Menu

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jniedi verifika tal-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu

23 ta’ Jannar 2020

  • Il-verifika se tinkludi formulazzjoni kwantitattiva tal-istabbiltà tal-prezzijiet, sett ta’ strumenti tal-politika monetarja, analiżi ekonomika u monetarja u prattika tal-komunikazzjoni
  • Kunsiderazzjonijiet oħra, bħall-istabbiltà finanzjarja, l-impjieg u s-sostenibbiltà ambjentali, se jkunu wkoll parti mill-verifika
  • Mistenni li tiġi finalizzata sal-aħħar tal-2020
  • Il-verifika se ssir abbażi ta’ analiżi bir-reqqa u bla preġudizzji, u se tinvolvi l-partijiet interessati kollha

Illum il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) nieda verifika tal-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu. L-istrateġija tal-politika monetarja ġiet adottata fl-1998 u wħud mill-elementi tagħha ġew iċċarati fl-2003.

Mill-2003 ’l hawn, l-ekonomija taż-żona tal-euro u dik dinjija għaddew minn bidliet strutturali kbar. Xejriet ta’ tnaqqis fit-tkabbir minħabba ritmu kajman fil-produttività u żieda tal-proporzjon ta’ anzjani fil-popolazzjoni, kif ukoll l-effetti tal-kriżi finanzjarja baxxew ir-rati tal-imgħax u b’hekk naqqsu l-kapaċità tal-BĊE u ta’ banek ċentrali oħra biex jillaxkaw il-politika monetarja permezz ta’ strumenti konvenzjonali fil-preżenza ta’ żviluppi ċikliċi sfavorevoli. Barra minn hekk, li wieħed jindirizza l-inflazzjoni baxxa hi ħaġa differenti mill-isfida storika fejn kien meħtieġ li tiġi indirizzata l-inflazzjoni għolja. It-theddida għas-sostenibbiltà ambjentali, id-diġitalizzazzjoni rapida, il-globalizzazzjoni u l-istrutturi finanzjarji li qed jevolvu komplew jittrasformaw l-ambjent operazzjonali tal-politika monetarja, inkluża d-dinamika tal-inflazzjoni.

Fid-dawl ta’ dawn l-sfidi, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jniedi verifika tal-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu, b’rispett sħiħ għall-mandat tal-BĊE favur l-istabbiltà tal-prezzijiet kif stabbilit fit-Trattat.

“Waqt li l-ekonomiji tagħna għaddejjin minn bidliet kbar, issa għandha ssir verifika tal-istrateġija biex jiġi żgurat li nissodisfaw il-mandat tagħna fl-aħjar interess taċ-ċittadini Ewropej,” qalet Christine Lagarde, President tal-BĊE.

Il-Kunsill Governattiv se janalizza l-mod kif l-istrateġija tal-politika monetarja sostniet it-twettiq mal-mandat tal-BĊE stabbilit fit-Trattat tul is-snin u se jara jekk huwiex meħtieġ li xi wħud mill-elementi tiegħu jiġu aġġustati. Il-formulazzjoni kwantitattiva tal-istabbiltà tal-prezzijiet, flimkien mal-metodi u l-istrumenti li jgħinu l-ksib tal-istabbiltà tal-prezzijiet, se jkunu parti prominenti f’dan l-eżerċizzju. Il-verifika se tqis ukoll kif kunsiderazzjonijiet oħra, bħalma huma l-istabbiltà finanzjarja, l-impjieg u s-sostenibbiltà ambjentali jistgħu ikunu rilevanti fit-twettiq tal-mandat tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv se jivverifika l-effikaċja u l-effetti sekondarji potenzjali tas-sett ta’ strumenti tal-politika monetarja li ġie żviluppat tul dawn l-aħħar għaxar snin. Se jeżamina kif tista’ tiġi aġġornata l-analiżi ekonomika u monetarja li l-BĊE jagħmel biex jivvaluta r-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet, anke fid-dawl ta’ xejriet kontinwi u ġodda. Finalment, se jivverifika l-prattika tiegħu fir-rigward tal-komunikazzjoni.

Il-proċess mistenni jiġi finalizzat sal-aħħar tas-sena. Il-Kunsill Governattiv se jimxi fuq żewġ prinċipji: analiżi bir-reqqa u nuqqas ta’ preġudizzji. Għaldaqstant, l-Eurosistema se tinvolvi l-partijiet interessati kollha.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Eva Taylor, tel.: +49 69 1344 7162.

Find out more

Kuntatti midja