huma spjegati fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit web tagħna.

Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjega l-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.

Attività ekonomika

B’aġġustament għal fattur temporanju fl-Irlanda, l-ekonomija taż-żona tal-euro kibret fl-ewwel trimestru, appoġġata mid-domanda domestika u mill-esportazzjonijiet. Madankollu, il-gwerra fil-Lvant Nofsani qed tinfluwenza l-attivitajiet, u l-istħarriġiet qed jindikaw tnaqqis ekonomiku, speċjalment fis-servizzi. S’issa, il-manifattura żammet. Dan huwa parzjalment dovut għall-fatt li d-ditti ilhom jaħżnu l-istokks biex ikampaw mal-pressjonijiet fuq il-katina tal-provvista. Dan jirrifletti wkoll infiq akbar fuq id-difiża.

Is-suq tax-xogħol jibqa’ reżiljenti. Il-qgħad, f’6.3 % f’April, jibqa’ qrib l-inqas livelli storiċi. L-ewwel trimestru ra l-ħolqien ta’ impjiegi addizzjonali, għalkemm b’pass aktar kajman milli kien hemm fl-aħħar trimestru tal-2025. Id-domanda għall-ħaddiema naqset ulterjorment, u d-ditti u l-unitajiet domestiċi qed jistennew li s-suq tax-xogħol jiddgħajjef.

Meta wieħed iħares ’l quddiem, il-persunal issa jistenna li d-domanda domestika tkun iktar dgħajfa milli pproġettat f’Marzu hekk kif il-gwerra qed ikollha l-effetti tagħha fuq il-kunfidenza u l-kostijiet tal-enerġija ogħla qed inaqqru l-introjti reali. Fl-istess ħin, b’mod ġenerali, il-karta tal-bilanċ tal-unitajiet domestiċi huma solidi, u l-konsum għandu jibqa’ l-ixprunatur ewlieni tat-tkabbir. Kostijiet tal-enerġija ogħla u inqas kunfidenza se jfixklu l-investiment privat fuq perjodu ta’ żmien qasir, iżda dan għandu jittaffa bl-investiment tad-ditti f’teknoloġiji diġitali ġodda. Il-gvernijiet qed jonfqu aktar fuq id-difiża u l-infrastruttura għandha tkompli tappoġġa l-investiment pubbliku. Dawn il-fatturi huma mistennija li jtaffu xi ftit mill-effetti tal-gwerra.

Il-Kunsill Governattiv jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ l-ekonomija taż-żona tal-euro filwaqt li jinżammu finanzi pubbliċi sodi. Is-sostenibbiltà fiskali hija ankra kruċjali għal stabbiltà ekonomika usa’. Ir-risponsi fiskali għax-xokk tal-prezzijiet tal-enerġija għandhom ikunu temporanji, immirati u mfasslin apposta, kif enfasizzat fil-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew tal-2026 tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-riformi biex jitjieb il-potenzjal tat-tkabbir taż-żona tal-euro u biex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni tal-enerġija biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili huma vitali aktar minn qatt qabel. It-tlestija tal-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti hija essenzjali għall-finanzjament tal-innovazzjoni, għall-appoġġ tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u għat-titjib tal-produttività. L-euro diġitali u l-flus tal-bank ċentrali tokenizzati bl-ingrossa se jtejbu l-awtonomija strateġika tal-Ewropa, il-kompetittività u l-integrazzjoni finanzjarja, u se jsaħħu l-innovazzjoni fil-pagamenti. Għaldaqstant huwa essenzjali li r-Regolament dwar l-istabbiliment tal-euro diġitali jiġi adottat malajr. Is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-regoli madwar is-Suq Uniku tal-UE se jgħinu lid-ditti Ewropej jikbru aktar malajr.

Inflazzjoni

L-inflazzjoni żdiedet għal 3.2 fil-mija f’Mejju, minn 3.0 fil-mija f’April. L-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija żdiedet għal 10.9 fil-mija, wara 10.8 fil-mija f'April, filwaqt li l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel naqset minn 2.4 fil-mija għal 2.0 fil-mija. L-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija u tal-ikel żdiedet għal 2.5 fil-mija, minn 2.2 fil-mija f’April, hekk kif l-inflazzjoni fuq l-oġġetti żdiedet sa 0.9 fil-mija u l-inflazzjoni fuq is-servizzi żdiedet minn 3.0 fil-mija għal 3.5 fil-mija.

