Kif tibbenefika mill-euro?

14 ta' Novembru 2018 (aġġornat fis-16 ta' Jannar 2019)

Int wieħed minn 340 miljun ruħ li kollha jużaw munita unika. L-euro huwa parti importanti mill-ħajja ta’ kuljum tiegħek; huwa fil-kartiera tiegħek u fil-kont bankarju tiegħek. Imma huwa ferm iktar minn mod konvenjenti ta’ ħlas. Jgħinek tissodisfa bżonnijiet u aspirazzjonijiet importanti. Huwa munita sigura u stabbli li tippermettilek tfaddal u tinvesti b'kunfidenza. Jagħmilha eħfef għalina biex ngħixu, naħdmu u nistudjaw f’pajjiż ieħor taż-żona tal-euro. L-euro jqarribna flimkien

Issa l-euro ilu 20 sena u f’dak iż-żmien wera li hu munita stabbli u fdata. Flimkien mal-banek ċentrali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, aħna fil-BĊE nieħdu ħsieb l-euro sabiex tista’ tkun kunfidenti li l-flus tiegħek huma siġuri u sabiex tkun tista' tibbenefika mill-euro f'ħafna modi, illum u għada.

Stabbiltà u prosperità

Bħal biċċa l-kbira tan-nies probabilment trid tibbenefika ekonomikament – trid ikollok post tax-xogħol tajjeb li jgħinek u lill-familja tiegħek. Bħala bank ċentrali, aħna nagħtu kontribut għal ekonomija li qed tikber li toħloq impjiegi billi nżommu l-prezzijiet stabbli. Iż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet huwa l-kompitu ewlieni tagħna. Toħloq kundizzjonijiet għall-prosperità u futur ekonomikament stabbli li jista’ jiġi ppjanat. Fil-ħajja ta’ kuljum, prezzijiet stabbli jfissru li tista' tħossok kunfidenti dwar il-valur futur tal-flus tiegħek u li l-kumpaniji jistgħu jinvestu u jikbru. Tista’ tkun żgur li euro llum huwa euro għada.

B’saħħitna iktar flimkien

Bħala Ewropej, aħna nifformaw komunità kulturalment diversa ta’ nies li għandhom valuri simili. Flimkien irridu nippreservaw il-paċi, id-demokrazija u l-libertà. Aħna rridu wkoll li nkunu aktar ekonomikament għonja u li nkunu aktar b’saħħitna fl-ambitu internazzjonali.
Meta ningħaqdu flimkien biex niffurmaw l-ikbar blokk tan-negozju fid-dinja u nwaqqfu s-suq uniku għall-Ewropa, aħna nkomplu nimxu lejn suċċess fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet. L-euro żied l-integrazzjoni Ewropea billi ppermetta lin-nies li jgħixu fiż-żona tal-euro biex jaħsdu l-benefiċċji tas-suq uniku.

Il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro fil-bwiet tagħna huma simbolu tanġibbli tal-unità Ewropea. L-euro jagħtina sens ta’ appartenenza u jservi bħala tfakkira ta' kuljum li rnexxilna niksbu ħafna.

L-euro jagħmilha iktar faċli

Tista’ tuża l-euro fil-kartiera tiegħek f'19-il pajjiż Ewropew mingħajr ma jkollok issarraf il-flus jew tħallas drittijiet tal-kambju. Jagħmel l-ivvjaġġar lejn dawk il-pajjiżi aktar konvenjenti u inqas għali u jissimplifika aspetti oħra ta’ ħajjitna, bħall-istudju, ix-xogħol jew l-ħajja barra mill-pajjiż. L-euro jippermetti lill-konsumaturi fiż-żona tal-euro jqabblu l-prezzijiet direttament u jħallsu lil hinn mill-fruntieri. Jgħin ukoll biex inaqqas it-tħassib tan-negozji dwar ir-rati tal-kambju.

Kont taf li ...

... matul l-aħħar 20 sena, minn meta ġie introdott l-euro, il-prezzijiet fiż-żona tal-euro kienu stabbli.

Mill-1 ta’ Jannar 1999, l-inflazzjoni kienet medja ta' 1.7%. Dan huwa taħt ir-rata ta’ inflazzjoni medja rreġistrata fil-pajjiżi individwali fis-snin 70, 80 u 90, meta kienu għadhom ma introduċewx l-euro.

...li konna flimkien għamilna iktar sinjuri:

il-prodott gross domestiku (PGD) għal kull persuna li tgħix fl-UE x'aktarx kien ikun daqs kwint inqas illum kieku ma saret l-ebda integrazzjoni mit-Tieni Gwerra Dinjija.

...iż-żona tal-euro hi waħda mill-ikbar ekonomiji u waħda mill-iktar b’saħħitha tad-dinja.

f'termini ta’ PDG per capita, iż-żona tal-euro hija t-tieni fost l-ekonomiji ewlenin tad-dinja.

...l-euro huwa wieħed mill-iktar muniti importanti fid-dinja:

il-proporzjon ta’ pagamenti internazzjonali magħmula f'euro u f'dollari Amerikani huwa bejn wieħed u ieħor ugwali u l-euro huwa t-tieni munita favorita tad-dinja għas-self.

...l-appoġġ popolari għall-euro huwa qawwi u qed jikber:

skont ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Eurobarometer tal-ħarifa 2018, tliet kwarti tal-Ewropej (75%) jappoġġaw l-euro, l-ogħla livell mill-2004.

...bħala nies li ngħixu fl-UE kellna aktar minn 70 sena konsekuttivi ta’ paċi!

Aġġonament: Din l-ispjegazzjoni ġiet aġġornata fis-16 ta' Jannar 2019 biex tirrifletti r-riżultati tal-istħarriġ tal-Eurobarometer tal-ħarifa 2018