European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

IL-BĊE jippreżenta l-karti tal-flus ġodda ta' €100 u €200

17 ta’ Settembru 2018

  • Il-karti tal-flus ġodda ta' €100 u €200 ser jibdew jiċċirkolaw fit-28 ta' Mejju 2019
  • Il-karti tal-flus ser jinkorporaw karatteristiċi tas-sigurtà ġodda u innovattivi: ologramma satellitari u numru żmerald imtejjeb
  • Il-karti tal-flus ta' €100 u €200 jikkompletaw is-sensiela Europa

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ippreżenta l-karti tal-flus il-ġodda ta' €100 u €200, li ser jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni fit-28 ta' Mejju 2019. Wara l-karti tal-flus ta' €5, €10, €20 u €50, il-karti tal-flus ta' €100 u €200 huma l-aħħar żewġ denominazzjonijiet tas-sensiela Europa, u għalhekk jimmarkaw it-tlestija tagħha.

Il-karti tal-flus il-ġodda ta' €100 u €200 jużaw karatteristiċi tas-sigurtà ġodda u innovattivi. Bħad-denominazzjonijiet l-oħra, il-karti tal-flus il-ġodda jistgħu jiġu ċċekjati faċilment bl-użu tal-metodu “ħoss, ħares u mejjel”.

Fuq in-naħa ta' fuq tal-istrixxa lewn il-fidda l-ologramma satellitari turi simboli € żgħar li jiċċaqilqu madwar in-numru u jsiru iktar ċari taħt id-dawl dirett. L-istrixxa lewn il-fidda turi wkoll ix-xbieha taʼ wiċċ Europa, il-motiv arkitettoniku u s-simbolu € kbir. Il-karti tal-flus il-ġodda ta' €100 u €200 fihom ukoll simboli € ġewwa n-numru. Filwaqt li n-numru żmerald innifsu huwa preżenti fuq il-karti tal-flus l-oħra kollha tas-sensiela Europa, din il-verżjoni mtejba turi wkoll simboli € ġewwa ċ-ċifri.

Il-karti tal-flus il-ġodda ta' €100 u €200 huma ta' daqs differenti mill-karti tal-flus il-qodma ta' €100 u €200. Iż-żewġ denominazzjonijiet issa huma tal-istess għoli bħall-karta tal-flus ta' €50. Madankollu, it-tul tagħhom baqa' l-istess – iktar ma tkun twil l-karta, ikbar ikun il-valur tagħha. Billi l-karti tal-flus ta' €50, €100 u €200 issa huma tal-istess għoli, jistgħu jintużaw u jiġu pproċessati mill-magni iktar faċilment. Huma joqogħdu aħjar ukoll fil-portafolli tan-nies u jservu iktar, billi jkunu inqas suġġetti għat-tħassir.

Flimkien mal-karatteristiċi tas-sigurtà li tista' tarahom b'għajnejk, il-karti tal-flus tal-euro fihom ukoll karatteristika ta' sigurtà li jinqraw mill-magni. Fuq il-karti tal-flus ta' €100 u €200 dawn il-karatteristiċi ġew imtejba, u żdiedu dawk ġodda sabiex il-karti tal-flus jiġu pproċessati u awtentikati malajr. Kif enfasizza l-Membru tal-Bord Eżekuttiv, Yves Mersch fid-diskors tiegħu meta ppreżenta l-karti tal-flus il-ġodda, bil-bidla għal €100 u €200 il-ġodda s-sett kollu ta' karti tal-flus tal-euro ser jkompli joffri protezzjoni qawwija kontra l-iffalsifikar. Dan jagħmel il-karti tal-flus tal-euro iktar siguri, imma iktar faċli wkoll li jiġu ċċekjati u pproċessati.

L-Eurosistema – il-BĊE u 19-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal- euro – qed tappoġġa l-manifatturi u s-sidien ta' magni li jipproċessaw il-karti tal-flus u apparat ta' awtentikazzjoni fil-preparazzjoni tal-karti tal-flus il-ġodda. Dan jinkludi l-faċilitazzjoni ta' apparat li jittestja u tiġi ppubblikata lista ta' magni li jipproċessaw il-karti tal-flus li urew b'suċċess li jistgħu jipproċessaw il-karti tal-flus il-ġodda tas-sensiela Europa.

Għall-mistoqsijiet mill-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Esther Tejedor, tel.: +49 69 1344 95596

Noti

Lista ta’ magni tal-ipproċessar ta’ karti tal-flus ivvalidati
KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja