Għażliet għat-Tiftix
Home Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika monetarja L-euro Pagamenti u swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA INTRODUTTORJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,

Frankfurt am Main, 11 ta’ Marzu 2021

Sinjuri, hu pjaċir kbir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Issa se ngħidulkom x’ħareġ mil-laqgħa tal-Kunsill Governattiv, fejn kien preżenti wkoll il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni, is-Sur Dombrovskis.

Filwaqt li s-sitwazzjoni ekonomika ġenerali hija mistennija titjieb matul l-2021, tibqa’ l-inċertezza dwar il-prospetti ekonomiċi fi żmien qasir, marbuta b’mod partikolari mad-dinamika tal-pandemija u l-veloċità tal-kampanji ta’ tilqim. L-irkupru fid-domanda globali u miżuri fiskali addizzjonali qed jappoġġjaw l-attività globali u taż-żona tal-euro. Iżda rati persistenti għoljin ta’ infezzjoni tal-koronavirus (COVID-19), il-firxa ta’ mutazzjonijiet tal-virus, u l-estensjoni assoċjata u l-issikkar tal-miżuri ta’ trażżin qed ikunu ta’ piż fuq l-attività ekonomika taż-żona tal-euro fuq żmien qasir. B’ħarsa ’l quddiem, il-kampanji ta’ tilqim li għaddejjin, flimkien mar-rilassament gradwali previst tal-miżuri ta’ trażżin, isostnu l-istennija ta’ rkupru sod fl-attività ekonomika matul l-2021. L-inflazzjoni żdiedet matul dawn l-aħħar xhur prinċipalment minħabba xi fatturi tranżitorji u żieda fl-inflazzjoni tal-prezz tal-enerġija. Fl-istess ħin, l-inflazzjoni sottostanti tibqa’ baxxa fil-kuntest ta’ domanda dgħajfa u tnaqqis sinifikanti fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti. Filwaqt li l-aħħar eżerċizzju ta’ tbassir tal-persunal tagħna jipprevedi żieda gradwali fil-pressjonijiet tal-inflazzjoni sottostanti, jikkonferma li l-prospetti tal-inflazzjoni fuq medda medja ta’ żmien jibqgħu ġeneralment l-istess mit-tbassir tal-persunal f’Diċembru 2020 u taħt l-għan tagħna tal-inflazzjoni.

F'dawn il-kundizzjonijiet, il-preżervazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli matul il-perjodu tal-pandemija tibqa’ essenzjali. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament huma ddefiniti minn sett olistiku u multidimensjonali ta’ indikaturi, li jkopru l-katina kollha tat-trażmissjoni tal-politika monetarja minn rati ta’ imgħax mingħajr riskju u rendiment sovran għal rendiment ta’ bonds korporattivi u kundizzjonijiet ta’ kreditu bankarju. Ir-rati tal-imgħax tas-suq żdiedu mill-bidu tas-sena, u dan joħloq riskju għal kundizzjonijiet usa’ ta’ finanzjament. Il-banek jużaw rati ta’ imgħax mingħajr riskju u rendimenti ta’ bonds sovrani bħala referenzi ewlenin għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kreditu. Jekk ikunu mdaqqsa u persistenti, żidiet f'dawn ir-rati tal-imgħax tas-suq, meta jitħallew mhux kontrollati, jistgħu jissarrfu f’issikkar prematur tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament għas-setturi kollha tal-ekonomija. Dan mhuwiex mixtieq fi żmien meta l-preżervazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli għadha meħtieġa biex titnaqqas l-inċertezza u tissaħħaħ il-fiduċja, u b’hekk tissaħħaħ l-attività ekonomika u tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju.

F’dan l-isfond, il-Kunsill Governattiv iddeċieda dan li ġej:

L-ewwel nett, ser inkomplu nwettqu x-xiri nett ta’ assi taħt il-programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP) b’pakkett totali ta’ €1,850 biljun sa mill-inqas l-aħħar ta' Marzu 2022 u, fi kwalunkwe każ, sakemm il-Kunsill Governattiv jiġġudika li l-fażi tal-kriżi tal-koronavirus spiċċat. Fuq il-bażi ta’ valutazzjoni konġunta tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament u l-prospetti ta’ l-inflazzjoni, il-Kunsill Governattiv jistenna li x-xiri taħt il-PEPP matul it-tliet xhur li ġejjin isiru b’pass ferm ogħla milli matul l-ewwel xhur ta’ din is-sena.

