STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jadotta opinjoni dwar il-ħatra ta’ membru ġdid tal-Bord Eżekuttiv

6 ta’ Marzu 2019

  • Il-Kunsill Governattiv m'għandu ebda oġġezzjoni għall-kandidat propost Philip Lane

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum adotta opinjoni dwar rakkomandazzjoni mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħatra ta’ membru ġdid tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

Il-Kunsill Governattiv ma kellu l-ebda oġġezzjoni għall-kandidat propost, Philip Lane, li huwa persuna ta’ awtorità u ta’ esperjenza professjonali rikonoxxuta f’affarijiet monetarji jew bankarji, kif mitlub mill-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Is-sur Lane bħalissa jservi bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Irlanda u huwa membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE.

Wara l-opinjoni tal-Kunsill Governattiv u opinjoni tal-Parlament Ewropew, il-membru l-ġdid tal-Bord Eżekuttiv se jinħatar mill-Kunsill Ewropew. L-opinjoni tal-Kunsill Governattiv, li se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, se tkun disponibbli fil-websajt tal-BĊE bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

Meta jinħatar, is-sur Lane se jieħu post Peter Praet, li l-mandat ta’ tmien snin tiegħu bħala membru tal- Bord Eżekuttiv jiġi fi tmiem fil-31 ta’ Mejju 2019.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Peter Ehrlich, tel.: +49 69 1344 8320.

Kuntatti midja