Il-pressjonijiet fuq il-kost domestiku naqsu fl-ewwel trimestru, appoġġati minn żidiet aktar bil-mod fil-pagi u fil-profitti. It-tracker tal-pagi u l-istħarriġiet tal-BĊE fuq l-aspettattivi tal-pagi jkomplu jindikaw li t-t-tkabbir fil-pagi għandu jonqos tul is-sena. Madankollu, qed issir aktar għalja għad-ditti biex jakkwistaw minn inputs oħrajn u għaldaqstant jistennew li jgħollu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom. Barra minn hekk, xi indikaturi tal-inflazzjoni bażi diġà għolew minħabba x-xokk fl-enerġija. L-aspettattivi dwar l-inflazzjoni fuq orizzonti iqsar għadhom ferm ogħla mil-livelli ta’ qabel faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani. Fl-istess ħin, il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq żmien itwal huma ta’ madwar 2 fil-mija, u dan jappoġġa l-istabilizzazzjoni tal-inflazzjoni madwar il-mira fuq perjodu ta’ żmien medju.

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija se żżid ulterjorment l-inflazzjoni tul is-sajf u se żżommha ferm ogħla mill-mira fl-ewwel sitt xhur tal-2027. Se jkollha wkoll impatt fuq l-inflazzjoni fuq l-ikel, fuq l-oġġetti u fuq is-servizzi. Imbagħad, fit-tieni nofs tal-2027, l-inflazzjoni għandha tirritorna għall-mira tagħha, appoġġata minn prezzijiet tal-enerġija li jonqsu u minn żidiet iktar bil-mod fi prezzijiet oħrajn. Madankollu, il-gwerra fil-Lvant Nofsani tibqa’ sors maġġuri ta’ inċertezza. Aktar mal-prezzijiet tal- enerġija jibqgħu għoljin, aktar huwa probabbli li jżidu l-inflazzjoni permezz ta’ effetti indiretti u sekondarji. Għaldaqstant, se nimmonitorjaw aktar mill-qrib id-daqs u l-persistenza taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, u kif din tgħaddi għall-iffissar tal-prezzijiet u tal-pagi, l-aspettattivi tal-inflazzjoni u d-dinamiċi ekonomiċi b’mod ġenerali.

Valutazzjoni tar-riskji

Ir-riskji għall-prospettiva tat-tkabbir huma pjuttost negattivi prinċipalment minħabba l-gwerra fil-Lvant Nofsani, li żiedet il-volatilità tal-ambjent politiku globali. It-tfixkil prolongat fil-provvisti tal-enerġija jista’ jżid il-prezzijiet tal-enerġija ulterjorment u għal żmien itwal milli mistenni attwalment. Dawn il-fatturi jnaqqru l-introjti reali ulterjorment u jġiegħlu lid-ditti u lill-unitajiet domestiċi joqogħdu aktar lura fl-investimenti u fl-infiq. It-tnaqqis fit-tkabbir jintensifika li kieku l-għeluq tar-rotot tat-tbaħħir ewlenin kellu jikkawża nuqqasijiet akuti ta’ inputs ewlenin li jġiegħel lid-ditti taż-żona tal-euro jnaqqsu l-output. Deterjorament fis-sentiment tas-swieq finanzjarji globali jew provvista aktar stretta tal-kreditu tista’ tkompli tnaqqas id-domanda. Frizzjonijiet addizzjonali fil-kummerċ internazzjonali jistgħu jfixklu ulterjorment il-ktajjen tal-provvista, inaqqsu l-esportazzjonijiet u jdgħajfu l-konsum u l-investiment. Tensjonjiet ġeopolitiċi oħrajn, b’mod partikolari l-gwerra mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, jibqgħu sors ta’ inċertezza maġġuri. B’kuntrast għal dan, it-tkabbir jista’ jirriżulta akbar li kieku l-ekonomija u s-swieq tal-enerġija kellhom jadattaw aktar malajr milli mistenni għat-tfixkil ikkawżat mill-gwerra fil-Lvant Nofsani jew li kieku l-gwerra tissolva minnufih u b’mod sostennibbli. Barra minn hekk, l-infiq ippjanat fuq id-difiża u l-infrastruttura, ir-riformi għat-titjib tal-produttività u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda mid-ditti taż-żona tal-euro jistgħu jkomplu jixkprunaw it-tkabbir b’aktar milli huwa mistenni. Integrazzjoni aktar profonda tas-Suq Uniku tista’ ssaħħaħ ukoll it-tkabbir lil hinn mill-aspettattivi kurrenti.

