STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

14 ta’ Ġunju 2018

Aġġornament tat-test b’emenda fit-traduzzjoni.

Fil-laqgħa tal-lum, li saret f’Riga, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE għamel analiżi bir-reqqa tal-progress lejn aġġustament sostnut fl-iżvilupp tal-inflazzjoni, waqt li qies ukoll l-aħħar tbassir makroekonomiku tal-esperti tal-Eurosistema, il-miżuri tal-pressjonijiet fuq il-prezzijiet u l-pagi, u l-inċertezzi fil-prospetti tal-inflazzjoni.

Abbażi ta’ din l-analiżi, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjonijiet li ġejjin:

L-ewwel, fir-rigward tal-miżuri straordinarji tal-politika monetarja, il-Kunsill Governattiv se jibqa’ jagħmel akkwisti netti taħt il-programm tax-xiri ta’ assi (APP) bir-ritmu attwali ta’ €30 biljun fix-xagħar sal-aħħar ta’ Settembru 2018. Il-Kunsill Governattiv jipprevedi li, wara Settembru 2018, bil-kundizzjoni li d-dejta li tasal tikkonferma l-previżjoni tal-Kunsill Governattiv dwar l-inflazzjoni fuq żmien medju, ir-ritmu tal-akkwist nett ta’ assi ta’ kull xahar jitnaqqas għal €15-il biljun sal-aħħar ta’ Diċembru 2018 u li l-akkwisti netti mbagħad jieqfu.

It-tieni, il-Kunsill Governattiv bi ħsiebu jżomm il-politika tiegħu ta’ investiment mill-ġdid tal-pagamenti ewlenin li jidħlu mit-titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż ta’ żmien wara li jintemmu l-akkwisti netti ta’ assi, u f’kull każ sakemm dan ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u livell wiesa’ ta’ akkomodament monetarju.

It-tielet, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li r-rata tal-imgħax tal-operzzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tas-self marġinali u l-faċilità tad-depożitu se jibqgħu kif kienu fil-livell ta’ 0.00%, 0.25% u -0.40% rispettivament. Il-Kunsill Governattiv jipprevedi li r-rati ewlenin tal-imgħax se jibqgħu fil-livelli attwali mill-inqas tul is-sajf kollu tal-2019 u f’kull każ sakemm dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat li l-evoluzzjoni tal-inflazzjoni tibqa’ allinjata mal-aspettattivi attwali ta’ aġġustament sostnut.

Id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja li ħadna llum iżommu l-livell wiesa’ ta’ akkomodament monetarju li għandu jiżgura l-konverġenza sostnuta u kontinwa tal-inflazzjoni lejn livelli li jkunu taħt, iżda qrib it-2% fuq perijodu ta’ żmien medju.

Il-President tal-BĊE se jagħti l-fehmiet tiegħu dwar ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konbferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

Kuntatti midja