Għażliet għat-Tiftix
Home Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika monetarja L-euro Pagamenti u swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA INTRODUTTORJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,

Frankfurt am Main, 29 ta’ Ottubru 2020

Sinjuri, hu pjaċir kbir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Issa se ngħidulkom x’ħareġ mil-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv, fejn kien preżenti wkoll il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni, is-Sur Dombrovskis.

Iż-żieda fl-infezzjonijiet tal-koronavirus (COVID-19) tippreżenta sfidi mill-ġdid għas-saħħa pubblika u l-prospetti tat-tkabbir taż-żona tal-euro u l-ekonomiji globali. L-informazzjoni li dieħla turi li l-irkupru ekonomiku taż-żona tal-euro qed jitlef ir-rankatura aktar malajr milli mistenni, wara rpiljar qawwi, iżda parzjali u irregolari, fl-attività ekonomika fix-xhur tas-sajf. Iż-żieda fil-każijiet COVID-19 u l-intensifikazzjoni assoċjata tal-miżuri ta’ trażżin qed ikunu ta’ piż fuq l-attività u qed tikkostitwixxi deterjorament ċar fil-prospetti fuq żmien qasir. Fil-fatt filwaqt li l-attività fis-settur tal-manifattura baqgħet tirpilja, l-attività fis-settur tas-servizzi qed tonqos b’mod viżibbli. Għalkemm il-miżuri tal-politika fiskali qed jappoġġjaw lill-unità domestiċi u lill-impriżi, il-konsumaturi huma kawti fid-dawl tal-pandemija u r-ramifikazzjonijiet tagħha għall-impjiegi u l-pagi. Barra minn hekk, karti tal-bilanċ aktar dgħajfa u inċertezza akbar dwar il-prospetti ekonomiċi qed ikunu ta’ piż fuq l-investiment fin-negozju. L-inflazzjoni totali qed tittaffa minn prezzijiet baxxi tal-enerġija u pressjonijiet sottostanti baxxi fil-prezzijiet fil-kuntest ta’ domanda dgħajfa u tnaqqis sinifikanti fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti.

Il-miżuri tal-politika monetarja li ħadna mill-bidu ta’ Marzu qed jgħinu biex jippreservaw kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli għas-setturi u l-ġurisdizzjonijiet kollha fiż-żona tal-euro, u b’hekk jipprovdu appoġġ kruċjali biex isostnu l-attività ekonomika u biex jissalvagwardjaw l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju. Fl-istess ħin, fl-ambjent kurrenti tar-riskji negattivi notevoli, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta bir-reqqa l-informazzjoni li tidħol, inkluża d-dinamika tal-pandemija, il-prospetti għal tnedija ta’ vaċċini u żviluppi fir-rata tal-kambju. Il-medda ġdida ta’ projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-Eurosistema f’Diċembru ser tippermetti valutazzjoni mill-ġdid iddettaljata tal-prospetti ekonomiċi u l-bilanċ tar-riskji. Fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni aġġornata, il-Kunsill Governattiv ser jikkalibra mill-ġdid l-istrumenti tiegħu, kif xieraq, biex jirrispondi għas-sitwazzjoni li qed tiżvolġi u biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ta' finanzjament jibqgħu favorevoli biex isostnu l-irkupru ekonomiku u jikkontrobattu l-impatt negattiv tal-pandemija fuq il-profil previst għall-inflazzjoni. Dan se jrawwem il-konverġenza tal-inflazzjoni lejn dan l-għan b’mod sostnut, f'konformità mal-impenn tiegħu għas-simetrija

Fil-frattemp, iddeċidejna li nikkonfermaw mill-ġdid il-pożizzjoni akkomodattiva tal-politika monetarja tagħna.

Ser inżommu r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE kif kienu. Aħna nistennew li dawn jibqgħu fil-livelli attwali tagħhom jew f’livelli iżjed baxxi sakemm naraw li l-prospetti tal-inflazzjoni jkunu konverġenti b’mod ċar ma’ livell li jkun qrib biżżejjed, iżda taħt, it-2 fil-mija fil-perijodu tat-tbassir tagħna, u li din il-konverġenza tkun ġiet riflessa b’mod konsistenti fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.

Se nkomplu x-xiri tagħna taħt il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) b’pakkett totali ta’ € 1,350 biljun. Dan ix-xiri jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-pożizzjoni ġenerali tal-politika monetarja u b’hekk jgħin biex jiġi kkumpensat l-impatt ’l isfel tal-pandemija fil-profil tal-inflazzjoni mbassar. Ix-xiri se jibqa’ jsir b’mod flessibbli tul iż-żmien, fil-klassijiet kollha tal-assi u fost il-ġurisdizzjonijiet kollha. Dan jippermettilna nilqgħu b’mod effettiv għar-riskji għat-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Aħna ser inwettqu x-xiri nett ta’ assi taħt il-PEPP sa mill-inqas sal-aħħar ta’ Ġunju 2021 u, fi kwalunkwe każ, sakemm il-Kunsill Governattiv iqis li l-fażi ta’ kriżi tal-koronavirus intemmet. Aħna se nerġgħu ninvestu l-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-inqas l-aħħar tal-2022. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

Xiri nett taħt il-programm tagħna tax-xiri ta’ assi (APP) se jibqa’ jsir kull xahar f’ammont ta’ €20 biljun, flimkien max-xiri taħt il-pakkett temporanju addizzjonali ta’ €120 biljun sal-aħħar tas-sena. Aħna nibqgħu nistennew li x-xiri nett ta’ kull xahar, ta’ assi taħt l-APP jibqa’ jsir sakemm ikun meħtieġ biex jissaħħaħ l-impatt tal-akkomodament tar-rati tal-politika tagħna, u li jintemm ftit qabel nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE. Aħna fiħsiebna nkomplu ninvestu mill-ġdid, għalkollox, il-ħlasijiet prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP għal perjodu estiż ta’ żmien wara d-data meta nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli u grad wiesa’ ta’ akkomodament monetarju.

Ser inkomplu nipprovdu wkoll likwidità wiesgħa permezz tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tagħna. B’mod partikolari, it-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III) tibqa’ sors attraenti ta’ finanzjament għall-banek, li tappoġġa s-self bankarju lill-impriżi u lill-unitajiet domestiċi.

Issa se nispjega l-valutazzjoni tagħna f’iżjed dettall, u nibda bl-analiżi ekonomika. Il-PDG reali taż-żona tal-euro naqas bi 11.8 fil-mija fuq bażi trimestrali, fit-tieni trimestru tal-2020. Wara t-tnaqqis f'April 2020, l-ekonomija taż-żona tal-euro rpiljat sew ħafna fit-tielet trimestru, u għamlet tajjeb għal nofs it-tnaqqis fl-ewwel nofs tas-sena. Iż-żieda sinifikanti fir-rati ta’ infezzjoni tal-koronavirus u l-intensifikazzjoni assoċjata tal-miżuri ta' trażżin mis-sajf jikkostitwixxu ostakoli ċari għall-prospetti għal żmien qasir. Fil-fatt, dejta preċiża riċenti, riżultati ta’ stħarriġ u indikaturi ta' frekwenza għolja jindikaw trattib sinifikanti fl-attività ekonomika fl-aħħar trimestru tas-sena. Barra minn hekk, l-iżviluppi ekonomiċi jibqgħu jkunu inċerti fis-setturi kollha. B’mod partikolari, l-attività fis-settur tas-servizzi qed jerġa jonqos billi huwa l-iktar settur affettwat mir-restrizzjonijiet il-ġodda fuq attivitajiet soċjali u l-mobilità. Għall-quddiem, filwaqt li l-inċertezza relatata mal-evoluzzjoni tal-pandemija x’aktarx tnaqqas is-saħħa tal-irkupru fis-suq tax-xogħol u fil-konsum u fl-investiment, l-ekonomija taż-żona tal-euro għandha tibqa’ tkun appoġġata minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli u pożizzjoni fiskali espansiva.

Inġenerali, ir-riskji għall-prospetti tat-tkabbir fiż-żona tal-euro qed jindikaw xejra ċara ta’ tnaqqis. Dan jirrifletti ż-żieda reċenti fl-infezzjonijiet tal-COVID-19, l-intensifikazzjoni assoċjata tal-miżuri ta’ trażżin u kronoloġija inċerta ħafna tal-pandemija u l-implikazzjonijiet tagħha għall-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji.

L-inflazzjoni annwali taż-żona tal-euro naqset għal -0.3 fil-mija f'Settembru, minn -0.2 fil-mija f'Awissu, li tirrifletti żviluppi fil-prezzijiet tal-enerġija, oġġetti u servizzi industrijali mhux tal-enerġija. Fuq il-bażi tad-dinamika tal-prezz taż-żejt u inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis temporanju fil-VAT Ġermaniża, l-inflazzjoni totali x’aktarx tibqa’ negattiva sal-bidu tal-2021. Barra minn hekk, il-pressjonijiet tal-prezzijiet fuq medda qasira ta’ żmien se jibqgħu mrażżna minħabba domanda dgħajfa, notevolment fis-setturi relatati mat-turiżmu u l-ivvjaġġar, kif ukoll minħabba pressjonijiet tal-pagi aktar baxxi u l-apprezzament tar-rata tal-kambju tal-euro. Ladarba l-impatt tal-pandemija jonqos, irkupru fid-domanda, appoġġat minn politiki fiskali u monetarji akkomodattivi, se jpoġġi pressjoni 'l fuq fuq l-inflazzjoni fuq medda medja ta' żmien. Indikaturi bbażati fuq is-suq u miżuri bbażati fuq stħarriġ ta’ aspettattivi ta’ inflazzjoni fit-tul jibqgħu ġeneralment l-istess f’livelli baxxi.

Fir-rigward tal-analiżi monetarja, aggregat monetarju wiesa’ (M3) tela’ għal 10.4 fil-mija f’Settembru 2020, minn 9.5 fil-mija f’Awwissu, u b’hekk baqa’ ferm ogħla mil-livelli rreġistrati qabel il-pandemija COVID-19. Tkabbir qawwi tal-flus ikompli jirrifletti l-espansjoni ta’ kreditu domestiku u x-xiri kontinwu ta’ assi mill-Eurosistema, kif ukoll kunsiderazzjonijiet ta’ prekawzjoni li jrawmu preferenza akbar għal-likwidità fis-settur li għandu l-flus. F’dan l-ambjent, l-aggregat monetarju ristrett M1, li jinkludi l-aktar forom monetarji likwidi, għadu l-akbar kontributur għat-tkabbir monetarju wiesa’.

L-iżviluppi fis-self lis-settur privat baqgħu jiġu influwenzati mill-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-attività ekonomika. Wara żidiet qawwija fix-xhur bikrin tal-pandemija, ir-rata ta’ tkabbir annwali ta’ self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji baqgħet 7.1 fil-mija f’Settembru, l-istess minn Awwissu. Madankollu, dan jostor moderazzjoni fi flussi ta’ self ta’ kull xahar reċenti. Ir-rata ta’ tkabbir annwali ta' self lill-unitajiet domestiċi telgħet sa 3.1 fil-mija f'Settembru, minn 3.0 fil-mija f'Awissu. It-tkabbir fis-self lis-settur privat ikompli jibbenefika minn rati storikament baxxi ta’ self bankarju.

Skont l-istħarriġ tagħna dwar is-self bankarju għat-tielet trimestru tal-2020, issikkaw il-kundizzjonijiet tal-kreditu fuq self lill-impriżi. Filwaqt li l-banek indikaw li l-finanzjament u l-kundizzjonijiet tal-karta tal-bilanċ tagħhom jibqgħu ta’ appoġġ, perċezzjonijiet ta’ riskju ogħla jistgħu jkunu ta’ piż fuq l-attitudni tagħhom lejn il-ħolqien ta’ self. Banek mistħarrġa rrappurtaw tnaqqis fid-domanda tas-self tal-impriżi fit-tielet trimestru, li jirrifletti tnaqqis fil-ħtiġijiet ta’ likwidità ta’ emerġenza u dgħufija fl-investiment korporattiv. L-istħarriġ jindika żieda fid-domanda netta tal-unitajiet domestiċi għal self fit-tielet trimestru, filwaqt li jissuġġerixxi wkoll l-intenzjoni li jiġu ssikkati l-istandards tal-kreditu għall-unitajiet domestiċi.

Inġenerali, il-miżuri tal-politika tagħna, flimkien mal-miżuri adottati mill-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej jibqgħu essenzjali biex jappoġġaw aċċess għall-finanzjament, inkluż għal dawk l-iktar affettwati mir-ramifikazzjonijiet tal-pandemija.

Fil-qosor, kontroverifika tar-riżultat tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat li għadu meħtieġ livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju biex tkun appoġġata l-attività ekonomika u għall-konverġenza robusta tal-inflazzjoni ma’ livelli li jkunu taħt, iżda qrib it-2 fil-mija fuq żmien medju.

Fir-rigward tal-politika fiskali, pożizzjoni fiskali ambizzjuża u koordinata tibqa’ kruċjali, minħabba t-tnaqqis qawwi fl-ekonomija taż-żona tal-euro u t-tnaqqis fid-domanda privata. Filwaqt li l-miżuri fiskali meħuda b’reazzjoni għall-emerġenza pandemika għandhom, kemm jista’ jkun, ikunu mmirati u temporanji fin-natura tagħhom, domanda dgħajfa mill-impriżi u l-unitajiet domestiċi u r-riskju akbar ta’ dewmien fl-irkupru jeħtieġ appoġġ kontinwu mill-politiki fiskali nazzjonali. It-tliet xbieki tas-sigurtà approvati mill-Kunsill Ewropew għall-ħaddiema, in-negozji u s-sovrani jipprovdu appoġġ ta’ finanzjament importanti f’dan il-kuntest.

Il-Kunsill Governattiv jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-pakkett tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss u jenfasizza l-importanza li dan jibda jaħdem mingħajr dewmien. Sakemm il-fondi jintużaw għal infiq pubbliku produttiv u akkumpanjati minn politiki strutturali li jtejbu l-produttività, l-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss ser tikkontribwixxi għal irkupru aktar mgħaġġel, aktar b'saħħtu u aktar uniformi u se żżid ir-reżiljenza ekonomika u l-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomiji tal-Istati Membri, u b’hekk tappoġġa l-effettività tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro. Politiki strutturali bħal dawn huma partikolarment importanti fl-indirizzar ta’ dgħufijiet strutturali u istituzzjonali li ilhom jeżistu u fl-aċċellerazzjoni tat-transizzjoni ekoloġika u diġitali.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.