Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

19 ta' Marzu 2026

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE mhux mibdula. Huwa ddeterminat li jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira ta’ 2% fuq perjodu ta’ żmien medju. Il-gwerra fil-Lvant Nofsani għamlet il-prospettiva aktar inċerta b’mod sinifikanti, li toħloq riskji ta’ żieda tal-inflazzjoni u riskji ta’ tnaqqis tat-tkabbir ekonomiku. Se jkollha wkoll impatt materjali fuq l-inflazzjoni fil-perjodu fil-qrib permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija. L-implikazzjonijiet tagħha fuq medda ta’ żmien medju se jiddependu kemm fuq l-intensità u d-durata tal-kunflitt kif ukoll fuq kif il-prezzijiet tal-enerġija se jaffettwaw il-prezzijiet tal-konsumaturi u l-ekonomija.

Il-Kunsill Governattiv jinsab f’pożizzjoni tajba li jinnaviga din l-inċertezza. L-inflazzjoni kienet tinsab f’madwar il-mira ta’ 2%, l-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq medda ta’ żmien medju huma ankrati sew, u l-ekonomija wriet reżiljenza fit-trimestri reċenti. L-informazzjoni li se nirċievu fil-perjodu li ġej se tgħin lill-Kunsill Governattiv jevalwa kif il-gwerra se taffettwa l-prospettivi tal-inflazzjoni u r-riskji madwarha. Il-Kunsill Governattiv qiegħed jimmonitorja s-sitwazzjoni mill-qrib, u l-approċċ tiegħu li jiddependi mid-data se jgħin jistabbilixxi l-politika monetarja kif xieraq.

Il-projezzjonijiet ġodda tal-persunal tal-BĊE jinkorporaw b’mod eċċezzjonali informazzjoni sal-11 ta’ Marzu, data ta’ għeluq aktar tard mis-soltu. Fil-linja bażi, l-inflazzjoni globali hija prevista li tilħaq medja ta’ 2.6% fl-2026, 2.0% fl-2027 u 2.1% fl-2028. L-inflazzjoni ġiet riveduta ’l fuq meta mqabbla mal-projezzjonijiet ta’ Diċembru, speċjalment għall-2026. Dan għaliex il-prezzijiet tal-enerġija se jkunu ogħla minħabba l-gwerra fil-Lvant Nofsani. Għall-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija u l-ikel, il-persunal ibassar medja ta’ 2.3% fl-2026, 2.2% fl-2027 u 2.1% fl-2028. Dan hu ogħla wkoll mill-perkors fil-projezzjonijiet ta’ Diċembru, l-aktar minħabba l-prezzijiet ogħla tal-enerġija li jikkontribwixxu għall-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija u l-ikel. Il-persunal jistennew li t-tkabbir ekonomiku se jilħaq medja ta’ 0.9% fl-2026, 1.3% fl-2027 u 1.4% fl-2028. Dan jimplika reviżjoni ’l isfel, speċjalment għall-2026, li tirrifletti l-effetti globali tal-gwerra fuq is-swieq tal-komoditajiet, id-dħul reali u l-kunfidenza. Fl-istess ħin, ir-rata baxxa tal-għad, il-karti tal-bilanċ sodi tas-settur privat, u l-infiq pubbliku fuq id-difiża u l-infrastruttura għandhom ikomplu jirfdu t-tkabbir.

B’mod konformi mal-impenn tal-istrateġija tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv biex jinkorpora r-riskji u l-inċertezza fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, il-persunal evalwa wkoll kif il-gwerra fil-Lvant Nofsani tista’ taffettwa t-tkabbir ekonomiku u l-inflazzjoni f’xi xenarji alternattivi illustrattivi. Dawn ix-xenarji se jiġu ppubblikati mal-projezzjonijiet tal-istaff fuq is-sit web tal-BĊE. L-analiżi tax-xenarju tissuġġerixxi li tfixkil prolongat fil-provvista taż-żejt u l-gass iwassal biex l-inflazzjoni tkun ogħla mill-projezzjonijiet tal-linja bażi, u li t-tkabbir ikun aktar baxx. L-implikazzjonijiet għall-inflazzjoni fuq medda ta’ żmien medju jiddependu b’mod kruċjali mid-daqs tal-effetti indiretti u tat-tieni fażi ta’ xokk għall-enerġija aktar b’saħħtu u aktar persistenti.

Il-Kunsill Governattiv se jsegwi approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex jiddetermina l-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tiegħu dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv mhuwiex qed jimpenja ruħu minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Ir-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu, l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u l-faċilità ta’ self marġinali jibqgħu l-istess fil-livelli attwali tagħhom ta’ 2.00%, 2.15% u 2.40% rispettivament.

Il-programm ta' xiri ta' assi (APP) u l-programm ta’ xiri għall-emerġenza (PEPP)

Il-portafolli tal-APP u tal-PEPP qed jonqsu b’ritmu meqjus u prevedibbli, billi l-Eurosistema ma għadhiex tinvesti mill-ġdid il-pagamenti tal-kapital kollha mit-titoli li jimmaturaw.

***

Il-Kunsill Governattiv huwa lest sabiex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu sabiex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħha ta’ 2 % fuq perjodu ta’ żmien medju u li jippreserva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Protezzjoni tat-Trasmissjoni huwa disponibbli sabiex jiġġieled dinamiċi tas-suq mhux mixtieqa u fixkiela li joħolqu theddida serja għat-trasmissjoni tal-politika monetarja fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro kollha, u b’hekk jippermetti lill-Kunsill Governattiv jagħti riżultati effettivi għall-mandat tiegħu tal-istabbiltà tal-prezzijiet.

Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha dwar ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fit-14:45 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja