STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jtemm il-produzzjoni u l-ħruġ tal-karta tal-€500

4 ta' Mejju 2016
  • Il-BĊE ddeċieda li jwaqqaf il-produzzjoni u l-ħruġ tal-karta tal-€500
  • Is-sensiela Europa tal-karti tal-euro mhijiex se jkollha l-€500
  • Il-karta tal-€500 se tibqa’ valuta legali u tkompli żżomm il-valur tagħha

Illum il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ikkonkluda rieżami tal-istruttura tad-denominazzjonijiet tas-sensiela Europa. Il-Kunsill ħa d-deċiżjoni li jwaqqaf b’mod permanenti l-produzzjoni tal-karta tal-€500 u li jħalliha barra mis-sensiela Europa, wara li kkunsidra t-tħassib li din il-karta tal-flus tista’ tgħin fit-tixrid ta’ attivitajiet illeċiti. Il-ħruġ tal-karta tal-€500 se jieqaf għalkollox lejn tmiem l-2018, meta huwa maħsub li jibdew deħlin il-karti l-ġodda tal-€100 u €200 tas-sensiela Europa. Id-denominazzjonijiet l-oħra – mill-€5 sal-€200 – se jżommu posthom fis-sensiela l-ġdida.

Minħabba s-sehem internazzjonali tal-euro u l-fiduċja mifruxa fil-karti tal-euro, il-karta tal-€500 tal-ewwel sensiela se tibqa’ valuta legali u għalhekk tista’ tkompli tintuża bħala mezz ta’ ħlas u ħażna ta’ valur. L-Eurosistema, li hija magħmula mill-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, se tieħu passi biex tiżgura li jkun hemm biżżejjed kwantitajiet mid-denominazzjonijiet l-oħra.

Il-karta tal-€500, bħad-denominazzjonijiet l-oħra tal-karti tal-euro, se tibqa’ żżomm il-valur tagħha u wieħed jista’ jsarrafha fil-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema għal żmien indefinit.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija William Lelieveldt (+49 69 1344 7316).

Noti:

Is-sensiela Europa hija t-tieni sensiela ta’ karti tal-euro, u qiegħda tiġi introdotta gradwalment. Fl-2013 ħarġet il-€5 u warajha ħarġu l-€10 u l-€20 fl-2014 u fl-2015 rispettivament.

Kuntatti midja