STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja

8 ta' Ottubru 2008

Tul il-kriżi finanzjarja kurrenti, il-banek ċentrali kienu involuti f’konsultazzjoni kontinwa mill-qrib u kkooperaw f’azzjonijiet konġunti bla preċedenti bħal il-provvediment ta’ likwidità biex inaqqsu t-tensjonijiet fis-swieq finanzjarji.

Pressjonijiet inflazzjonarji bdew jimmoderaw f’numru ta’ pajjiżi, b’hekk parzjalment jirriflettu tnaqqis qawwi fil-prezzijiet ta’ l-enerġija u prodotti oħra. L-aspettattivi dwar l-inflazzjoni qed jonqsu u għadhom ankrati ma’ l-istabbiltà tal-prezzijiet. L-intensifikazzjoni reċenti tal-kriżi finanzjarja żdiedet ir-riskji ta’ tnaqqis fit-tkabbir u għalhekk kompliet tnaqqas ir-riskji ta’ żieda kontra l-istabbiltà tal-prezzijiet.

Għalhekk ċerta faċilitazzjoni tal-kundizzjonijiet monetarji globali hi għalhekk meħtieġa. Għalhekk, il-Bank of Canada, il-Bank of England, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Federal Reserve, is-Sveriges Riksbank u s-Swiss National Bank illum qed iħabbru tnaqqis fil-politika dwar ir-rati ta’ l-imgħax. Il-Bank of Japan jesprimi s-sostenn qawwi tiegħu ta’ dawn l-azzjonijiet tal-politiċi.

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE, permezz tas-sistema tat-telekonferenzi, ħa d-deċiżjonijiet li ġejjin dwar il-politika monetarja:

  • Ir-rata minima ta’ l-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament ta’ l-Eurosistema se tonqos b’50 punt bażi għal 3.75 %, b’effett mill-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament li għandha tiġi regolata fil-15 ta’ Ottubru 2008.
  • Ir-rata ta’ l-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali se tonqos b’50 punt bażi għal 4.75 %, b’effett immedjat.
  • Ir-rata ta’ l-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu se tonqos b’50 punt bażi għal 2.75 %, b’effett immedjat.

Fiż-żona ta’ l-euro, riskji ta’ ċaqliq ’il fuq ta' pressjonijiet inflazzjonarji komplew jonqsu. Jibqa’ importanti ħafna li jiġu evitati effetti indiretti mifruxin fl-iffissar tal-pagi u tal-prezzijiet. Iż-żamma ta’ l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni ankrati fis-sod skond l-għan tagħna u li niżguraw l-istabbiltà tal-prezzijiet fi żmien medju, se ssostni t-tkabbir sostenibbli u l-impjieg u tikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja.

Informazzjoni fuq l-azzjonijiet li ttieħdu mill-banek ċentrali oħra tinsab fis-siti elettroniċi li jidhru hawn taħt:

Il-Bank of Canada: www.bank-banque-canada.ca

Il-Bank of England: www.bankofengland.co.uk

Il-Federal Reserve Board: www.federalreserve.gov

Is-Sveriges Riksbank: www.riksbank.com

Is-Swiss National Bank: www.snb.ch

Bank of Japan: www.boj.or.jp

Kuntatti midja