Stqarrija introduttorja għall-konferenza stampa

Mario Draghi, President tal-BĊE,
Vítor Constâncio, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 19 ta’ Jannar 2017

Sinjuri, nibda billi nixtiqilkom is-Sena t-Tajba. Hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Se nagħtukom rapport fuq il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv.

Wara l-analiżi regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, ħadna d-deċiżjoni li nżommu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE kif inhuma. Qegħdin inkomplu nistennew li jibqgħu fil-livelli attwali jew inqas għal perjodu estiż ta’ żmien, u sew wara li jintemm il-perjodu tal-akkwist nett ta’ assi min-naħa tagħna. Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, nikkonfermaw li se nkomplu nagħmlu akkwisti fil-programm tax-xiri ta’ assi (APP) bir-ritmu attwali ta’ €80 biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ Marzu 2017 u li, minn April 2017, l-akkwist nett ta’ assi huwa maħsub li jkompli jsir bir-ritmu ta’ €60 biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ Diċembru 2017 jew wara, jekk ikun meħtieġ, u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu għall-inflazzjoni. L-akkwisti netti se jsiru flimkien mal-investiment mill-ġdid tal-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija fil-programm APP.

Il-Kunsill Governattiv illum ħa wkoll deċiżjoni fuq dettalji oħra ta’ kif l-Eurosistema se tixtri assi b’renditi inqas mir-rata tal-imgħax tal-faċilità tad-depożitu fil-programm ta’ akkwist mis-settur pubbliku. Dawn id-deċiżjonijiet se jiġu pubblikati fi stqarrija għall-istampa separata fit-15:30 CET.

Id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja li ttieħdu f’Diċembru 2016 irnexxielhom iżommu l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tassew favorevoli li jinħtieġu biex jiġi żgurat li r-rati tal-inflazzjoni jikkonverġu b’mod sostnut għal livelli taħt iżda qrib 2% għal żmien medju. Il-kundizzjonijiet tas-self għall-kumpaniji u l-individwi qegħdin ikomplu jgawdu mit-trażmissjoni tal-miżuri tagħna. Kif kien mistenni, l-inflazzjoni nominali żdiedet dan l-aħħar, l-iżjed minħabba l-effetti ta’ bażi fil-prezzijiet tal-enerġija, iżda l-pressjonijiet ta’ bażi tal-inflazzjoni għadhom imrażżnin. Il-Kunsill Governattiv se jkompli jifli t-tibdil fl-inflazzjoni HICP jekk jara li jkun temporanju u ma jkollu ebda implikazzjoni fuq il-prospettiva għal żmien medju tal-istabbiltà tal-prezzijiet.

Jinħtieġ livell tassew sostanzjali ta’ rikonċiljazzjoni monetarja biex il-pressjonijiet tal-inflazzjoni fiż-żona tal-euro jikbru u jsostnu l-inflazzjoni nominali fi żmien medju. Jekk ikun ġustifikat biex jilħaq l-għanijiet tiegħu, il-Kunsill Governattiv se jaġixxi billi juża l-istrumenti kollha disponibbli fi ħdan il-mandat tiegħu. B’mod partikolari, jekk il-prospettiva ssir inqas favorevoli jew jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji ma jibqgħux konsistenti mal-progress lejn aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni, ninsabu lesti nkabbru l-programm tal-akkwist ta’ assi kemm bħala daqs kif ukoll bħala tul ta’ żmien.

Issa se nispjega l-evalwazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Fuq bażi trimestrali, il-PDG reali taż-żona tal-euro żdied b’0.3% fit-tielet trimestru tal-2016, wara li rreġistra l-istess ritmu ta’ tkabbir fit-tieni trimestru. It-tagħrif li dieħel, b’mod partikolari r-riżultati tal-istħarriġ, jindika tkabbir kemxejn aqwa fl-aħħar trimestru tal-2016. Għall-ġejjieni, nistennew li l-espansjoni ekonomika se tkompli tissoda. It-trażmissjoni tal-miżuri li ħadna fil-politika monetarja qiegħda ssostni d-domanda domestika u tħaffef il-proċess kontinwu ta’ deleveraging. Il-kundizzjonijiet tassew favorevoli tal-finanzjament u t-titjib fil-profitabilità korporattiva qegħdin ikomplu jħeġġu l-irkupru fl-investiment. Barra dan, iż-żieda sostnuta fl-impjiegi, li qegħdin jibbenefikaw ukoll mir-riformi strutturali tal-imgħoddi, qiegħda tgħin il-konsum privat bis-saħħa ta’ żidiet fid-dħul disponibbli reali tal-individwi. Fl-istess waqt, hemm indikazzjonijiet li l-irkupru globali qiegħed jissaħħaħ kemxejn. Madankollu, it-tkabbir ekonomiku fiż-żona tal-euro huwa mistenni jitrażżan mir-ritmu kajman tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u l-aġġustamenti tal-karti tal-bilanċ li għadhom qegħdin isiru f’għadd ta’ setturi. Ir-riskji għall-prospettiva tat-tkabbir fiż-żona tal-euro jibqgħu jxaqilbu lejn tnaqqis u fil-biċċa l-kbira huma kawża ta’ fatturi globali.