Se nixtru b’mod flessibbli skont il-kundizzjonijiet tas-suq u bil-ħsieb li nipprevjenu ssikkar tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament li jkun inkonsistenti mal-ġlieda kontra l-impatt ’l isfel tal-pandemija fuq il-passaġġ proġettat tal-inflazzjoni. Barra minn hekk, il-flessibilità tax-xiri maż-żmien, bejn il-klassijiet tal-assi u fost il-ġurisdizzjonijiet se tkompli tappoġġja t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Jekk jistgħu jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament bi flussi ta’ xiri ta’ assi li ma jeżawrixxux il-pakkett fuq l-orizzont ta' xiri nett tal-PEPP, il-pakkett m'għandux għalfejn jintuża għalkollox. Bl-istess mod, il-pakkett jista’ jiġi kkalibrat mill-ġdid jekk meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli biex jgħinu fil-ġlieda kontra x-xokk tal-pandemija negattiv fit-triq tal-inflazzjoni.

Aħna se inkomplu ninvestu mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-anqas l-aħħar tal-2023. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

Fit-tieni lok, ix-xiri nett taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi tagħna (APP) se jkompli b’pass ta’ kull xahar ta’ €20 biljun. Aħna nibqgħu nistennew li x-xiri nett ta’ kull xahar, ta’ assi taħt l-APP jibqa’ jsir sakemm ikun meħtieġ biex jissaħħaħ l-impatt tal-akkomodament tar-rati tal-politika tagħna, u li jintemm ftit qabel nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE.

Biħsiebna nibqgħu nerġgħu ninvestu l-pagamenti ewlenin kollha mit-titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż ta’ żmien wara d-data meta nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju.

Fit-tielet lok, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jħalli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE kif kienu. Aħna nistennew li dawn jibqgħu fil-livelli attwali tagħhom jew f’livelli iżjed baxxi sakemm naraw li l-prospetti tal-inflazzjoni jkunu konverġenti b’mod ċar ma’ livell li jkun qrib biżżejjed, iżda taħt, it-2 fil-mija fil-perijodu tat-tbassir tagħna, u li din il-konverġenza tkun ġiet riflessa b’mod konsistenti fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.

Fl-aħħar nett, ser inkomplu nipprovdu wkoll likwidità wiesgħa permezz tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tagħna. B’mod partikolari, it-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III) tibqa’ sors attraenti ta’ finanzjament għall-banek, li tappoġġa s-self bankarju lill-impriżi u lill-unitajiet domestiċi.

Il-preżervazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli matul il-perjodu tal-pandemija għas-setturi kollha tal-ekonomija tibqa’ essenzjali biex issostni l-attività ekonomika u tissalvagwardja l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq terminu medju. Ser inkomplu nimmonitorjaw wkoll l-iżviluppi fir-rata tal-kambju fir-rigward tal-implikazzjonijiet possibbli tagħhom għall-prospetti tal-inflazzjoni fuq żmien medju. Nibqgħu lesti biex naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna, kif ikun xieraq, biex jiġi żgurat li l-inflazzjoni timxi lejn l-għan tagħna b’mod sostnut, skont l-impenn tagħna għas-simetrija.

Issa se nispjega l-valutazzjoni tagħna f’iżjed dettall, u nibda bl-analiżi ekonomika. Wara l-irpiljar qawwi fit-tkabbir fit-tielet trimestru tal-2020, il-PDG reali taż-żona tal-euro naqas b’0.7 fil-mija fir-raba’ trimestru. Meta wieħed iħares lejn is-sena sħiħa, il-PDG reali huwa stmat li naqas b’6.6 fil-mija fl-2020, bil-livell ta’ attività ekonomika għar-raba’ trimestru tas-sena ikun ta’ 4.9 fil-mija taħt il-livell tiegħu ta’ qabel il-pandemija fi tmiem l-2019.

Dejta ekonomika, stħarriġ u indikaturi ta’ frekwenza għolja li deħlin jindikaw dgħjufija ekonomika kontinwa fl-ewwel trimestru tal-2021 immexxija mill-persistenza tal-pandemija u l-miżuri ta’ trażżin assoċjati. Bħala riżultat, il-PDG reali x’aktarx jerġa’ jonqos fl-ewwel trimestru tas-sena.

L-iżviluppi ekonomiċi jkomplu jkunu irregolari fil-pajjiżi u fis-setturi kollha, bis-settur tas-servizzi jiġi affettwat b’mod aktar negattiv bir-restrizzjonijiet il-ġodda fuq l-interazzjoni soċjali u l-mobbiltà milli l-attività fis-settur industrijali, li qed jirkupra malajr. Għalkemm il-miżuri tal-politika fiskali qed jappoġġjaw lill-unitajiet domestiċi u lill-impriżi, il-konsumaturi qed jibqgħu kawti fid-dawl tal-pandemija u l-impatt tagħha fuq l-impjiegi u l-qligħ. Barra minn hekk, karti tal-bilanċ aktar dgħajfa tal-kumpaniji u inċertezza għolja dwar il-prospetti ekonomiċi għadhom ta’ piż fuq l-investiment fin-negozju.

B’ħarsa ’l quddiem, il-kampanji ta’ tilqim li għaddejjin, flimkien mar-rilassament gradwali tal-miżuri ta’ trażżin – sakemm ma jkunx hemm żviluppi negattivi fir-rigward tal-pandemija – isostnu l-istennija ta’ rkupru sod fl-attività ekonomika matul l-2021. Fuq medda ta’ żmien medju, l-irkupru tal-ekonomija taż-żona tal-euro għandu jkun appoġġat minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli, pożizzjoni fiskali espansiva u rkupru fid-domanda hekk kif jitneħħew gradwalment il-miżuri ta’ trażżin.

Din il-valutazzjoni hi ġeneralment riflessa fis-sitwazzjoni bażi fit-tbassir makroekonomiku tal-persunal tal-BĊE għaż-żona tal-euro ta’ Marzu 2021. Dan it-tbassir jipprevedi tkabbir annwali reali tal-PDG ta’ 4.0 fil-mija fl-2021, 4.1 fil-mija fl-2022 u 2.1 fil-mija fl-2023. Meta jitqabblu mat-tbassir makroekonomiku ta’ Diċembru 2020 tal-persunal tal-Eurosistema, il-prospetti għall-attività ekonomika jibqgħu ġeneralment l-istess.

B’mod ġenerali, ir-riskji madwar il-prospetti tat-tkabbir taż-żona tal-euro fuq medda medja ta’ żmien saru aktar ibbilanċjati, għalkemm jibqgħu riskji negattivi għall-futur qrib. Min-naħa waħda, prospetti aħjar għad-domanda globali, imsaħħa bl-istimulu fiskali mdaqqas, u l-progress fil-kampanji tat-tilqim huma inkoraġġanti. Min-naħa l-oħra, il-pandemija li għaddejja bħalissa, inkluż it-tixrid ta’ mutazzjonijiet tal-virus, u l-implikazzjonijiet tagħha għall-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji jkomplu jkunu sorsi ta’ riskju negattiv.

L-inflazzjoni annwali taż-żona tal-euro żdiedet drastikament għal 0.9 fil-mija f’Jannar u Frar 2021, ’il fuq minn -0.3 fil-mija f'Diċembru. Iż-żieda fl-inflazzjoni ewlenija tirrifletti numru ta’ fatturi idjosinkratiċi, bħat-tmiem tat-tnaqqis temporanju tar-rata tal-VAT fil-Ġermanja, perjodi ta’ bejgħ imdewma f’xi pajjiżi taż-żona tal-euro u l-impatt tal-bidliet aktar b'saħħithom mis-soltu fil-piżijiet HICP għall-2021, kif ukoll inflazzjoni ogħla fil-prezz tal-enerġija. Fuq il-bażi tal-prezzijiet kurrenti tal-futures taż-żejt, l-inflazzjoni ewlenija x’aktarx tiżdied fix-xhur li ġejjin, iżda xi volatilità hija mistennija matul is-sena li tirrifletti d-dinamika li qed tinbidel tal-fatturi li bħalissa jimbuttaw l-inflazzjoni ’l fuq. Dawn il-fatturi jistgħu jkunu mistennija li jisparixxu mir-rati ta’ inflazzjoni annwali kmieni s-sena d-dieħla. Il-pressjonijiet tal-prezzijiet sottostanti huma mistennija li jiżdiedu xi ftit din is-sena minħabba restrizzjonijiet tal-provvista kurrenti u l-irkupru fid-domanda domestika, għalkemm il-pressjonijiet huma mistennija li jibqgħu mrażżna b’mod ġenerali, li jirriflettu wkoll pressjonijiet ta’ pagi baxxi u l-apprezzament tal-passat tal-euro. Ladarba l-impatt tal-pandemija jonqos, l-għibien tal-livell għoli ta’ domanda dgħajfa, appoġġjata minn politiki fiskali u monetarji akkomodattivi, se tikkontribwixxi għal żieda gradwali fl-inflazzjoni fuq medda medja ta' żmien. Miżuri bbażati fuq stħarriġ u indikaturi bbażati fuq is-suq ta’ aspettattivi ta’ inflazzjoni fuq żmien itwal jibqgħu f’livelli kajmana, għalkemm indikaturi bbażati fuq is-suq baqgħu jiżdiedu gradwalment.