Ir-riskji għall-prospettiva tal-inflazzjoni qegħdin jiżdiedu. Li kieku l-prezzijiet tal-enerġija kellhom jiżdiedu aktar u għal żmien itwal milli mistenni bħalissa, l-inflazzjoni taż-żona tal-euro tiżdied ulterjorment. Dan jista’ jiġi rinforzat u jista’ jsir aktar persistenti li kieku l-prezzijiet ogħla tal-enerġija kellhom jinfirxu b’aktar milli mistenni għal prezzijiet oħrajn u għal pagi, jekk l-istenniji tal-inflazzjoni fuq żmien itwal kellhom jiżdiedu b’rispons għal dan, jew jekk il-ktajjen tal-provvista globali kellhom jiġu mfixkla b’mod wiesa’. It-tensjonijiet fil-kummerċ li jinsabu għaddejjin jistgħu wkoll jikkawżaw ktajjen tal-provvista globali aktar frammentati, jirrestrinġu l-provvista ta’ materja prima kritika u jnaqqsu l-limitazzjonijiet tal-kapaċità fl-ekonomija taż-żona tal-euro. L-avvenimenti ta’ temp estrem, u l-kriżijiet klimatiċi u tan-natura li qegħdin jiżvolġu b’mod aktar estiż, jistgħu jgħollu l-prezzijiet tal-ikel aktar milli huwa mistenni. B’kuntrast għal dan, l-inflazzjoni tista’ tkun xi ftit aktar baxxa jekk jirriżulta li l-effetti ekonomiċi tal-gwerra fil-Lvant Nofsani jdumu għal żmien iqsar milli previst attwalment jew jekk l-effetti indiretti jew sekondarji jkunu inqas qawwijin milli mistenni. Is-swieq finanzjarji aktar volatili u avversi għar-riskji jistgħu jrażżnu d-domanda u b’hekk inaqqsu wkoll l-inflazzjoni.

Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji

Il-kundizzjonijiet finanzjarji huma fil-biċċa l-kbira tagħhom mhux mibdula mill-aħħar laqgħa tagħna iżda jibqgħu aktar stretti milli kienu qabel il-gwerra. Il-kost tal-ħruġ tad-dejn ibbażat fuq is-suq żdied għal 4.0 fil-mija f’April, minn 3.9 fil-mija f’Marzu. Ir-rati tas-self tal-banek lid-ditti baqgħu 3.6 fil-mija f’April u r-rati tas-self baqgħu 3.4 fil-mija.

Ir-rata tat-tkabbir annwali tal-banek li jisilfu lid-ditti żdiedet għal 3.4 fil-mija f’April, minn 3.2 fil-mija f’Marzu, filwaqt li r-rata tat-tkabbir tal-ħruġ tal-bonds korporattivi żdiedet għal 4.6 fil-mija. Is-self b’ipoteka f’April żdied mill-ġdid bi 3.0 fil-mija.

F’konformità mal-istrateġija tal-politika monetarja tagħna, il-Kunsill Governattiv ivvaluta fil-fond ir-rabtiet bejn il-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja. Il-banek taż-żona tal-euro huma reżiljenti, appoġġati minn proporzjonijiet ta’ kapital u tal-likwidità b’saħħithom, kwalità tal-assi solida u profitabilità robusta. Madankollu, waqa’ f’daqqa fil-prezzijiet tal-assi, potenzjalment amplifikata mis-settur finanzjarju mhux bankarju u minn deterjorazzjoni tal-kwalità tal-assi, b’mod partikolari fis-setturi sensittivi għall-enerġija u l-kummerċ, joħloq riskji għall-istabbiltà finanzjarja. Dawn ir-riskji jiżdiedu aktar ma jdumu l-kunflitti ġeopolitiċi kurrenti. Il-politika makroprudenzjali tibqa’ l-ewwel linja ta’ difiża kontra l-akkumulazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet finanzjarji, li ttejjeb ir-reżiljenza u tippreżerva l-ispazju makroprudenzjali.

Konklużjoni

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Aħna impenjati li nistabbilixxu l-politika monetarja biex niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira ta’ tnejn fil-mija tagħna fuq terminu medju. Se nsegwu approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. Id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nimpenjaw ruħna minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.

Fi kwalunkwe każ, aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fi ħdan il-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna għal żmien medju u li nippreżervaw il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Issa lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja