Emendi għal "L-implimentazzjoni tal-politika monetarja fiż-żona ta' l-euro: dokumentazzjoni ġenerali dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja ta' l-Eurosistema" fir-rigward ta' titoli garantiti permezz ta’ assi
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) qiegħed illum jippubblika emendi għad-dokument imsejjaħ “L-implimentazzjoni tal-politika monetarja fiż-żona ta’ l-euro: Dokumentazzjoni ġenerali dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja ta’ l-Eurosistema” (li nirreferu għalih bħala d-“Dokumentazzjoni Ġenerali”) biex jiċċara l-kriterji li fuqhom tiġi stmata l-eliġibilità ta’ titoli garantiti permezz ta’ assi użati f’operazzjonijiet ta’ kreditu fl-Eurosistema. Fl-imgħoddi, l-Eurosistema ma applikatx kriterji speċifiċi ta’ eliġibilità fir-rigward ta’ titoli garantiti permezz ta’ assi, li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ strumenti ta’ dejn. Minflok, interpreta l-kriterju ġenerali ta’ l-ewwel livell dwar l-eliġibilità li jirrikjedi li strumenti ta’ dejn għandu jkollhom “ammont prinċipali fiss inkondizzjonat” bħala wieħed li jeskludi dawk it-titoli garantiti permezz ta’ assi fejn ir-riskju tal-kreditu jkun ġie trasferit għal strument b’għan speċjali permezz ta’ derivati ta’ kreditu. Għalhekk ġew introdotti l-emendi biex tiżdied it-trasparenza ġenerali tal-qafas ta’ sigurtà billi ġew speċifikati l-kriterji preċiżi li għandhom jiġu mwettqa mit-titoli garantiti permezz ta’ assi; dawn l-emendi ġew miżjuda mal-kriterji ġenerali applikabbli għall-istrumenti ta’ dejn. Minħabba l-introduzzjoni tal-kriterji l-ġodda, ġie deċiż ukoll li r-rekwiżit dwar “l-ammont prinċipali fiss inkondizzjonat” mhux se jibqa’ applikabbli għal titoli garantiti permezz ta’ assi. Dan minħabba li l-ammont prinċipali tat-titoli kollha garantiti permezz ta’ assi s-soltu jiddependi mill-andament ta’ l-assi bażi.
Il-kriterji l-ġodda għandhom x’jaqsmu mal-ħames aspetti li ġejjin:
- i) L-istruttura tat-transazzjoni. L-assi li jiġġeneraw likwidità għandhom jiġu akkwistati legalment skond il-liġijiet ta’ Stat Membru mingħand l-oriġinatur jew intermedjarju permezz ta’ l-istrument speċjali għas-sigurtà b’mod li l-Eurosistema tqis dan bħala “bejgħ effettiv” li jista’ jiġi infurzat kontra kwalunkwe terza persuna. M’għandhomx ikunu jistgħu jintlaħqu mill-oriġinatur u l-kredituri tiegħu, ukoll jekk l-oriġinatur ikun insolventi.
- ii) Il-kompożizzjoni tal-ġabra ta’ l-assi. L-assi li jiġġeneraw likwidità m’għandhomx ikunu magħmula minn noti marbuta ma’ kreditu jew drittijiet simili ġejjin mit-trasferiment tar-riskji tal-kreditu permezz ta’ derivati ta’ kreditu.
- iii) L-anzjanità tal-porzjonijiet ta’ ishma. Strumenti tad-dejn li jagħtu drittijiet fuq il-kapital u/jew l-imgħax li huma subordinati għad-drittijiet ta’ dawk li għandhom strumenti oħra ta’ dejn maħruġa mill-istess entità (jew, fi ħdan ħruġ strutturat, subordinat għal porzjonijiet oħra ta’ ishma ta’ l-istess ħruġ) huma esklużi mill-ewwel livell. Porzjon ta’ ishma (jew porzjon subordinat) hu meqjus bħala mhux subordinat vis-à-vis porzjonijiet (jew porzjonijiet subordinati) oħra ta’ l-istess ħruġ u hu “aktar anzjan” jekk – skond il-prijorità ta’ pagament applikabbli wara li jingħata avviż ta’ infurzar, kif stabbilit fiċ-ċirkolari ta’ l-offerta – dak il-porzjon (jew porzjon subordinat) jirċievi pagament (kapital u mgħax) qabel porzjonijiet jew porzjonijiet subordinati oħra jew ikun l-aħħar wieħed li jġarrab telf fir-rigward ta’ l-assi bażi.
- iv) Il-pajjiż tar-residenza ta’ min joħroġ it-titoli. Titoli garantiti permezz ta’ assi maħruġa minn entitajiet stabbiliti fil-pajjiżi tal-G10 li mhumiex parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – bħalissa l-Istati Uniti, il-Kanada, l-Ġappun u l-Isvizzera – mhumiex eliġibbli. Dan il-kriterju ġie introdott biex jiġu evitati iżjed komplessitajiet legali li setgħu jinqalgħu kieku l-Eurosistema kienet tinħtieġ tagħmel stima dwar jekk id-drittijiet humiex imħarsa biżżejjed taħt il-liġijiet ta’ dawn il-pajjiżi.
- v) L-istima ta’ l-eliġibilità. L-Eurosistema tirriżerva d-dritt li titlob mingħand kwalunkwe persuna terza (bħal min joħroġ it-titoli, l-oriġinatur jew min jagħmel l-arranġamenti) kwalunkwe kjarifika u/jew konferma legali li jidhrilha meħtieġa biex tagħmel stima ta’ l-eliġibilità ta’ titoli garantiti permezz ta’assi.
Madankollu, wieħed għandu jinnota li l-kriterji msemmija hawn fuq kif ukoll l-eċċezzjoni mir-rekwiżit ta’ “l-ammont prinċipali fiss inkondizzjonat” ma japplikawx għal bonds koperti tal-banek maħruġa skond l-Art. 22(4) tad-Direttiva UCITS (85/611/KEE kif emendat).
Id-Dokumentazzjoni Ġenerali, inklużi l-emendi msemmija hawn fuq, hi annessa mal-Linji Gwida BĊE/2005/17 li jemendaw il-Linji Gwida BĊE/2000/7 dwar strumenti u proċeduri tal-politika monetarja ta’ l-Eurosistema. Il-Linja Gwida li qiegħda tagħmel l-emenda ġiet adottata mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE u l-emendi se jseħħu mill-1 ta’ Mejju 2006.
Titoli garantiti permezz ta’ assi li huma eliġibbli skond il-Linja Gwida BĊE/2005/2 iżda li ma jissodisfawx il-kriterji msemmija hawn fuq se jibqgħu eliġibbli għal perijodu transitorju sal-15 ta’ Ottubru 2006.
----------------
Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li unitajiet ta’ fonds communs de créances Franċiżi (FCCs) fil-lista ta’ l-ewwel livell se jibqgħu eliġibbli għal perijodu transitorju sat-30 ta’ Diċembru 2008.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja