STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-karta l-ġdida tal-€10 tibda tiċċirkola minn għada

22 ta' Settembru 2014

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel l-10 a.m. CET tat-Tnejn 22 ta’ Settembru 2014
  • Il-karta tal-flus hija iżjed reżistenti għall-falsifikazzjoni u faċli biex tiċċekkjaha
  • L-Eurosistema għenet lill-manifatturi u s-sidien tal-apparat u l-magni li jipproċessaw il-karti tal-flus sabiex jitħejjew għall-karta tal-flus il-ġdida
  • Sar filmat għall-internet “Skopri l-karta l-ġdida ta’ €10” bi 23 lingwa li jgħinek issir taf aktar dwar il-karta l-ġdida malajr u faċilment

Il-karta l-ġdida tal-€10 tas-sensiela Europa se tibda tiċċirkola mit-23 ta’ Settembru 2014. “Huwa essenzjali li kull min juża l-karti tal-euro jkompli jagħmel dan b’fiduċja sħiħa. Għalhekk qegħdin nintroduċu s-sensiela Europa,” qal Yves Mersch, il-Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE responsabbli għall-karti tal-flus.

Bħall-karta l-ġdida ta’ €5, l-€10 ġdida għandha bosta karatteristiċi ta’ sigurtà ġodda kif ukoll dehra differenti. L-ologramma u l- watermark fihom xbieha ta’ wiċċ Europa, figura tal-mitoloġija Griega. Għandha wkoll “numru aħdar żmerald”. Meta tmejjilha, dan in-numru jleqq juri effett tad-dawl miexi ’l fuq u ’l isfel, u wkoll jibdel il-kulur minn aħdar żmerald għal blu skur. Permezz ta’ dawn il-karatteristiċi u oħrajn, il-karta l-ġdida tal-€10 hija faċli biex tiċċekkjaha bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”.

Sabiex tiffaċilita l-introduzzjoni tal-karta l-ġdida tal-flus u biex tiżgura li din tintgħaraf kemm jista’ jkun minn kulħadd, l-Eurosistema ħadet bosta miżuri biex tkompli tgħin lill-manifatturi u s-sidien tal-apparat u l-magni li jipproċessaw u jivverifikaw il-karti tal-flus. Inizjattiva minnhom kienet li l-karti l-ġodda tal-€10 ikunu disponibbli biex jiġu ttestjati kważi disa’ xhur qabel il-preżentazzjoni uffiċjali, ħalli jkun hemm żmien biżżejjed biex it-tagħmir jiġi adattat. Inizjattiva oħra kienet li jitħaffu l-proċeduri biex wieħed seta’ jirċievi l-karti l-ġodda tal-€10 għall-adattament tal-apparat. Barra dan, l-Eurosistema organizzat seminar fi Brussell dwar il-karti tal-flus bħala parti mill-Programm ta’ Sħubija tagħha filwaqt li l-banek ċentrali nazzjonali kienu f’kuntatt dirett mal-partijiet konċernati rilevanti f’pajjiżhom.

Il-Bank Ċentrali Ewropew irċieva konferma mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro li huma għamlu dak kollu li kien raġonevolment mistenni fil-kapaċità tagħhom biex jiffaċilitaw l-adattament tal-apparat u l-magni li jipproċessaw u jivverifikaw il-karti tal-flus f’pajjiżhom fir-rigward tal-karta tal-flus il-ġdida.

“Sabiex id-dħul tal-€10 ġdida jimxi ħarir, inħeġġeġ lis-sidien kollha tat-tagħmir li jipproċessa l-karti tal-flus biex ikunu ċerti li dan ikun kapaċi jagħraf u jaċċetta l-karti tal-flus ġodda,” qal is-Sur Mersch.

II-karti tal-€10 tal-ewwel sensiela se jkomplu joħorġu sakemm jintemmu l-ħażniet li fadal. Se jibqgħu jiċċirkolaw flimkien mal-€10 tas-sensiela Europa qabel ma jibdew jitneħħew bil-mod iktar ’il quddiem u eventwalment ma jibqgħux valuta legali aktar. Din il-bidla fl-istatus tagħhom se titħabbar bil-quddiem sew.

Filmat bl-isem “Skopri l-karta l-ġdida ta’ €10”, li jinsab fil-websajt www.karti-godda-tal-euro.eu bi 23 lingwa tal-Unjoni Ewropea, jagħti iżjed tagħrif dwar il-karta l-ġdida u kif għandek tiċċekkjaha. Dan huwa wieħed mill-filmati li għandhom x’jaqsmu mal-flus kontanti u jinsabu fil-websajt, li toffri wkoll mezzi oħra biex issir taf aktar dwar il-karti tal-flus, bħall-“Euro Cash Academy” (l-Akkademja tal-Euro).

Għal iżjed tagħrif tista’ ċċempel lil Elodie Nowodazkij (+49 69 1344 7390) jew lil William Lelieveldt (+49 69 1344 7316).

Kuntatti midja