Skont l-Eurostat, l-inflazzjoni HICP annwali fiż-żona tal-euro żdiedet sew minn 0.6% f’Novembru 2016 għal 1.1% f’Diċembru. Dan kien dovut l-iżjed għal żieda qawwija fl-inflazzjoni annwali tal-enerġija, filwaqt li s’issa għad m’hemm ebda sinjal ta’ xi xejra konvinċenti ta’ żieda fl-inflazzjoni ta’ bażi. Għall-ġejjieni, skont il-prezzijiet attwali tal-kuntratti ta’ xiri ta’ żejt fil-ġejjieni, l-inflazzjoni nominali aktarx tkompli tiżdied fiż-żmien li ġej, l-aktar minħabba ċaqliq fir-rata annwali ta’ bidla tal-prezzijiet tal-enerġija. Madankollu, l-inflazzjoni ta’ bażi hija mistennija tiżdied iżjed bil-mod fi żmien medju, bl-għajnuna tal-miżuri tagħna tal-politika monetarja, l-irkupru ekonomiku mistenni u l-assorbiment gradwali korrispondenti tan-nuqqas ta’ attività ekonomika.

Għal dik li hija l-analiżi monetarja, l-aggregat monetarju wiesa’ (M3) baqa’ jespandi b’ritmu qawwi u r-rata annwali tat-tkabbir tiegħu żdiedet għal 4.8% f’Novembru 2016, minn 4.4% f’Ottubru. Bħal fix-xhur ta’ qabel, it-tkabbir annwali fl-M3 kien megħjun fil-parti l-kbira mill-komponenti l-iżjed likwidi tiegħu, bl-aggregat monetarju ristrett (M1) jespandi b’rata annwali ta’ 8.7% f’Novembru, żieda minn 8.0% f’Ottubru.

L-iżviluppi fis-self imxew max-xejra tal-irkupru gradwali osservata sa mill-bidu tal-2014. Ir-rata annwali ta’ tkabbir tas-self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji kienet 2.2% f’Novembru 2016, wara 2.1% fix-xahar ta’ qabel. Ir-rata annwali ta’ tkabbir tas-self lill-individwi kienet 1.9% f’Novembru, wara 1.8% f’Ottubru. Għalkemm l-iżviluppi fil-kreditu tal-banek ikomplu jirriflettu r-relazzjoni staġnata maċ-ċiklu tan-negozju, ir-riskju tal-kreditu u l-aġġustament kontinwu tal-karti tal-bilanċ tas-settur finanzjarju u s-settur mhux finanzjarju, il-miżuri tal-politika monetarja stabbiliti minn Ġunju 2014 qegħdin jgħinu b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tas-self għall-kumpaniji u l-individwi u għalhekk il-flussi tal-kreditu fiż-żona tal-euro. L-istħarriġ fuq is-self bankarju fiż-żona tal-euro għar-raba’ trimestru tal-2016 jindika li l-istandards tal-kreditu għas-self lill-impriżi qegħdin jistabilizzaw ruħhom b’mod ġenerali, filwaqt li d-domanda għas-self kompliet tespandi b’ritmu qawwi fil-kategoriji kollha tas-self.

Fil-qosor, kontroverifika tar-riżultati tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet ġejjin mill-analiżi monetarja kkonfermat il-ħtieġa li jinżamm livell sostanzjali xieraq ta’ rikonċiljazzjoni monetarja biex jiġi żgurat li r-rati tal-inflazzjoni jerġgħu lura b’mod sostnut għal livelli li jkunu taħt iżda qrib 2% bla dewmien żejjed.

Il-politika monetarja tinsab iffukata biex iżżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju u x-xejra rikonċiljatorja tagħha ssostni l-attività ekonomika. Oqsma ta’ politika oħra għandhom jagħtu sehemhom b’mod iżjed deċiżiv, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew, biex jinħasdu l-benefiċċji kollha tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna. L-implimentazzjoni tar-riformi strutturali jeħtiġilha titħaffef b’mod sostanzjali biex tikber ir-reżistenza, jonqos il-qgħad strutturali u tingħata spinta lill-investiment, il-produttività u t-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni fiż-żona tal-euro. Ir-riformi strutturali huma neċessarji fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro. B’mod partikolari, ir-riformi huma meħtieġa biex jitjieb l-ambjent tan-negozju, inkluż il-provediment ta’ infrastruttura pubblika xierqa. Barra minn hekk, it-titjib fl-inizjattivi attwali tal-investiment, il-progress fuq l-unjoni tas-swieq tal-kapital u r-riformi li għandhom itejbu r-riżoluzzjoni tas-self improduttiv huma prijorità. Il-politika fiskali għandha ssostni wkoll l-irkupru ekonomiku filwaqt li tibqa’ konformi mar-regoli fiskali tal-Unjoni Ewropea. L-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir maż-żmien u fil-pajjiżi kollha tibqa’ kruċjali biex tiżgura fiduċja fil-qafas fiskali. Fl-istess waqt, huwa essenzjali li l-pajjiżi kollha jkabbru l-isforzi tagħhom biex ikollhom politika fiskali li tgħin it-tkabbir.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

Kuntatti midja