X’inhu self improduttiv (non-performing loans)?

12 ta' Settembru 2016

Self minn bank jitqies li jkun “improduttiv” meta min jissellef jaqbeż id-90 jum mingħajr ma jħallas il-pagamenti miftiehma jew l-imgħax. Is-self improduttiv huwa magħruf ukoll bħala “dejn mitluf”.

Għaliex is-self improduttiv hu problema għall-banek?

Is-self produttiv jipprovdi bank bid-dħul mill-imgħax meħtieġ biex jagħmel il-qligħ u joħroġ self ġdid. Meta l-klijenti ma jonorawx l-arranġamenti miftiehma biex iroddu s-self għal 90 jum jew iżjed, il-bank jeħtieġlu jwarrab iżjed kapital minħabba li s-self aktarx ma jkunx se jintradd. Hekk, il-bank tonqoslu l-kapaċità li joħroġ self ġdid.

Biex il-banek jirnexxu fit-tul u jkunu jistgħu jagħmlu l-qligħ minn self ġdid li joħorġu lill-klijenti, iridu jżommu s-self ħażin fl-inqas livell possibbli.

Jekk bank ikollu wisq self ħażin fil-karta tal-bilanċ, il-profitabilità tiegħu tbati minħabba li ma jibqax jaqla’ flus biżżejjed min-negozju tal-kreditu. Barra minn hekk, ikun jeħtieġlu jwarrab xi flus bħala xibka ta’ sigurtà fil-każ li f’xi ħin ikollu jħassar l-ammont sħiħ tas-self.

X’għandu x’jaqsam dan kollu mal-politika monetarja?

L-ekonomija taż-żona tal-euro tistrieħ ferm fuq il-provvista ta’ kreditu mill-banek.

L-għodod tal-politika monetarja jagħmlu użu minn dan il-fatt. Il-BĊE jista’ jgħolli jew ibaxxi r-rati li l-banek ikollhom iħallsu biex jissellfu flus mingħandu. B’hekk il-BĊE jinfluwenza l-kost tal-kreditu fis-settur privat u jiżgura li l-inflazzjoni tibqa’ f’livelli taħt iżda qrib 2% għal żmien medju.

Madankollu, jekk il-banek jitgħabbew wisq b’self improduttiv, ma jkunux jistgħu jipprovdu daqstant kreditu u dan il-mekkaniżmu li jinfluwenza r-rati fis-settur privat isir inqas effikaċi.