Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

L-euro barra l-Ewropa

24 ta’ Jannar 2017 (aġġornata fit-8 ta’ Marzu 2024)

L-euro huwa waħda mill-aktar muniti li jintużaw fid-dinja. Madwar 350 miljun persuna fiż-żona tal-euro jiddependu fuq il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro fil-ħajjiet tagħhom ta’ kuljum.

Imma kont taf li l-euro huwa l-munita lokali f’diversi postijiet barra l-UE u l-Ewropa? 

Skopri fejn!

Il-Gżejjer Kanarji (Spanja)

Il-Gżejjer Kanarji huma arċipelagu fl-Oċean Atlantiku u komunità awtonoma ta’ Spanja. Bħala “reġjun imbiegħed” tal-UE, il-gżejjer huma parti miż-żona tal-euro għalkemm ġeografikament mhumiex parti mill-kontinent Ewropew.

Ceuta u Melilla (Spanja)

Ceuta u Melilla huma żewġt ibliet Spanjoli awtonomi li jinsabu fix-xatt tat-tramuntana tal-Afrika. Il-Baħar Mediterran jifridhom mill-medda tal-art ewlenija Spanjola. Billi jaqgħu ma’ Spanja, huma parti mill-UE u r-residenti tagħhom iħallsu bl-euro.

L-Azores u Madeira (Portugall)

L-Azores u Madeira huma żewġ arċipelagi fl-Oċean Atlantiku li jiffurmaw iż-żewġ Reġjuni Awtonomi tal-Portugall. Bħall-Gżejjer Kanarji, huma reġjuni mbiegħda tal-UE u parti miż-żona tal-euro.

Mayotte u Réunion (Franza)

Mayotte u Réunion huma żewġ gżejjer li jinsabu fl-Oċean Indjan, rispettivament lejn il-Punent u l-Lvant ta’ Madagaskar. It-tnejn huma “dipartimenti barranin” ta’ Franza u reġjuni mbiegħda tal-UE. In-nies li joqogħdu hemm iħallsu bl-euro.

Saint Pierre u Miquelon (Franza)

Saint Pierre u Miquelon jiffurmaw arċipelagu lil hinn mix-xatt tal-Lvant tal-Kanada u huma “kollettività barranija” ta’ Franza. Dan ifisser li huma parti minn Franza iżda mhumiex parti mill-UE. Il-gżejjer iffirmaw ftehim mal-UE biex ikunu jistgħu jużaw l-euro.

Il-Gujana Franċiża

Il-Gujana Franċiża hija dipartiment barrani ta’ Franza li jinsab fuq l-Atlantiku fix-xatt tat-Tramuntana tal-Amerika t’Isfel. Bħala parti minn Franza, il-Gujana Franċiża tifforma reġjun imbiegħed tal-UE u għalhekk tagħmel sehem miż-żona tal-euro.

Gżejjer Franċiżi fil-Karibew

Il-gżejjer Karibej ta’ Guadeloupe u Martinique huma dipartimenti barranin ta’ Franza u għalhekk huma parti mill-UE. Saint Martin saret kollettività barranija ta’ Franza fl-2007 iżda għadha tifforma parti mill-UE. Il-kollettività barranija ta’ Saint-Barthélemy, li mhijiex parti mill-UE, iffirmat ftehim monetarju mal-UE biex tkun tista’ tuża l-euro.

Mikrostati fl-Ewropa

Il-mikrostati Ewropej ta’ Andorra, Monako, San Marino u l-Belt tal-Vatikan mhumiex parti mill-UE. Madankollu, ilkoll iffirmaw ftehim monetarju mal-UE. Dan ifisser li n-nies li joqogħdu f’dawn l-Istati jużaw l-euro bħala l-munita uffiċjali tagħhom. L-erba’ stati huma awtorizzati wkoll joħorġu kwantità limitata ta’ muniti ddisinjati minnhom.

Kosovo u Montenegro

Kosovo u Montenegro fil-Balkani tal-Punent mhumiex membri tal-UE. M’għandhomx munita domestika u ilhom jużaw l-euro sa mill-2002. Qabel dan, kienu jużaw id-Deutche Mark.