Din il-valutazzjoni hi ġeneralment riflessa fis-sitwazzjoni bażi fit-tbassir makroekonomiku tal-persunal tal-Eurosistema għaż-żona tal-euro ta’ Marzu 2021 li tbassar inflazzjoni annwali ta’ 1.5 fil-mija fl-2020, 1.2 fil-mija fl-2022 u 1.4 fil-mija fl-2023. Meta mqabbel mal-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-Eurosistema ta’ Diċembru 2020, il-prospetti għall-inflazzjoni ġew riveduti ’l fuq għall-2021 u l-2022, l-aktar minħabba fatturi temporanji u inflazzjoni ogħla fil-prezz tal-enerġija għall-2023.

Meta ngħaddu għall-analiżi monetarja, ir-rata ta’ tkabbir annwali tal-aggregat monetarju wiesa’ (M3) baqgħet 12.5 fil-mija f’Jannar 2021, minn 12.4 fil-mija f’Diċembru u 11.0 fil-mija f’Novembru 2020. Tkabbir qawwi tal-flus baqa’ jiġi sostnut mix-xiri kontinwu ta’ assi mill-Eurosistema, li sar l-akbar sors ta’ ħolqien ta’ flus. L-aggregat monetarju ristrett M1 baqa’ l-kontributur ewlieni għal tkabbir wiesa’ ta’ flus, konsistenti ma’ preferenza li għadha għolja għal-likwidità fis-settur taż-żamma tal-flus u spiża baxxa ta’opportunità biex jinżammu l-aktar forom ta’ flus likwidi.

Żviluppi f’self lis-settur privat kienu kkaratterizzati minn self kemxejn aktar dgħajjef lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji u self reżiljenti lill-unitajiet domestiċi. Il-fluss ta’ self ta’ kull xahar lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji żamm il-moderazzjoni osservata sa mill-aħħar tas-sajf. Fl-istess ħin, ir-rata tat-tkabbir annwali baqgħet ġeneralment l-istess, b’7.0 fil-mija, wara 7.1 fil-mija f’Diċembru, li xorta tirrifletti ż-żieda qawwija ħafna fis-self fl-ewwel nofs tas-sena. Ir-rata ta’ tkabbir annwali ta’ self lill-unitajiet domestiċi baqgħet ġeneralment ta’ 3.0 fil-mija f’Jannar, wara 3.1 fil-mija f’Diċembru, fost fluss pożittiv solidu ta’ kull xahar.

Inġenerali, il-miżuri tal-politika tagħna, flimkien mal-miżuri adottati mill-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra jibqgħu essenzjali biex jappoġġaw kundizzjonijiet tas-self bankarju u aċċess għall-finanzjament, b’mod partikolari għal dawk l-iktar affettwati mill-pandemija.

Fil-qosor, kontroverifika tar-riżultat tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat li għadu meħtieġ livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju biex tkun appoġġata l-attività ekonomika u għall-konverġenza robusta tal-inflazzjoni ma’ livelli li jkunu taħt, iżda qrib it-2 fil-mija fuq żmien medju.

Fir-rigward tal-politika fiskali, pożizzjoni fiskali ambizzjuża u koordinata tibqa’ kruċjali, minħabba l-kontrazzjoni qawwija fl-ekonomija taż-żona tal-euro. Għal dan il-għan, appoġġ mill-politika fiskali nazzjonali għandha tkompli minħabba domanda dgħajfa minn impriżi u unitajiet domestiċi marbuta mal-pandemija li għadha għaddejja u l-miżuri assoċjati ta’ trażżin. Fl-istess ħin, miżuri fiskali meħuda bħala risposta għall-emerġenza pandemika għandhom, jibqgħu temporanji u mmirati fin-natura biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet b’mod effettiv u biex jiġi sostnut irkupru ta’ malajr. It-tliet xbieki tas-sigurtà approvati mill-Kunsill Ewropew għall-ħaddiema, in-negozji u l-gvernijiet jipprovdu appoġġ ta’ finanzjament importanti.

Il-Kunsill Governattiv jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-pakkett tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss u jenfasizza l-importanza li dan jibda jaħdem mingħajr dewmien. Huwa jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw ratifika f’waqtha tad-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji, biex jiffinalizzaw il-pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza tagħhom fil-pront u biex jużaw il-fondi għal infiq pubbliku produttiv, akkumpanjat minn politiki strutturali li jtejbu l-produttività. Dan jippermetti lill-programm tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss biex jikkontribwixxi għal irkupru aktar mgħaġġel, aktar b’saħħtu u aktar uniformi u jżid ir-reżiljenza ekonomika u l-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomiji tal-Istati Membri, u b’hekk jappoġġja l-effettività tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro. Politiki strutturali bħal dawn huma partikolarment importanti fl-indirizzar ta’ dgħufijiet strutturali u istituzzjonali li ilhom jeżistu u fl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja