Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Marzu - April 2024
12 ta’ April 2024.
Komunikazzjoni esterna
Dikjarazzjoni tal-Kunsill Governattiv dwar l-unjoni tas-swieq kapitali
Fis-7 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv approva dikjarazzjoni dwar l-avvanzament tal-unjoni tas-swieq kapitali (CMU), li ġiet ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fl-istess ġurnata. Id-dikjarazzjoni tenfasizza r-raġunijiet b’saħħithom li l-Kunsill Governattiv jara għall-appoġġ u għat-titjib ta’ dan il-proġett u jiddeskrivi numru ta’ inizjattivi ewlenin fil-pjan ta’ azzjoni tas-CMU li l-Eurosistema tikkunsidra li huma prijoritajiet.
Is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se tibda taħdem mill-bini Gallileo fi Frankfurt minn tmiem l-2025
Fit-12 ta’ Marzu 2024, il-BĊE ħabbar li ffirma kuntratt ta’ lokazzjoni, li qabel kien ġie approvat mill-Kunsill Governattiv, dwar il-bini Gallileo fi Frankfurt minn fejn il-persunal tal-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE se jibda jaħdem minn tmiem l-2025. Ħabbar ukoll li l-kuntratt ta’ lokazzjoni tal-Japan Center ġie estiż sa tmiem l-2028. L-istqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fis-sit web tal-BĊE.
Rapport Annwali tal-BĊE 2023
Fil-5 ta’ April 2024, il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE 2023, li se jiġi ppreżentat lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew u li se jkun magħmul disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE bi 23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-18 ta’ April 2024.
Il-politika monetarja
Konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet ta’ finanzjament monetarju u aċċess privileġġat
Fis-7 ta’ Marzu 2024, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), li jassenja lill-BĊE l-kompitu tas-sorveljanza tal-konformità tal-banek ċentrali tal-UE mal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 123 u 124 tat-TFEU u r-Regolamenti relatati, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport ta’ monitoraġġ li jkopri s-sena 2023. Tagħrif ieħor dwar dan se jkun disponibbli f’taqsima speċifika tar-Rapport Annwali tal-BĊE 2023 li se jiġi ppubblikat fis-sit web tal-BĊE fit-18 ta’ April 2024.]
Operazzjonijiet tas-suq
Rieżami tal-qafas operazzjonali għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja
Fit-13 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-riżultat tar-rieżami, imniedi f’Diċembru 2022 tal-qafas operazzjonali għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja u approva bidliet għall-qafas biex jiżgura li l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal- politika monetarja tiegħu jibqgħu effettivi, robusti, flessibbli u effiċjenti hekk kif il-karta tal-bilanċi tal-Eurosistema tinnormalizza. Dawn il-bidliet huma spejagti f’dikjarazzjoni ddedikata li ġiet ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata.
Reviżjoni annwali tal-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettabbli u l-lista ta’ aġenziji rikonoxxuti fil-qafas kollaterali tal-Eurosistema
Fl-14 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, wara r-reviżjoni annwali ta’ dawn il-listi, li ma jagħmilx bidliet fil-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettati mill-BĊE u fil-lista ta’ emittenti rikonoxxuti mill-BĊE bħala aġenziji eliġibbli għall-parteċipazzjoni fil-qafas kollaterali tal-Eurosistema. Barra minn hekk, il- Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jassenja lil Investitionsbank Berlin għal kategorija ta’ haircut aktar favoreovliwara l-konformità tiegħu mal-kriterji kwantitattivi relevanti. Il-listi attwali huma disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.
Politika makroprudenzjali u stabbiltà finanzjarja
Risposta tal-BĊE għar-Rakkomandazzjoni BERS/2022/9 dwar il-vulnerabbiltajiet fis-settur tal-proprjetà immobbli kummerċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea
Fil-15 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv approva r-rispons tal-BĊE għall-follow-up għar-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) BERS/2022/9 dwar il-vulnerabbiltajiet fis-settur tal-proprjetà immobbli kummerċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Ir-rispons jikkonferma li l-BĊE huwa konformi għal kollox mar-Rakkomandazzjoni A dwar “It-titjib tal-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi li jirriżultaw mis-suq tal-CRE”.
Infrastruttura tas-suq u ħlasijiet
Teknoloġiji ġodda għas-servizzi tas-saldu tal-flus tal-banek ċentrali bl-ingrossa
Fl-1 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija ta’ xogħol esploratorju fuq teknoloġiji ġodda għas-suq monetarju tal-bank ċentrali bl-ingrossa, li għandu jseħħ minn Mejju sa Novembru 2024, l-oqfsa operazzjonali u legali relatati u l-lista ta’ parteċipanti tas-suq u l-operaturi tat-teknoloġija tal-ledger distribwit tas-suq (DLT) li se jipparteċipaw fl-ewwel mewġa ta’ provi u esperimenti li se tibda f’Mejju 2024. Stqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fis-sit web tal-BĊE. Dawn id-deċiżjonijiet isegwu t-tħabbira fl-2023 li l-Eurosistema se tkun qed tħares lejn kif it-tranżazzjonijiet finanzjarji bl-ingrossa rreġistrati fuq il-pjattaforom DLT jistgħu jiġu saldati fi flus tal-bank ċentrali, bħala parti mill-isforzi usa’ tagħha li tiżgura li l-iżviluppi fil-flus tal-bank ċentrali jibqgħu jżommu l-pass ma’ u jikkontribwixxu għall-innovazzjoni diġitali f’pagamenti bl-ingrossa u bl-imnut, u li l-flus tal-bank ċentrali jibqgħu ankra monetarja li tappoġġa l-istabbilità, l-integrazzjoni u l-effiċjenza tas-sistema finanzjarja Ewropea u tas-sistema tal-pagamenti.
Ftehimiet ta’ Parteċipazzjoni fil-Munita ma’ Danmarks Nationalbank u ma’ Sveriges Riksbank
Fil-5 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv approva żewġ ftehimiet dwar l-użu tas-sistema T2 u dwar is-servizz tas-Saldu ta’ Ħlasijiet Istantanji tat-TARGET (TIPS) minn Danmarks Nationalbank, kif ukoll bħala ftehim rivedut dwar l-użu ta’ TIPS minn Sveriges Riksbank. L-ewwel żewġ ftehimiet jifformalizzaw l-inkorporazzjoni ta’ Danmarks Nationalbank għal T2 u TIPS bil-migrazzjoni tal-krone Daniża għal dawn iż-żewġ Servizzi ta’ Target imbassra li jseħħu matul l-2025. Stqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fis-sit web tal-BĊE. Ir-reviżjonijiet għall-ftehim bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema u Sveriges Riksbank jiżguraw allinjament u konsistenza mat-test tal-ftehim aktar reċenti ma’ Danmarks Nationalbank.
Strateġija ta’ sorveljanza aġġornata dwar ir-reżiljenza ċibernetika għall-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji
Fit-28 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv approva aġġornament tal-istrateġija dwar ir-reżiljenza ċibernetika tal-Eurosistema, imħejjija mill-Kumitat għall-Infrastruttura u l-Ħlasijiet tas-Suq. Ir-reviżjonijiet jirriflettu x-xenarju ta’ theddid ċibernetiku li qed jevolvi, il-lezzjonijiet meħuda mill-applikazzjoni tal-istrateġija oriġinali mill-adozzjoni tagħha fl-2017, u l-iżviluppi fil-qasam tal-gwida internazzjonali. L-għan tal-istrateġija huwa li tipprovdi approċċ konsistenti u olistiku għall-indirizzar tar-riskji ċibernetiċi ffaċjati mill-infrastrutturi tas- swieq finanzjarji. Il-verżjoni aġġornata se tkun disponibbli dalwaqt fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.
Tnedija b’suċċess tas-servizz tal-ħruġ tal-UE
Fil-5 ta’ April 2025, il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ aġġornament dwar l-istatus tas-servizz tal-ħruġ tal-UE (EIS), fejn ikkonferma t-tnedija b’suċċess tiegħu f’Jannar 2024 u l-konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Memorandum ta’ Ftehim iffirmat min-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, mill-BĊE (f’isem l-Eurosistema) u l-Kummissjoni Ewropea f’Lulju 2022. L-EIS hija arranġament stabbilit minn dawn l-istituzzjonijiet biex jiffaċilita l-ħruġ u s-saldu ta’ titoli ta’ dejn mill-Kummissjoni Ewropea li għaliha, il-BĊE jaġixxi bħala aġent fiskali u li jħallas. Iżjed tagħrif dwar l-EIS huwa disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE:
Parir dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar il-kont uniku tat-teżor amministrat mill-Magyar Nemzeti Bank u l-kompetenzi tal-Bord Superviżorju tal-Magyar Nemzeti Bank
Fis-26 ta’ Frar 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/5 fuq talba mill-Ministru tal-Finanzi Ungeriż.
Opinjoni tal-BĊE dwar il-kompetenzi tal-Hrvatska narodna banka relatati mas-sħubija tal-Kroazja mal-Fond Monetarju Internazzjonali
Fis-26 ta’ Frar 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/6 fuq talba mill-Ministru tal-Finanzi Kroat.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-arrotondament ta’ ħlasijiet fi flus kontanti
Fl-4 ta’ Marzu 2024 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/7 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Estonja.
Opinjoni tal-BĊE dwar il-ħtieġa li istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprovdu infrastruttura minima ta’ flus kontanti
Fis-7 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/8 fuq talba mill-Ministru tal-Finanzi Olandiż.
Opinjoni tal-BĊE dwar iż-żieda tal-kwota tal-Awstrija fil-Fond Monetarju Internazzjonali
Fid-19 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/9 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.
Opinjoni tal-BĊE dwar appoġġ għal min jissellef u waqfien ta’ pagamenti ta’ ipoteki
Fit-8 ta’ April 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/10 fuq talba tal-Marshal tal-Parlament Pollakk.
Governanza korporattiva
Pubblikazzjoni ta’ atti legali mhux pubbliċi revokati dwar l-allokazzjoni ta’ riskji fir-rigward ta’ telf
Fis-27 ta’ Frar 2024, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, bħala follow-up għal talba għal aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-BĊE, li bosta deċiżjonijiet tal-BĊE mhux pubbliċi revokati li jappartjenu għall-allokazzjoni tar-riskji fir-rigward ta’ telfiet li jirriżultaw minn operazzjonijiet tal-politika monetarja (BĊE/1998/NP29, ECB/2003/NP13, BĊE/2008/NP23 u BĊE/2010/NP01) jistgħu jiġu deklassifikati minħabba li ħafna mid-dispożizzjonijiet li hemm fihom ma kinux għadhom parti mill-politika monetarja u mill-qafas operazzjonali tal-BĊE u li l-għeluq tagħhom ma jpoġġix f’riskju l-funzjonament mingħajr intoppi u l-effettività tal-politika monetarja tal-BĊE. L-atti legali kkonċernati se jkunu magħmulin disponibbli pubblikament permezz tar-Registru Pubbliku ta’ Dokumenti tal-BĊE.
Reviżjoni triennali tal-mandat tal-Kumitat tal-Verifika
Fl-20 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv approva mandat rivedut tal-Kumitat tal-Verifika, wara r-raba’ reviżjoni mwettqa mill-Kumitat tal-Verifika minn meta ġie stabbilit fl-2007. Referenza espliċita għar-riskji relatata mat-tibdil fil-klima ġiet inkluża fil-mandat rivedut, u hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.
Statistika
Memorandum ta’ Ftehim dwar il-Kumitat Konġunt tar-Rapportar Bankarju u dwar il-qafas ta’ governanza komuni tal-Mudell tal-Punt ta’ Data.
Fl-14 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv approva Memorandum ta’ Ftehim dwar l-istabbiliment tal-Kumitat Konġunt tar-Rapportar Bankarju bejn il-BĊE u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u Memorandum ta’ Ftehim dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ governanza komuni tal-Mudell ta’ Punt ta’ Data bejn l-EBA, il-BĊE u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA). L-Artikolu 430c tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali li hemm referenza għalih fl-istabbiliment ta’ tali kumitat konġunt, inkluż bħala minimu, l-EBA u Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ rapportar integrata għal data statistika, prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni li għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet ta’ rapportar u li żżid l-effiċjenzi fil-proċess ta’ rapportar. Iż-żewġ Memoranda ta’ Ftehim huma disponibbli fuq il-websajt is-sit elettroniku tal-BĊE, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata.
Aktar riżultati tal-valutazzjoni tal-kost-benefiċċji kumplimentari tal-Qafas tar-Rappurtar Integrat (IReF)
Fit-28 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ żewġ rapporti ulterjuri li jippreżentaw riżultati addizzjonali tal-valutazzjoni tal-kost-benefiċċji tal-proġett tal-IReF dwar “valur analitiku addizzjonali u aspetti operazzjonali” u dwar “allinjament aktar mill-qrib ma’ FINREP solo”, rispettivament. Iż-żewġ rapporti, flimkien ma’ verżjoni aġġornata bix-xieraq tan-nota ta’ ħarsa ġenerali dwar l-IReF tal-Eurosistema, huma disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE.
Superviżjoni Bankarja tal-BĊE
Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2023
Fil-5 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2023, imħejji skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (ir-“Regolament MSU”), u awtorizza l-pubblikazzjoni u t-trażmissjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Eurogrupp, u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti. Ir-rapport ġie ppubblikat fis-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE fil-21 ta’ Marzu 2024 u ġie ppreżentat lill-Parlament Ewropew mill-President tal-Bord Superviżorju f’dak l-istess jum.
Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-ammont totali ta’ tariffi superviżorji annwali imposti mill-BĊE għall-2023
Fit-8 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2024/8 dwar l-ammont totali ta’ tariffi superviżorji annwali għall-2023.
Memorandum ta’ Ftehim bejn il-BĊE u l-Comisión Nacional del Mercado de Valores
Fid-19 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li japprova Memorandum ta’ Ftehim bejn il-BĊE u l-Comisión Nacional del Mercado de Valores, il-Kummissjoni tas-Swieq tat-Titoli Nazzjonali Spanjola. Skont il-prattika standard, il-Memorandum ta’ Ftehim, ladarba ġie ffirmat mill-partijiet kollha, huwa ppubblikat fuq is-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Għażla tar-rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord ta’ Sorveljanza
Fis-26 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv approva l-avviż ta’ post vakanti għall-għażla tar-rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju maħluqa hekk kif se jispiċċa t-terminu ta’ tliet membri attwali tiegħu qabel l-aħħar tal-2024. L-avviż ta’ post vakanti huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Gwida tal-BĊE dwar aggregazzjoni ta’ data dwar ir-riskji u rapportar tar-riskji effettivi
Fit-2 ta’ April 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika l-verżjonijiet finali tal-Gwida tal-BĊE dwar aggregazzjoni ta’ data dwar ir-riskji effettivi u r-rapportar tar-riskji u d-dikjarazzjoni dwar il-feedback wara l-konklużjoni tal-konsultazzjoni pubblika relatata. Iż-żewġ dokumenti sejrin jiġu ppubblikati meta jkun il-waqt fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja