STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Eurosistema jniedu Logħbiet edukattivi dwar il-politika monetarja u l-inflazzjoni

8 ta' Diċembru 2010

Illum, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema ppubblikaw żewġ logħbiet edukattivi dwar l-attività tal-banek ċentrali u l-ekonomija. Dawn il-logħbiet, maħsuba għal persuni ta’ 18-25 sena, ifissru l-politika monetarja u l-effetti tal-inflazzjoni fuq is-soċjetà. L-istil tagħhom hu informali u min jilgħabhom jitgħallem fl-istess ħin. Illum il-President Trichet nieda l-logħbiet uffiċjalment waqt kompetizzjoni bejn studenti tal-aħħar sena tal-iskola post-sekondarja.

Fil-logħba ‘€conomia – il-Logħba dwar il-Politika Monetarja’ min jilgħab jieħu deċiżjonijiet dwar ir-rata tal-imgħax kull trimestru, għal perijodu ta’ tmien snin, u jipprova jżomm ir-rata tal-inflazzjoni baxxa, iżda qrib it-2%. Tim ta’ konsulenti u paġna tal-indikaturi jipprovdu għajnuna għal min jilgħab. Jingħataw ukoll kummenti fil-forma ta’ titli tal-gazzetti. L-isfidi jiżdiedu meta wieħed jidħol iżjed fil-qalba tal-logħba, għax min ikun qed jilgħab ikollu jirreaġixxi għal għadd ta’ avvenimenti imprevedibbli (e.g. kriżi taż-żejt) li jolqtu l-inflazzjoni u l-ekonomija. €CONOMIA tispjega, b'mod sempliċi, kif taħdem il-politika monetarja. Il-logħba mhux bilfors tirrifletti l-fehmiet tal-Bank Ċentrali Ewropew jew ta' kwalunkwe bank ċentrali ieħor taż-żona tal-euro.

F’‘Inflation Island’ min jilgħab jitgħallem dwar il-benefiċċji tal-istabbiltà tal-prezzijiet u l-effetti negattivi tad-deflazzjoni, tal-inflazzjoni għolja u tal-iperinflazzjoni fuq l-individwi u s-soċjetà. Dan hu possibbli permezz tal-modalità ‘Esplora', fejn wieħed josserva kif l-‘Island’ u l-azzjonijiet tal-abitanti tagħha jinbidlu, jew permezz tal-modalità ‘Ittestja lilek innifsek’ fejn min jilgħab ikollu jqabbel id-dikjarazzjonijiet li jagħmlu l-individwi mad-diversi xenarji tal-inflazzjoni. It-taqsima taċ-ċinema toffri eżempji storiċi tal-inflazzjoni u tad-deflazzjoni.

Il-logħbiet ġew prodotti fi 22 ilsien uffiċjali tal-UE u huma disponibbli fit-taqsima edukattiva tal-websajt tal-BĊE (http://www.ecb.europa.eu/education) u fil-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema.

Educational games

  • �conomia - The monetary policy game

Kuntatti midja